Il-Papa f’Santa Marta: Bibien miftuħa għall-konsolazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 10 ta’ Ġunju 2013: Għaliex hawn tant persuni li għandhom qalbhom magħluqa għall-fidwa? Din hija l-mistoqsija li l-Papa Franġisku tkellem dwarha waqt l-omelija tal-quddiesa tallum, it-Tnejn, 10 ta’ Ġunju 2013, ikkonċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, fost oħrajn, mill-Kardinal Stanislaw Rylko, President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, u li għaliha kienu preżenti responsabbli u dipendenti tad-dikasteru.

Il-mistoqsija ssib it-tweġiba fil-biża’ għaliex, spjega l-Papa, il-fidwa tqanqal biża’.  Hija attrazzjoni li tħarrab il-biżgħat l-iktar moħbija ta’ qalbna. Il-Qdusija Tiegħu qal li ninħtieġu l-fidwa imma fl-istess ħin nibżgħu meta l-Mulej jiġi biex jifdina għax irridu nagħtu kollox u f’dak il-waqt jikkmanda hu.  U minn dan huwa li nibżgħu.  Fil-fatt il-bnedmin iridu jikkmandaw, iridu jkunu huma l-padruni tagħhom infushom. U hekk il-fidwa ma tasalx, il-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu ma tasalx.

Fil-liturġija tal-jum, is-silta tal-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 1-12) dwar il-beatitudnijiet offriet lill-Papa l-okkażjoni għal riflessjoni dwar ir-rapport bejn il-fidwa u l-libertà. Huwa saħaq li hija biss il-fidwa li tasal bil-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu li tirrendina liberi.  Hija l-libertà li titwieled mill-Ispirtu s-Santu li ssalvana, li tikkunslana, li ttina l-ħajja. Imma biex nifhmu għal kollox il-beatitudnijiet u xi jfisser inkunu foqra, inkunu umli, inkunu miżerikordjużi – kollha ħwejjeġ li donnhom ma jwassluniex għas-suċċess – jeħtieġ li ngħassu l-qalb miftuħa u nkunu doqna sewwa dik il-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu li hija l-fidwa.

Il-beatitudnijiet, wara kollox, huma l-liġi ta’ dawk li kienu salvati u fetħu qalbhom għall-fidwa. Din, żied Franġisku, hija l-liġi tal-ħielsa, b’dik il-libertà tal-Ispirtu s-Santu. Nistgħu nirregolaw il-ħajja, nissistemawha fuq elenku ta’ kmandamenti u proċedimenti, imma hija operazzjoni tassew umana, wissa l-Papa. Hija ħaġa limitata u fl-aħħar ma twassalniex għall-fidwa, minħabba li dan qalb miftuħa biss tista’ tagħmlu.

Rigward l-Evanġelju, dan jirrakkonta li, meta ra l-folla, Ġesù tela’ fuq il-muntanja. Fost il-folol, innota l-Papa, kien hemm bosta li kellhom bżonn il-fidwa. Kien il-poplu ta’ Alla li kien segwa l-ewwel lil Ġwanni l-Battista, imbagħad lill-Mulej, proprju għaliex kien jeħtieġ il-fidwa. Imma kien hemm ukoll oħrajn li kienu jmorru hemm biex jeżaminaw din id-duttrina ġdida u mbagħad iħaqquha ma’ Ġesù. Ma kellhomx qalb miftuħa; kellhom qalbhom magħluqa fl-affarijiet tagħhom. Kienu jistaqsu x’ried ibiddel Ġesù, imma billi kellhom qalbhom magħluqa, il-Mulej ma setax ibiddilha.  Sfortunatament kellhom qalbhom magħluqa, żied il-Papa Franġisku.

Għalhekk il-Papa stieden biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nsegwuh; imma mhux bil-libertà tal-fariżej u tas-saduċej, li saru ipokriti għaliex riedu jsegwuh biss bil-libertà umana. L-ipokresija hija proprju dan: ma nħallux li l-Ispirtu jbiddel il-qalb permezz tal-fidwa. Il-libertà li jagħtina l-Ispirtu hija wkoll tip ta’ skjavitù, skjavitù tal-Mulej li jagħmilna liberi. Hija libertà oħra. Għall-kuntrarju, il-libertà tagħna hija skjavitù mhux tal-Mulej, imma tal-ispirtu tad-dinja. Minn hawn l-invokazzjoni tal-Papa li talab il-grazzja li niftħu qalbna għall-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, sabiex din il-konsolazzjoni, li hija l-fidwa, iġġegħilna nifhmu sewwa l-kmandamenti l-ġodda li jinsabu fil-Evanġelju tal-beatitudnijiet.

Mhux b’kumbinazzjoni li l-bidu tat-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (1, 1-7) fil-liturġija tal-jum titkellem disa’ darbiet dwar il-konsolazzjoni. Tidher daqsxejn esaġerata, ikkummenta l-Papa. U waqt li enfasizza li Pawlu ħtieġ seba’ versetti biex jgħid din il-kelma ‘konsolazzjoni’, staqsa: Għaliex jinsisti fuq dan? X’inhi din il-konsolazzjoni? L-ittra tal-Appostlu hija indirizzata lill-Insara żgħażagħ fil-fidi, għal dawk li kienu ilhom ftit li bdew it-triq ta’ Ġesù. Pawlu jinsisti fuq dan. Fit-triq ta’ Ġesù l-Missier joffrilna l-konsolazzjoni. Dawn l-Insara ma kinux kollha ppersegwitati. Kienu persuni normali li kellhom il-familja tagħhom, ix-xogħol tagħhom, imma kienu sabu lil Ġesù. U din hija bidla ta’ ħajja tant li kien hemm bżonn qawwa speċjali ta’ Alla, tal-Ispirtu s-Santu.  U din il-qawwa hija l-konsolazzjoni.

Xi tfisser konsolazzjoni? Għall-Papa Franġisku din hija l-preżenza ta’ Alla f’qalbna. Imma biex il-Mulej ikun fi qlubna hemm bżonn li niftħulu l-bieb. Il-konverżjoni ta’ dawn il-pagani lil min qed jikteb Pawlu kienet tikkonsisti proprju fil-ftuħ tal-bieb lill-Mulej.  U għal dan ingħataw il-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Infatti l-fidwa hija li tgħix fil-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, mhux tgħix fil-konsolazzjoni tal-ispirtu tad-dinja. Dik mhix fidwa, dik dnub. Għall-kuntrarju, il-fidwa hija li timxi ’l quddiem u tiftaħ qalbek sabiex tiġi din il-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.

Il-bniedem spiss jissogra li jfittex li jinnegozja, li jieħu dak li jakkomodah, naqra ’l hawn u naqra ’l hemm.  Bħal donnu nagħmlu maċedonja: naqra Spirtu s-Santu u naqra spirtu tad-dinja. Imma ma’ Alla m’hemmx nofs miżuri: jew tagħżel ħaġa jew l-oħra. Infatti, irrimarka l-Papa, il-Mulej jgħidhulna ċar u tond: ‘Ma tistgħux taqdu żewġ sidien.’ Jew taqdi lill-Mulej jew taqdi lill-ispirtu tad-dinja. Ma tistax tħallat kollox.

Din il-liġi ġdida li l-Mulej iġibilna, dawn il-beatitudnijiet ġodda nifhmuhom biss kemm-il darba wieħed ikollu qalb miftuħa. Nifhmuhom mill-konsolazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Ma jistgħux ikunu mifhuma bl-intelliġenza umana jew permezz tal-ispirtu tad-dinja. Hemm bżonn li nkunu miftuħa għall-fidwa, inkella ma nistgħux nifhmu. Dawn huma l-kmandamenti l-ġodda, imma jekk aħna m’għandniex il-qalb miftuħa għall-Ispirtu s-Santu jidhrulna bħala ħmerijiet.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: