Minn Manwel Cutajar
Għalkemm dan l-irwol u servizz tal-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin jidher hekk sempliċi daqslikieku jikkonsisti biss filli dawn il-Ministri Straordinarji lajċi jgħaddu l-Ostji Kkonsagrata f’idejn il-persuni li jkunu se jitqarbnu, madanakollu das-servizz jerfa’ responsabbilijiet kbar u qaddisa. Niftakru li f’dak il-mument li huma qegħdin iqarbnu, bħalma jagħmlu s-saċerdoti u d-djakni, huma jkunu qed iwasslu l-istess Persuna Qaddisa ta’ Sidna Ġesù Kristu bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità Tiegħu.
Kuntest Storiku
Storikament, dal-ministeru tal-Ministri Straordinarji nbeda minħabba ċerta neċessità f’dawk iż-żminijiet. Fil-bidu tal-Knisja l-għadd tas-saċerdoti u djakni kien ftit u kemxejn limitat u r-restrizzjonijiet ta’ min jista’ jqassam it-Tqarbin kienu aktar rilassati. Hekk, pereżempju,kienet ħaġa komuni li persuna marida titlob lil xi ħabib biex, bil-permess tal-Knisja, iġiblu t-Ewkaristija. Hawnhekk ta’ min isemmi lit-tfajjel Martri San Tarċisju li kien mar iwassal l-Ewkaristija lil xi priġunieri, li konna għamilna referenza għalih f’artiklu preċedenti.
Sal-Medju Evu s-sitwazzjoni nbiddlet sew u dal-ministeru kien ristrett għall-isqfijiet u l-qassisin–anke d-djakni kienu kklassifikati bħala Ministri Straordinarji. Dal-perjodu kien ikkaratterizzat ukoll mit-Tqarbin mhux spiss mill-Insara li, għalkemm setgħu jattendu l-knisja kull tmiem il-ġimgħa, kienu jirċievu biss it-Tqarbin darba fis-sena, ġeneralment madwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid. Dis-sitwazzjoni baqgħet għaddejja sas-snin bikrin tas-seklu għoxrin meta fl-1905 il-Papa Piju X, magħruf ħafna bħala l-Papa tal–Ewkaristija, beda jippromwovi t-Tqarbin regolari u aktar ta’ spiss fost l-Insara.
Wara l-bidliet liturġiċi tal-Konċilju Vatikan II u l-Papa Pawlu VI ħassew li kien opportun li jippermettu lill-isqfijiet jaħtru lajċi biex jgħinu fit-tqassim tat-Tqarbin bħala Ministri Straordinarji tat-Tqarbin– straordinarji fis-sens li kienu ‘barra mis-soltu’.
Il-Kanoni u Dokumenti tal-Knisja Kattoliku
Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika tal-1983 jippermetti li fejn il-bżonnijiet tal-Knisja jeħtieġu u l-ministri ma jkunux disponibbli, il-lajċi, minkejja li mhumiex letturi jew akkoliti, ordnati bl-Ordni Minuri u debitament istitwiti, jistgħu jipprovdu ċerti funzjonijiet tagħhom, jiġifieri,jeżerċitaw il-ministeru tal-Kelma, jippresiedu t-talb Liturġiku, jgħammdu u jqassmu it-Tqarbin, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Kanonika.
It-terminu “lajċi” ma jiddistingwix bejn irġiel u nisa.
.
Il-funzjoni tal-Ministru Straordinarju hija li jqassam it-Tqarbin, jew fil-Quddies jew billi jeħodha lil persuna marida, meta ministru ordnat (isqof, saċerdot jew djaknu, lettur u akkoltu) ikun assenti.
Sabiex tiġi evitata konfużjoni dwar dil-funzjoni, ministru straordinarju tat-Tqarbin m’għandux jissejjaħ “ministru speċjali tat-Tqarbin”, lanqas “ministru straordinarju tal-Ewkaristija”, u lanqas “ministru speċjali tal-Ewkaristija”.
Hekk,fil-Liġi Kanoniku nsibu dal-artiklu: ” Il-ħtieġa tal-Knisja tiġġustifika dan u jkunu neqsin il-ministri, il-lajċi, anki jekk ma jkunux letturi jew akkoliti, debitament istitwiti, jistgħu wkoll jwettqu ċerti dmirijiet, jiġifieri li jeżerċitaw il-ministeru tal-Kelma, jippresiedu t-talb Liturġiku, jgħammdu, u jqassmu t-Tqarbin, skont il-preskrizzjonijiet tal-liġi.”(Kanoni 230 para.3). Ukoll “Persuni lajċi li jiddedikaw ruħhom b’mod permanenti jew temporanju għal servizz speċjali tal-Knisja huma obbligati li jiksbu l-formazzjoni xierqa u tant meħtieġa biex jaqdu l-funzjoni tagħhom kif suppost u li jwettqu din il-funzjoni b’kuxjenza, ħeġġa u diliġenza.” (Kanoni 231 para 1)
Il-fidili li huma Ministri Straordinarji tat-Tqarbin għandhom ikunu persuni li l-kwalitajiet tajbin tagħhom ta’ ħajja Nisranija, fidi u morali jirrakkomandawhom.Ħallihom jistinkaw biex ikunu denji ta’ din il-kariga kbira, irawmu d-devozzjoni tagħhom lejn l-Ewkaristija Mqaddsa u juru eżempju lill-bqija tal-fidili bid-devozzjoni u r-reverenza tagħhom lejn l-aktar Sagrament Sagru tal-artal…” (Immensae Caritatis, 6).
Il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin għandhom jirċievu biżżejjed tħejjija spiritwali, teoloġika u prattika biex jaqdu r-rwol tagħhom b’għarfien u reverenza.
Il-Ministri kollha tat-Tqarbin għandhom juru l-akbar reverenza lejn l-Ewkaristija Mqaddsa bl-imġiba tagħhom, l-ilbies tagħhom, u l-mod li bih jimmaniġġjaw il-Ħobż jew l-Inbid ikkonsagrat. (Ibid).
Is-saċerdot jista’ jkun assistit fit-tqassim tat-Tqarbin minn saċerdoti oħra li jinzertaw preżenti. Jekk dawn is-saċerdoti ma jkunux preżenti u jkun hemm numru kbir ħafna ta’ dawk li se jersqu biex jitqarbnu, is-saċerdot jista’ jsejjaħ ministri straordinarji biex jassistuh, jiġifieri akkoliti debitament istitwiti jew saħansitra fidili oħra li jkunu ġew deputati għal dan il-għan. F’każ ta’ bżonn, is-saċerdot jista’ jaħtar fidili xierqa għal din l-okkażjoni waħda. Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman (IĠMR para.162)
Il-Miraklu Ewkaristiku fi Senlis, Creteil, Franza,1802
Wara li ntlaħaq il-ftehim bejn Napuljun u l-Papa Piju VII fis-sena 1802, il-knejjes ta’ Franza reġgħu ġew miftuħa. Dil-ġrajja ħabtet maċ-ċelebrazzjoni ta’ Corpus Christi li ħabtet ukoll nhar il-festa tal-qaddis padrun tar-raħal żgħir ta’ Senlis,komun fi Creteil, reġjun tat-Tramuntana ta’ Franza ta’ Oise,Hauts-de-France. Għalhekk, kulħadd f’dak ir-raħal kien ferħan u ħerqan biex jiċċelebra dat-tliet ġrajjiet, b’purċissjoni solenni bl-Ewkaristija mat-toroq kollha tar-raħal.
Dik il-ħabta ż-żagħżugħa Augustine Mourette li kienet bint negozjant tal-inbid kienet tilfet l-użu ta’ dirgħajha, riġlejha u leħinha b’riżultat ta’ marda. Kienet ilha tmintax-il xahar paralizzata u minkejja li t-tobba tagħha għamlu minn kollox biex ifejquha imma kien kollox għalxejn. Għalhekk huma kienu tal-fehma li ma kienx hemm fejqan għaliha. Imma Augustine min-naħa tagħha kellha fidi u tama sħiħa fil-ħniena ta’ Ġesù li seta’ jfejjaqha.
Parruċċana żagħżugħa oħra jisimha Henriette Crete riedet tgħin lil Augustine. Ftakret fil-fejqan numeruż li kien jwettaq Ġesù u kienet ċerta li Ġesù seta’ jfejjaq ukoll lil Augustine. Għalhekk, dakinhar taċ-ċelebrazzjoni, Henrietta u sħabha, ftehmu bejniethom li joħorġu lil Augustine fuq siġġu tar-roti ħdejn l-altar li kien hemm barra, imħejji għall-Barka Sagramentali li kienet se tingħatha wara l-purċissjoni. Henriette ħasbet u qalet lil Augustine u lil sħabha kollha li dakinhar hi u sħabha jerfgħuha u jressquha qrib l-Ewkaristija. Hekk Augustiine ġiet ittraspurtata fuq is-siġġu tar-roti. Hawn qagħdu jistennew li tasal il-purċissjoni. Meta wasal is-saċerdot bis-Santissmu Sagrament it-tfajliet wara li refgħu lil Augustine flimkien magħha talbu b’devozzjoni kbira għall-fejqan tagħha. Is-saċerdot imqanqal mill-fidi u t-tama kbira tagħhom,resaq lejn Augustine u t-tfajliet l-oħra bl-Ostensorju bl-Ewkaristija fih u pproviza dit-talba:“Mulej Ġesù, Int għidt fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’Ismek hemm int tkun f’nofshom. Nitolbok isma’ t-talba ta’ dawn il-ħafna żgħażagħ u insara miġburin f’Ismek u magħqudin fil-Fidi tagħhom fil-Preżenza Tiegħek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Inti Mulej li elfejn sena ilu fejjaqt tant nies minn tant tipi ta’ mard, agħti lil din iż-żagħżugħa Augustine li tant temmen Fik il-fejqan mill-marda tagħha.”
Dak il-ħin is-saċerdot għolla l-Ostensorju u bierek lil Augustine u lill-ġemgħa kollha miġbura waqt li qal it-talba tas-soltu għall-morda .
In-nies kollha miġbura, kbar u żgħar, wieġbu flimkien għalenija “Ammen.” Ftit sekondi wara, Augustine qamet minn fuq is-siġġu tar-roti tagħha bla ebda għajnuna ta’ ħadd, niżlet għarkobbtejha trodd ħajr lil Ġesù fl-Ewkaristija u imbagħad ħadet postha maġenb sħabha fil-filliera ta’ quddiem u kompliet miexja tul il-purċissjoni kollha sal-aħħar, għall-istagħġib ta’ kull min kien xhud ta’ dal-Miraklu Ewkaristiku.
(Silta meħuda mill-ktieb ta’ Jean-Marie Mathiot,Miracles, Signes et Prodiges Eucharistiques, Hauts–de–France, L Parvis, 2018, p.236-238)