Il-Papa f’Santa Marta: Sid iż-żmien

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 26 ta’ Novembru 2013: Gwaj li nippretendu li aħna sidien taż-żmien tagħna. Nistgħu nkunu sidien tal-waqt li qegħdin ngħixu, imma ż-żmien huwa ta’ Alla u hu jirregalalna t-tama biex ngħixuh. Hemm tant konfużjoni llum fid-determinazzjoni ta’ min hu effettivament iż-żmien imma, wissa l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa ċcelebrata t-Tlieta, 26 ta’ Novembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, ma għandniex inħallu lilna nfusna niġu ingannati. U spjega l-għaliex u kif għandna nieqfu biex nirriflettu fuq dak li jipproponu l-qari ta’ dan l-aħħar perjodu tas-sena liturġika, li matulu l-Knisja ġgegħilna nirriflettu fuq it-tmiem.

San Pawl, innota l-Papa, bosta drabi jdur fuq dan u jgħidu bl-iktar mod ċar: ‘Il-faċċata ta’ din id-dinja tgħib.’ Imma din hija ħaġa oħra. Il-qari spiss jitkellem minn qerda, minn tmiem, minn diżastru. Dik lejn it-tmiem hija triq li jrid jgħaddi minnha kull wieħed u waħda minna, kull bniedem, l-umanità kollha. Imma waqt li nimxuha, il-Mulej iwissina dwar żewġ ħwejjeġ, speċifika l-Papa: żewġ ħwejjeġ li huma differenti skont kif ngħixu. Għaliex huwa differenti li tgħix fil-mument u differenti li tgħix fiż-żmien. U enfasizza li n-Nisrani huwa mara jew raġel, dak li jaf jgħix fil-waqt u jaf jgħix fiż-żmien.

Il-waqt, żied l-Isqof ta’ Ruma, huwa dak f’idejna fil-punt li aħna ngħixu. Imma m’għandux jitħallat maż-żmien għaliex il-waqt jgħaddi. Forsi aħna, huwa ppreċiża, nistgħu nħossuna sidien tal-waqt. Imma, żied, l-ingann ikun li nemmnu li aħna sidien taż-żmien. Iż-żmien mhux tagħna. Iż-żmien huwa ta’ Alla. Bla ebda dubju, il-waqt huwa f’idejna u għandna wkoll il-libertà li neħduh kif l-aħjar jaqblilna, reġa’ spjega l-Papa. Anzi aħna nistgħu nsiru sovrani tal-waqt. Imma taż-żmien hemm biss sovran wieħed: Ġesù Kristu. Minħabba f’hekk il-Mulej iwissina: ‘La titqarrqux. Hafna infatti għad jiġu f’ismi jgħidulkom: ‘Huwa jien, u ż-żmien huwa fil-qrib.’ La tmorrux warajhom (Danjel 2, 31-45). La tingannawx ruħkom fil-konfużjoni.’

Imma kif inhu possibbli li nissuperaw dawn l-inganni? Il-Qdusija Tiegħu spjega li, biex in-Nisrani jgħix il-waqt mingħajr ma jħalli min jingannah, hemm bżonn li jidderieġi ruħu bit-talb u bid-dixxerniment. Ġesù jċanfar lil dawk li ma kinux jafu jiddixxernu l-waqt, żied il-Papa, li mbagħad għamel riferiment għall-parabbola tat-tina (Mark 13, 28-29), li fiha Kristu jerġa’ jaqbad dawk li huma kapaċi jifhmu l-wasla tas-sajf mill-ġelbin tat-tina u mill-banda l-oħra mhumiex kapaċi jagħrfu s-sinjali ta’ dan il-waqt, parti miż-żmien ta’ Alla.

Hekk hu għalxiex iservi d-dixxerniment, spjega l-Papa: biex nagħrfu l-veri sinjali, biex nagħrfu t-triq li hemm bżonn li naqbdu f’dan il-waqt. It-talb, kompla l-Papa, huwa meħtieġ biex ngħixu tajjeb dan il-waqt. Mill-banda l-oħra, fejn jirrigwarda ż-żmien, ma nistgħu nagħmlu xejn. Infatti m’hemmx virtù umana li tista’ taqdina biex neżerċitaw xi tip ta’ poter fuq iż-żmien. L-unika virtù possibbli biex inħarsu lejn iż-żmien trid tkun irregalata mill-Mulej: din hija t-tama.

Talb u dixxerniment għall-waqt; tama għaż-żmien: hekk in-Nisrani jimxi fuq din it-triq tal-waqt, bit-talb u d-dixxerniment. Imma jħalli ż-żmien għat-tama. In-Nisrani jaf jistenna lill-Mulej f’kull waqt; imma jittama fil-Mulej sat-tmiem taż-żmenijiet. Raġel u mara ta’ waqtiet u ta’ żmien, ta’ talb u dixxerniment, u ta’ tama.

U l-invokazzjoni finali tal-Papa kienet: Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nimxu bil-għaqal. Dan ukoll huwa don: l-għaqal li fil-waqt iwassalna biex nitolbu u niddixxernu, u fiż-żmien, li huwa messaġġier ta’ Alla, jgħinna ngħixu bit-tama.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading