25. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 27 ta’ Novembru 2013
Għeżież ħuti,
L-għodwa t-tajba u nifirħilkom għax kontu kuraġġjużi ġejtu fil-pjazza f’din il-kesħa kollha. Nifirħilkom tassew.
Nixtieq nikkonkludi l-katekeżi fuq il-Kredu, li għamilna tul din is-Sena tal-Fidi, li għalqet il-Ħadd li għadda. F’din il-katekeżi u f’li ġejja nixtieq nittratta t-tema tal-qawmien tal-ġisem mill-imwiet, billi naqbad żewġ aspetti hekk kif jippreżentahom il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jiġifieri l-mewt tagħna u l-qawmien tagħna f’Ġesù Kristu. Il-lum se nieqaf fuq l-ewwel aspett, “immutu fi Kristu”.
1. Fostna spiss jeżisti mod żbaljat ta’ kif inħarsu lejn il-mewt. Il-mewt tolqot lil kulħadd, u tpoġġilna quddiemna mistoqsija profonda, speċjalment meta tmissna mill-qrib, jew meta tolqot liż-żgħar, lil dawk li m’għandhomx min jiddefendihom, b’mod li jidhrilna “skandaluż”. Lili dejjem laqtitni l-mistoqsija: Għaliex ibatu t-tfal? Għaliex imutu t-tfal? Jekk nifhmuha bħala t-tmiem ta’ kollox, il-mewt tbeżżagħna, titterrorizzana, tinbidel f’theddida li xxejjen kull ħolma, kull ħsieb dwar il-futur, li tkisser kull relazzjoni u twaqqaf kull mixja. Dan jiġri meta nħarsu lejn ħajjitna qisha żmien marsus bejn żewġt itruf: it-twelid u l-mewt; meta ma nemmnux f’orizzont li jmur lil hemm mill-ħajja ta’ bħalissa; meta ngħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti. Dan il-kunċett tal-mewt hu tipiku tal-ħsieb ateu, li jinterpreta l-eżistenza bħallikieku sibna ruħna każwalment f’din id-dinja u ninsabu mexjin lejn ix-xejn. Imma hemm ukoll ateiżmu prattiku, li jfisser li wieħed jgħix biss għall-interessi tiegħu u jgħix biss għall-ħwejjeġ tad-dinja. Jekk nittieħdu minn din il-viżjoni żbaljata tal-mewt, ma jifdlilniex għażla oħra ħlief dik li naħbu l-mewt, li niċħduha, jew li nibbanalizzawha, biex ma tbeżżagħniex.
2. Imma kontra din is-soluzzjoni falza tirribella l-“qalb” tal-bniedem, ix-xewqa li lkoll kemm aħna għandna għall-infinit, in-nostalġija li lkoll kemm aħna għandna ta’ l-etern. U allura liema hu s-sens Nisrani tal-mewt? Jekk inħarsu lejn l-iżjed mumenti ta’ swied il-qalb fil-ħajja tagħna, meta tlifna persuna għażiża – il-ġenituri tagħna, ħuna, oħtna, ir-raġel jew il-mara tagħna, xi ħadd minn uliedna, xi ħabib tagħna –, nintebħu li, anki fid-drama tat-telfa, anki meta aħna mifnija mill-firda, tixref minn ġo qalbna l-konvinzjoni li ma jistax ikun li spiċċa kollox, li l-ġid li tajna u rċivejna kien għalxejn. Hemm stint tassew b’saħħtu fina, li qed jgħidilna li ħajjitna ma tintemmx mal-mewt.
Dan l-għatx għall-ħajja sab it-tweġiba vera u ċerta tiegħu fil-qawmien ta’ Ġesù Kristu. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet mhux biss jagħtina ċ-ċertezza tal-ħajja wara l-mewt, imma jdawwal ukoll il-misteru nnifsu tal-mewt ta’ kull wieħed u waħda minna. Jekk ngħixu magħquda ma’ Ġesù, fidili lejH, ikollna l-ħila naffrontaw bit-tama u s-serenità anki l-passaġġ tal-mewt. Il-Knisja fil-fatt titlob: “Għad li mnikktin għax nafu li għandna mmutu, nitfarrġu bil-wegħda ta’ ħajja oħra li qatt ma tintemm”. Kemm hi sabiħa din it-talba tal-Knisja! Il-bniedem aktarx imut kif ikun għex. Jekk ħajti kienet mixja flimkien mal-Mulej, mixja ta’ fiduċja fil-ħniena immensa tiegħu, sa nkun lest biex nilqa’ l-aħħar mument ta’ l-eżistenza tiegħi fuq din l-art bħala abbandun definittiv, kunfidenti fl-idejn tiegħu li jilqgħuni u fl-istennija li nikkontempla wiċċ imb’wiċċ il-wiċċ tiegħu. Din hi l-isbaħ ħaġa li qatt tista’ tiġrilna: li nikkontemplaw wiċċ imb’wiċċ dak il-wiċċ meraviljuż tal-Mulej, narawh kif Hu tabilħaqq, sabiħ, kollu dawl, kollu mħabba, kollu ħlewwa. Aħna mexjin lejn din id-destinazzjoni: li naraw lill-Mulej.
3. F’dan id-dawl nifhmuha l-istedina ta’ Ġesù biex inkunu dejjem lesti, nishru, għax nafu li l-ħajja f’din id-dinja ngħatatilna wkoll biex fiha nitħejjew għall-ħajja l-oħra, dik ma’ Missierna tas-Sema. U għal dan hemm triq żgura: nitħejjew tajjeb għall-mewt, billi noqogħdu qrib ta’ Ġesù. Din hi ċ-ċertezza: jien inħejji ruħi għall-mewt billi noqgħod qrib ta’ Ġesù. U kif noqogħdu qrib ta’ Ġesù? Bit-talb, fis-Sagramenti u anki fit-tħaddim tal-karità. Niftakru li Hu preżenti f’dawk l-iżjed dgħajfa u fil-bżonn. Hu stess identifika ruħu magħhom, fil-parabbola famuża tal-ġudizzju finali, meta jgħid: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni… Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35-36,40). Għalhekk, it-triq żgura tkun li nsibu mill-ġdid is-sens tal-karità Nisranija u tal-qsim fratern, li ndewwu l-ġrieħi tal-ġisem u dawk ta’ ruħ il-proxxmu tagħna. Is-solidarjetà f’li nikkumpatixxu l-uġigħ u nxerrdu t-tama hi premessa u kundizzjoni biex nistgħu nirċievu b’wirt dik is-Saltna mħejjija għalina. Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt. Aħbsu sew f’dan: Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt! Taqblu miegħi? Ngħiduha flimkien biex ma ninsewhiex? Min jipprattika l-ħniena ma jibżax mill-mewt. U għaliex ma jibżax mill-mewt? Għax iħares lejha f’wiċċha fil-ġrieħi ta’ ħutu, u jirbħilha bl-imħabba ta’ Ġesù Kristu.
Jekk nifħtu l-bieb ta’ ħajjitna u ta’ qalbna għall-iċken fost ħutna, allura anki l-mewt tagħna ssir bieb li jwassal għas-Sema, għall-art imbierka tagħna, li lejha mexjin, imxennqin li ngħammru għal dejjem ma’ Alla Missierna, ma’ Ġesù, mal-Madonna u mal-qaddisin.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard