Il-Papa f’Santa Marta: Il-kuraġġ tal-għażliet definittivi

It-Tnejn, 25 ta’ Novembru 2013: Kemm-il darba l-Insara – dawk li huma ppersegwitati llum jew ukoll biss ommijiet u missirijiet ta’ familja – isibu lilhom infushom f’sitwazzjonijiet tal-limitu u, kostretti li jagħmlu għażliet definittivi, jagħżlu madankollu lill-Mulej? Dan staqsieh il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata t-Tnejn filgħodu, 25 ta’ Novembru 2013, ġod-Dar Santa Marta, waqt li enfasizza li din madankollu hija għażla diffiċli, li għaliha jinħtieġ li nitolbu ’l Alla l-grazzja tal-kuraġġ.

Il-Papa rrefera qabel xejn għas-silta liturġika meħuda mill-ktieb tal-profeta Danjel (1, 1-6; 8-20) li fiha nsibu rrakkuntat dwar diversi żgħażagħ li sabu l-kuraġġ li jirrifjutaw ikel kontaminat impost mis-sultan u jiksbu li jkunu mitmugħa bil-moħbi b’ilma u ħxejjex biss. Il-Mulej ipatti għal din il-fedeltà tagħhom billi jgħinhom jiżviluppaw fiżiku u moħħ iktar ħafif minn tal-oħrajn kollha, tant li jaslu li jkunu ffavoriti mis-sultan innifsu. Dawk iż-żgħażagħ, innota l-Qdusija Tiegħu, kienu fil-limitu għaliex skjavi, xejn ma kien iktar sikur, lanqas il-ħajja. Kienu jinsabu fil-limitu.

L-Isqof ta’ Ruma mbagħad reġa’ fakkar l-episodju tal-Evanġelju ta’ Luqa (21, 1-4) li fih nitkellmu dwar l-elemożina tal-armla li lanqas ma għandha biex tiekol hi stess, b’danakollu toffri dak kollu li għandha. Ġesù, enfasizza l-Papa, jgħid li kienet fil-miżerja. F’dak iż-żmien ir-romol ma kellhomx il-pensjoni ta’ żwieġhom, kienu fil-miżerja. Kienu fil-limitu. Mela dawk iż-żgħażagħ u dik l-armla kienu fil-limitu meta sabu ruħhom li jridu jieħdu deċiżjoni.

L-armla, innota l-Papa, marret fit-tempju biex tadura lil Alla, biex tgħid lill-Mulej li huwa fuq kollox u li hija tħobbu. Tħoss li għandha tagħmel ġest għall-Mulej u tagħti dak kollu li kellha biex tgħix. U dan il-ġest tagħha huwa xi ħaġa iktar minn ġenerożità, huwa xi ħaġa oħra. Tagħżel tajjeb: il-Mulej biss. Għaliex tinsa lilha nfisha. Setgħet tgħid: ‘Imma, Mulej, inti taf, għandi bżonn dawn il-flus għall-ħobż tallum…’ U dik il-munita terġa’ lura fil-but. Minflok għażlet li tadura lill-Mulej sal-aħħar.

Ukoll iż-żgħażagħ kellhom il-possibiltà li jsibu soluzzjoni ta’ emerġenza, biex ngħidu hekk, għas-sitwazzjoni tagħhom, żied l-Isqof ta’ Ruma. Setgħu, fil-fatt, jgħidu: ‘Imma aħna skjavi. Il-liġi hawn ma nistgħux inwettquha, hemm bżonn nibżgħu għal ħajjitna, ma nirqaqux, ma nimtlewx bil-mard… mela nieklu!’. Minflok qalu, ‘Le.’ Għamlu għażla: il-Mulej. U kienu hekk intelliġenti li jsibu triq biex jibqgħu fidili, ukoll f’kuntest diffiċli.

Iż-żgħażagħ u l-armla, ġibed l-attenzjoni l-Qdusija Tiegħu, issugraw. Fis-sogru tagħhom għażlu lill-Mulej. Dan għamluh bil-qalb, mingħajr interessi personali u mingħajr tlaqliq. Fdaw fil-Mulej. U dan ma għamluhx, innota l-Papa Franġisku, b’fanatiżmu, imma għaliex kienu jafu li l-Mulej huwa fidil. Fdaw f’dik il-fedeltà li tinsab dejjem hemm. Għaliex il-Mulej huwa dejjem fidil, minħabba li ma jistax jiċħad lilu nnifsu.

Nafdaw fil-fedeltà tal-Mulej. Din hija għażla, qal il-Papa, li wkoll aħna għandna l-opportunità li nagħmlu fil-ħajja nisranija tagħna. Kultant tkun għażla kbira, diffiċli. Fl-istorja tal-Knisja, u wkoll fi żmienna, insibu rġiel, nisa, anzjani, żgħażagħ li jagħmlu din l-għażla. Aħna nindunaw meta nsiru nafu l-ħajja tal-martri, meta naqraw fil-ġurnali l-persekuzzjonijiet tal-Insara. Illum naħsbu f’dawn ħutna rġiel u nisa li jinsabu f’sitwazzjonijiet fil-limitu u li jagħmlu din l-għażla. Huma qegħdin jgħixu f’dan iż-żmien. Huma eżempju għalina. Huma jinkoraġġuna biex nitfgħu fit-teżor tal-Knisja dak kollu li għandna biex ngħixu.

Waqt li reġa’ lura għaż-żgħażagħ tal-ktieb tal-profeta Danjel, il-Qdusija Tiegħu ġibed l-attenzjoni li l-Mulej jgħinhom u joħroġhom mid-diffikultajiet; u jirbħu u jaslu għal tmiem sabiħ. Il-Mulej jgħin ukoll lill-armla tal-Evanġelju ta’ Luqa, għaliex wara t-tifħir ta’ Ġesù, Alla jfaħħarha: ‘Fis-sewwa ngħidilkom, din l-armla…’ Din hija rebħa. Iġġegħilna naħsbu f’dawn ħutna rġiel u nisa li tul l-istorja kollha, kif ukoll illum, jagħmlu għażliet definittivi.

Il-Papa stieden biex naħsbu, b’mod partikolari, f’tant ommijiet u f’tant missirijiet ta’ familja li kuljum jagħmlu għażliet definittivi biex ikomplu għaddejjin flimkien mal-familji tagħhom, flimkien ma’ wliedhom. U dan huwa teżor fil-Knisja. Quddiem il-ħafna li wkoll illum ikomplu jagħtuna xiehda, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ: il-kuraġġ biex inkomplu mexjin ’il quddiem f’ħajjitna nisranija, fl-affarijiet ta’ kuljum u fis-sitwazzjonijiet fil-limitu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb