Il-Papa f’Santa Marta: In-Nisrani inkoerenti jagħti skandlu u l-iskandlu joqtol

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 27 ta’ Frar 2014: In-Nisrani inkoerenti jagħti skandlu u l-iskandlu joqtol: stqarrija qawwija ħafna tal-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu waqt il-quddiesa presjeduta minnu fid-Dar Santa Marta.

L-ispunt tal-omelija l-Papa ħadu mill-amministrazzjoni tas-sagrament tal-Ġriżma li hu amministra waqt il-quddiesa.  Min jirċievi dan is-sagrament, afferma l-Papa, juri r-rieda tiegħu li jkun Nisrani.  Li tkun Nisrani jfisser li tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, li tkun persuna li taħseb bħala Nisrani, tħoss bħala Nisrani u ġġib ruħek ta’ Nisrani.  Din hija l-koerenza tal-ħajja tan-Nisrani.  Bniedem jista’ jgħid li għandu l-fidi, osserva Franġisku, imma jekk ma jkollux dawn il-kwalitajiet, in-Nisrani ma jkunx fih, ikun hemm xi ħaġa li mhix taħdem, hemm ċerta inkoerenza.  U l-Insara li jgħixu regolarment ħajja inkoerenti jagħmlu tant ħsara.

Smajna x’qal l-Appostlu Ġakbu lil xi wħud li kienu inkoerenti, li kienu jiftaħru li huma Nsara imma kienu jisfruttaw lill-impjegati tagħhom.  X’jgħidilhom?  Hekk hu:  ‘Is-salarju tal-ħaddiema li għamlu l-ħsad fl-għelieqi tagħkom u li intom ma ħallastuhomx jgħajjat, u l-protesti tal-ħassada waslu f’widnejn il-Mulej Omnipotenti.’  Il-Mulej hu qawwi, u meta bniedem jisma’ dan, jista’ jaħseb: dan hu kliem ta’ xi komunista.  Le, le, dan qalu l-Appostlu Ġakbu!  Hija l-kelma tal-Mulej.  Hija l-inkoerenza. U meta l-koerenza nisranija tkun nieqsa u bniedem jgħix bl-inkoerenza, isir skandlu. Għalhekk l-Insara li mhumiex koerenti jagħtu skandlu.

Ġesù, kompla l-Papa, jitkellem b’mod iebes kontra l-iskandlu: min jiskandalizza mqar wieħed minn dawn iż-żgħar li jemmnu fija, wieħed biss minn dawn ħuti li għandhom il-fidi, aħjar li jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jixħtuh il-baħar.

Nisrani inkoerenti jagħmel tant ħsara għax l-iskandlu joqtol.  Tant drabi, kompla l-Papa, smajna min jgħid: ‘Padre, jiena nemmen f’Alla, imma mhux fil-Knisja, għax intom l-Insara tgħidu ħaġa u tagħmlu oħra.’  Jew inkella: ‘Jiena nemmen f’Alla imma mhux fikom minħabba l-inkoerenza.’  Aħseb ftit, jekk issib ruħek quddiem ateu li jgħidlek li ma jemminx f’Alla, tista’ taqralu bibljoteka sħiħa ta’ kotba li jgħidu li Alla jeżisti u li jippruvaw li Alla jeżisti, u hu jibqa’ xorta mingħajr fidi.  Imma jekk quddiem dan l-ateu inti tagħti xhieda tal-koerenza tal-ħajja nisranija, xi ħaġa tibda taħdem f’qalbu, u tkun proprju x-xhieda tiegħek li twasslu għal dan it-tħassib li fuqu mbagħad jibda jaħdem l-Ispirtu s-Santu.  Hija grazzja li lkoll kemm aħna, il-Knisja kollha, għandna nitolbu għaliha: ‘Mulej, agħmilna koerenti.’

Għalhekk, kompla l-Papa, jeħtieġ nitolbu għax biex ngħixu l-koerenza nisranija hu meħtieġ it-talb, għax il-koerenza nisranija hija rigal ta’ Alla u rridu nitolbuh jagħtihielna: ‘Mulej, agħmilni koerenti!  Mulej agħmel li qatt ma nagħti skandlu; li nkun persuna li taħseb bħala Nisrani, li tħossha nisranija, li ġġib ruħha ta’ nisranija.’  U meta naqgħu minħabba d-dgħufija tagħna, nitolbu maħfra.  Aħna lkoll midinbin, temm jgħid il-Papa, imma lkoll aħna kapaċi li nitolbu l-maħfra.  U Hu qatt ma jegħja jaħfer!  Ikollna l-umiltà li nitolbu maħfra: ‘Mulej, ma kontx koerenti hawn, aħfirli!’

Nimxu ‘l quddiem fil-ħajja bil-koerenza nisranija, bix-xhieda ta’ min jemmen f’Ġesù Kristu, li jaf li hu midneb imma li għandu l-kuraġġ li jitlob maħfra meta jiżbalja u li jibża’ ħafna li jagħti skandlu.  Jalla l-Mulej jagħtina lkoll din il-grazzja, qal il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading