Katekeżi Sagramenti, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Id-Dilka tal-Morda tgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla


7. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Illum kienet prevista x-xita, u intom ġejtu xorta waħda. Imma tassew għandkom kuraġġ! Kumplimenti!

Il-lum nixtieq inkellimkom dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem. Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut. Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

1. Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35). Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan. Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid. Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda. L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja. Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż. Issa min hu dan tal-lukanda? Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.

2. Dan il-mandat hu mtenni b’mod espliċitu u preċiż fl-Ittra ta’ Ġakbu, fejn jirrikkmanda: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu” (5:14-15). Mela din hi prassi li diġà kienet b’saħħitha fi żmien l-Appostli. Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skond is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament. Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan. Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax iġib xorti ħażina, ma nċemplulu xejn”, jew “għax imbagħad il-marid jitwerwer”. Għaliex naħsbu hekk? Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral. U dan m’hux minnu. Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda. Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”. Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu. U din hi xi ħaġa tassew sabiħa! U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna. Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU. Għandna din id-drawwa li nsejħu lis-saċerdot biex lill-morda tagħna – mhux qed ngħid morda bl-influwenza, ta’ tlitt ijiem, erbgħa, imma meta hemm marda gravi – u anki lill-anzjani tagħna, jiġi u jagħtihom dan is-sagrament, dan il-faraġ, din il-qawwa ta’ Ġesù biex jistgħu jibqgħu mexjin? Inwettquha!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s