Il-Papa f’Santa Marta: L-Evanġelju huwa novità. Ġesù jitlobna biex inwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu   

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Settembru 2014: L-Evanġelju huwa novità.  Ġesù jitlobna biex inwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ta’  dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa saħaq li n-Nisrani m’għandux ikun skjav ta’ ‘ħafna liġijiet żgħar’, imma għandu jiftaħ qalbu għall-kmandament il-ġdid tal-imħabba.L-iskribi, qal Franġisku, riedu jdaħħlu lil Ġesù fid-diffikultà meta staqsewh għaliex id-dixxipli tiegħu ma jsumux.  Imma l-Mulej ma jaqax fin-nassa u jwieġeb billi jitkellem dwar il-festa u n-novità.  L-Evanġelju tallum ta l-opportunità lill-Papa biex jagħmel riflessjoni dwar in-novità li ġab miegħu Ġesù li jwissi biex l-inbid il-ġdid jitqiegħed f’damiġġjani ġodda.

Inbejjed ġodda, damiġġjani ġodda.  In-novità tal-Evanġelju.   Xi jġibilna l-Evanġelju?  Iġibilna ferħ u novità.  Dawn id-dutturi tal-liġi kienu magħluqin fil-kmandamenti tagħhom, fir-riċetti tagħhom.  Meta jitkellem dwarhom, San Pawl jgħidilna li qabel ma waslet il-fidi – jiġifieri Ġesù – ilkoll konna mħarsin daqslikieku priġunieri taħt il-liġi.  Il-liġi ta’ dawn in-nies ma kinitx ħażina: konna mħarsin imma priġunieri, bl-istennija li tasal il-fidi, dik il-fidi li kellha tiġi rivelata f’Ġesù stess.

Il-poplu, osserva l-Papa, kellu l-liġi li kien tah Mosè u mbagħad kellu wkoll ħafna drawwiet u liġijiet żgħar li kienu għamlu d-dutturi tal-liġi.  Il-liġi kienet tħares lill-poplu imma kienet iżżommu priġunier!  U huma kienu qed jistennew il-libertà, il-libertà definittiva li Alla kellu jagħti lill-poplu tiegħu permezz ta’ Ibnu.  Din hi n-novità tal-Evanġelju, osserva l-Papa, dik il-liġi li tifdi.

Xi ħadd minnkom jista’ jgħidli:  ‘Imma, padre, l-Insara m’għandhomx liġi?’  Iva!  Ġesù qal: ‘Jiena ma ġejtx biex inneħħi l-liġi imma biex inġib il-milja tagħha.’  U l-milja tal-liġi, per eżempju, huma l-Beatitudnijiet, il-liġi tal-imħabba, l-imħabba totali, li biha ħabbna Ġesù.

U meta Ġesù jċanfar lil dawn in-nies, lil dawn id-dutturi tal-liġi, ilumhom għaliex ma ħarsux lill-poplu bil-liġi imma għamluh skjav b’ħafna liġijiet żgħar dwar ħafna rqaqat:  affarijiet li kellhom jagħmluhom mingħajr il-libertà li ġabilna Hu bil-liġi l-ġdida li Hu stabbilixxa b’Demmu.  Din hi n-novità tal-Evanġelju tenna l-Papa, il-festa, il-ferħ, il-libertà.  Kien proprju r-rahan li kien qed jistenna l-poplu meta kien għadu mħares mil-liġi imma miżmum skjav tagħha.

Dan hu dak li jrid jgħidilna Ġesù għan-novità, għall-inbejjed ġodda, damiġġjani ġodda.  U tibżgħu xejn tbiddlu l-affarijiet skont il-liġi tal-Evanġelju.

Pawlu jagħmel distinzjoni ċara, żied jgħid il-Papa, bejn ulied il-liġi u wlied il-fidi:  l-inbejjed il-ġodda f’damiġġjani ġodda.  Għaldaqstant il-Knisja titlob lilna lkoll it-tibdil. Titlobna nwarrbu fil-ġenb l-istrutturi li jgħaddu, li ma jservux, u nieħdu damiġġjani ġodda, dawk tal-Evanġelju.

Per eżempju, ma nistgħux nifhmu l-mentalità ta’ dawn id-dutturi tal-liġi, dawn it-teologi Fariżej; ma nistgħux nifhmu l-mentalità tagħhom bl-ispirtu tal-Evanġelju.  Huma ħwejjeġ differenti.  L-istil tal-Evanġelju huwa stil differenti, li jwassal għall-milja tal-liġi.  Iva!  Imma b’mod ġdid.  Huwa l-inbid il-ġdid f’damiġġjani ġodda.

L-Evanġelju, tenna l-Papa Franġisku, huwa novità!  L-Evanġelju huwa festa!  U nistgħu ngħixu l-Evanġelju fil-milja tiegħu biss jekk ikollna l-ferħ fi qlubna, meta qlubna jiġġeddu.

Jalla l-Mulej, kienet l-invokazzjoni tal-Papa, itina l-grazzja tal-osservanza tal-liġi:  il-liġi li Ġesù wassalha għall-milja tagħha bil-kmandament tal-imħabba, bil-kmandamenti li jiġu mill-Beatitudnijiet.

Jalla l-Mulej, temm il-Papa, itina l-grazzja li ma nibqgħux priġunieri, imma jtina l-grazzja tal-libertà li teħodna lejn in-novità tal-Evanġelju.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading