Irrid nisbieħ?

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Illum ħafna huma dawk li jmorru għand il-beautician. U nifimhom! L-għaliex iridu jidhru sbieħ u jħossuhom tajjeb! X’hemm ħażin li tidher u tħossok tajjeb? Madankollu s-sbuħija hija bil-wisq aktar fil-fond milli wieħed jaħseb. Biex inkun sabiħ u sabiħa ma jfissirx li bilfors irid ikolli figure babaw! X’jiswa li jkolli figure li bih inġennen minn kulfejn ngħaddi imbagħad tħares f’għajnejja u ma tarax ħlief ħarsa miksura u ta’ swied il-qalb? Mela ejja nirraġunaw ftit ħbieb u niskopru flimkien riċetta li tassew tagħmilna sbieħ. Nisa u rġiel. Unisex!

Il-wiċċ jiġbed. Veru? Kemm ngħidu: “Alla jbierek kemm għandha u kemm għandu wiċċha u wiċċu sabiħ!” La l-wiċċ daqshekk hu mportanti u jiġbed l-għajn tgħid x’nagħmel biex ineħħi t-tikmix li jkolli fuq wiċċi? Ara! Ħa nipprova l-krema famuża Neħħi n-Nervi. Biha taf kemm wiċċi jillixxa. Il-ġilda tiegħu tistrieħ u l-muskoli ta’ wiċċi jissaħħu!

Imbagħad ħa nibdew ninżlu fil-partikular eh! Xufftejja. Hawn min jgħidlek: “Għandha xufftejha u xufftejh sbieħ bħall-qroll!” Issa x’se nagħmel biex insebbaħ xufftejja? Ara! Ħa nuża l-lipstick meraviljuż li jissejjaħ Is-Silenzju. Dan il-magħruf lipstick tgħidx kemm jagħmel tajjeb għall-fomm li jkun ħa forma kerha bil-kliem iebes u li jweġġa’ li jkun ħareġ minnu. Naqra silenzju u jkolli fommi donnu qronfla!

Ġieli smajtu min jgħid: “Alla jbierek! Kemm għandha idejha u idejh sbieħ!” Issa x’naqbad nagħmel biex ikolli idejja sbieħ? Taf li m’għandix għalfejn ninkwieta fuq dan! Hemm dak il-hand lotion li jismu: Ġenerożità. Kulma għandi nagħmel hu li nidlek idejja kuljum bih u inżommhom dejjem miftuħa biex naqsam dak li għandi mal-oħrajn. U hekk nagħtihom dak li tassew jeħtieġu. Bil-Ġenerożità taf x’par idejn ikolli hux!

U l-complexion trid tkun sabiħa wkoll! Ajma! L-aktar meta jiġi s-sajf u jkolli ninkixef ħa nieħu għawma tajba! Ara! Mhux ħa ninkwieta fuq il-complexion! Biex isebbaħha kulma rrid hu li kuljum nuża l-morning treatment speċjalissimu. Għax komuni. Għalkemm qiegħed isir dejjem rari. Malli nibda’ inqum ħa nibda’ ngħid: Grazzi lill-Mulej għall-ġurnata l-ġdida li tkun ġejja fuqi. Grazzi għall-arja friska ta’ filgħodu! Grazzi għall-ferħ li għandi f’qalbi! Il-complexion Grazzi żgur li se ssebbaħ bil-qabda l-kulur ta’ wiċċi!

Hawn min imbagħad jogħġbuh u jogħġbuha l-għajnejn. “Alla jbierek x’għajnejn għandu u għandha! Kemm huma sbieħ! U penetranti!” Issa jekk irrid li jkolli għajnejja sbieħ u jleqqu x’għandi nagħmel? Hawn eye shadow tassew tajjeb! Dan jissejjaħ Modestja. Bil-eye shadow Modestja nkun safi u safja f’qalbi u nħobb is-safa. Mela ħa nuża għajnejja biex nara dak li hu sabiħ madwari! U napprezzah! U ħa naħrab kemm għandi saħħa mill-pornografija u mid-diżonestà. Għax min minna jrid li għajnejh ikunu ċaflisa waħda?

U, fl-aħħar nett, biex inkun għedtlek it-trattament kollu, ħa nitnaddaf u nneħħi t-tbajja’ minn wiċċi. Issa sew! Biex ħa nneħħihom? Ara! Ħa nuża l-aħjar cleaning agent li dejjem kien hawn fis-suq, jiġifieri Qrara tajba… Bilħaqq! U l-aħjar conditioner għal miegħu jismu Tqarbina Tajba.

Jekk innutajt f’dan it-trattament qatt ma ssemmiet il-kelma ħlas! Le! Ma tarax! U mela l-aqwa affarijiet fil-ħajja mhumiex mogħtija b’xejn x’kull waħda! U lanqas qatt ma ssemmiet il-kelma appuntament! Biex nisbieħ tassew fl-ispirtu tiegħi m’għandix bżonn appuntament. Kulma għandi bżonn hu li niddeċiedi niftaħ qalbi għall-Beautician. Għall-erwieħ! Mela għal dan it-trattament m’għandix għalfejn inqatta’ is-sigħat nistenna fil-kju! Daqskemm nobgħod nistenna!

U, ħaġa oħra, l-ebda prodott ma ssemma ma għandu expiry date! Fil-fatt qatt ma kellu. Għaliex tant kemm joħroġ minn sors tajjeb, li hu t-Tajjeb fih innifsu, jiġifieri l-Mulej, li m’hu se jispiċċa qatt! Mela sieħbi serraħ rasek mill-prodott! M’int qatt se toħroġ iddażuppantata u iddiżappuntat!

Jekk dan it-trattament hu b’xejn, bil-prodotti tiegħu mingħajr expiry date, ejjew nagħmlulu l-pubbliċità! X’taħseb sieħbi? Għax ma tpoġġix dan l-artiklu fuq il-Facebook tiegħek inkella tagħmel fotokopji tiegħu u tqassamhom ma’ niesek, ħbiebek u n-nies ta’ fuq ix-xogħol? Jew għal fuq in-noticeboard?

B’dan it-trattament se nkun babaw! Ħa nagħmlu! Daqskemm irrid nisbieħ!

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading