Aaa! Aaa!…


Patri Mario Attard OFM Cap

F’dawn il-jiem għeżież li qiegħdin iqarrbuna lejn il-Ġimgħa Mqaddsa ma nistax ma niftakarx fih. F’dan il-Patri partikulari. Li għalija jibqa’ wieħed mill-favourites! Patri sempliċi imma li għallimni nħobb lill-Mulej ta’ veru! L-għaliex għallimni ngħożż il-ħajja! Qed nirreferi, bi ħbiberija kbira, għalkemm bid-demgħa tat-telfa f’għajnejja, għall-Patri tat-tiġrija!

Kemm kont niggustah ġej bil-video f’idejh! U, wara l-ikla ta’ fil-għaxija, arah jitla’ fuq, fis-sala tat-TV, fejn konna ngħidu kelma u nidħku żewġ daħkiet flimkien ukoll. Fil-waqt li hu, dritt dritt, kien jitfa’ dak id-DVD, il-famuż DVD, tat-tiġrija! U imbagħad, eżatt kif jagħmlu play, kien jgħid: “Alla jbierek x’tiġrija din!” Tassew li minn qalbu kienet toħroġ din is-sentenza. U veru Alla jbierek kien ikun tafux! L-għaliex, eżattament wara minuta mill-bidu tat-tiġrija, konna nisimgħu l-inħir tiegħu ħiereġ bħad-duħħan mill-kenur. Addijo t-tiġrija u l-għajjat u l-eċitament tan-nies! L-għaliex, seħibna, kien jitlaq fid-dinja tal-irqad! U tal-ħolm!

Imma tafu li l-ħeġġa tiegħu għat-tiġrija dakkret u ħatfet anki lili? Apparti li, meta l-Mulej jagħtini ċ-ċans, għadni ninżel mġennen (għalkemm mingħajr ħafna storbju u paroli) il-Marsa ħa nara ż-żwiemel jiġru fil-korsa, l-aktar ħaġa li baqgħet tolqotni f’din it-tiġrija kienet l-antagoniżmu bejn Ruma u Ġerusalemm. Ippreżentati, sintendi, f’Messala, ir-Ruman, u f’Ben Hur, il-Lhudi. Biż-żwiemel sbieħ tagħhom. Il-kompetizzjoni kienet bejn iż-żwiemel is-suwed ta’ Messala u dawk bojod tal-Ben Hur. Hemm arahom fit-tiġrija! Ismagħhom x’jgħajtu! “Aaa! Aaa!” It-tnejn li huma għaddejjin imlebbtin! Alla jberikom! Madwar dik l-imbierka korsa li żgur li kienet iqsar minn dik tal-Marsa. U qed iduru għal disa’ darbiet. Skont id-disa’ ħutiet kbar li hemm fiċ-ċentru tal-korsa.

Jidher li fit-tiġrija kien hemm naqra ħeq ħim! X’taħsbu? S’issa għadni ma rajt lil ebda ġerrej, (u nispera li ma nara qatt minn dan) li jaqbad il-frosta u jsawwat vilment lill-ġerrej ieħor. Mela Messala sieħbi! Mhux hekk! Naqra fairness! Imbagħad, ħaġa oħra nteressanti, kienet il-karru tal-Messala. Kemm qed tipprova tinżel fil-ħeq ħim Messala ħija! Iva għandek għalfejn tarma karru li ġibtu sega waħda? Jaqta’ l-karrijiet tal-oħrajn ukoll? Ifhem! L-imħatra kienet kbira. Safejn naf jien kienet ta’ 1,000 talent. Huwa Ilderim l-Għarbi kellu minfejn jonfoq! Mela insejtu kif Messala bjad għal dik is-somma tal-imħatra? Basta l-ħafna fanfarunati tiegħu imma, meta ġie għas-si u no, fittex it-toilet! Ma felaħiex l-imħatra! X’jagħmillek il-paroli fil-vojt! Madankollu l-imħatra lanqas ma kienet waħda kbira kbira tafux! Ma ninsewx li, skont Ġesù, dak is-Sid tal-Parabbola kien ħafer lill-qaddej li kellu jagħtih 10,000 talent. Eh ħija! Il-Mulej, nemmen jew ma nemminx fih, daqshekk jaħfer. Imma dejjem għal min jitfaħlu qalbu. Sewwa?

Il-ħajja l-aħwa hija tiġrija. Tiġrija mal-ħin. Imma mhux biss. Anki ruħna qiegħda f’tiġrija! Bl-għażliet li nagħmel f’ħajti jiena nagħżel liema erbat iżwiemel ħa nkun f’din it-tiġrija li ssir darba biss. Nista’ inkun jew l-erba’ żwiemel bojod tal-Ben Hur, misjuqa minn Ġuda. Jiġifieri minn Dak li hu t-tifħir tal-Mulej Alla, Ġesù Kristu. Jew iż-żwiemel is-suwed, misjuqa minn Messala. Li, f’Shakespear, m’huwa ħadd għajr dak li jappoġġja lit-traditur Brutus. Mela Brejbes! Ix-xitan.

Qabel it-tiġrija Ben Hur għamel talba l-ġmiel tagħha. Qabel ħarġu għall-parata biż-żwiemel mal-korsa Ben Hur tefa’ x-xall fuqu u talab hekk: “F’idejk jiena nitlaq ħajti!” Mela, kuljum, ejja int u jien nagħmlu l-istess talba ta’ Ben Hur. U le! x’jien ngħid? Ta’ Ġesù stess fuq is-Salib: Missier, f’idejk jien nerħi ruħi! (Lq 23:46).

Suq! “Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb!” (Rum 12:21). Aaa! Aaa! “Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb!” (Rum 12:21) Aaa! Aaa! …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: