Alla dejjem fidili mal-patt tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 6 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku f’Dar Santa Marta.

Alla dejjem fidil mal-patt tiegħu: kien fidil ma’ Abraham u mal-wegħda tas-salvazzjoni f’Ġesù Ibnu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=ug1YBx68pX8?rel=0&autoplay=1&controls=0&showinfo=0&w=560&h=315%5D

 

Il-liturġija tal-lum iddur madwar Abraham. Fl-ewwel qari naqraw dwar il-patt li Alla għamel ma’ Abraham li fil-Vanġelu tal-lum kemm Ġesù kif ukoll il-Fariżej isejħulu ‘missier’ għax kien hu li beda jiġġenera l-poplu li llum insejħulu l-Knisja.

Abraham jemmen, jobdi meta kien imsejjaħ biex jitlaq lejn art oħra li kellha tingħatalu b’wirt.

Bniedem ta’ fidi u tama. Hu jemmen, meta ta’ 100 sena hu sar jaf li kien se jkollu iben, minkejja li martu kienet sterili. Abraham emmen kontra kull tama.

Jekk xi ħadd jipprova jirrakkonta l-ħajja ta’ Abraham, kompla l-Papa, jista’ jgħid li dan il-bniedem kien ‘ħalliem’. U xi ftit ħolm kellu, kellu l-ħolma tat-tama, ma kienx miġnun.

Meta għadda mill-prova, wara li kellu iben adoloxxenti, u ntalab joffrih bħala sagrifiċċju, huwa obda u mar jagħmel dak li kien ordnat lilu kontra kull tama. Dan hu missierna li baqa’ miexi dejjem ‘il quddiem u meta Ġesù jgħid li Abraham ra l-jum tiegħu, ra lil Ġesù u mtela bil-ferħ.

Iva, issokta Franġisku, f’dik il-wegħda ra l-ferħ li jitnissel mill-milja tal-wegħda tal-patt, il-ferħ li Alla ma qarraqx bih; ra li Alla – kif hemm fit-talba ta’ bejn il-qari – hu dejjem fidil mal-patt tiegħu.

L-istess Salm responsorjali jistedinna niftakru fl-għeġubijiet ta’ Alla. Dan, għalina, nisel Abraham, hu l-istess bħal meta naħsbu f’missierna naturali li ħalliena, u niftakru t-tajjeb tiegħu filwaqt li naħsbu kemm kien kbir f’għajnejna!

Min-naħa tiegħu, għal Abraham il-patt kien li jobdi dejjem, kompla jgħid il-Papa Franġisku. Min-naħa t’Alla kien li jagħmlu missier ta’ bosta ġnus. ‘Minn issa inti ma tissejjaħx Abram, imma Abraham.’

U fi djalogu ieħor, dejjem mill-Ktieb tal-Ġenesi, Alla jgħidlu li nislu jkun bla għadd, bħall-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar. U aħna llum nistgħu ngħidu: Jien waħda minn dawk il-kwiekeb, ramla minn tax-xatt.

Allura bejn Abraham u aħna hemm storja, l-istorja tal-Missier tas-Sema u ta’ Ġesù. Dan hu l-messaġġ il-kbir, u llum il-Knisja tistedinna nieqfu ftit biex inħarsu lejn l-għeruq tagħna, lejn ‘missierna’ li għamilna poplu, sema mimli kwiekeb, xtut mimlijin ramel.
Inħarsu lejn l-istorja: jien m’iniex waħdi, jien parti minn poplu. Nimxu flimkien. Il-Knisja hi poplu, poplu maħlum minn Alla li ta lid-dinja missier li obda, u għandna lil ħuna li ta ħajtu għalina, biex jagħmilna poplu.

Hekk nistgħu nħarsu lejn il-Missier u niżżuh ħajr; inħarsu lejn Ġesù u niżżuh ħajr, u nħarsu lejn Abraham u lejna nfusna li ninsabu f’mixja.

Il-Papa għalhekk stedinna biex il-ġurnata tal-lum nagħmluha jum ta’ tifkira, għax f’din l-istorja kbira, fil-gwarniċ ta’ Alla u ta’ Ġesù, hemm l-istorja żgħira ta’ kull wieħed u waħda minna.

Nistedinkom biex tieqfu għal ftit minuti, toqogħdu bilqiegħda mingħajr radju, mingħajr televixin, u taħsbu ftit fl-istorja tagħkom: il-barkiet u l-gwaj, kollox; il-grazzji u d-dnubiet: kollox.

U hemm taraw il-fedeltà ta’ dak Alla li baqa’ fidil mal-patt tiegħu, baqa’ fidil mal-wegħda li għamel lil Abraham, baqa’ fidil għas-salvazzjoni li kien wiegħed f’Ibnu Ġesù.

Jiena ċert, temm jgħid il-Papa, li fost l-affarijiet koroh – għax ilkoll għandna tant affarijiet koroh f’ħajjitna – jekk illum nagħmlu dan l-eżerċizzju, niskopru s-sbuħija ta’ Alla, is-sbuħija ta’ mħabbtu, is-sbuħija ta’ ħnientu, is-sbuħija tat-tama tiegħu. U jien ċert li nimtlew bil-ferħ.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading