Ktieb qawwi fir-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Fl-ittra enċiklika li titħaddet dwar l-impenn lejn l-ekumeniżmu, Ut Unum Sint, San Ġwann Pawlu II jgħid hekk: “Il-Knisja jinħtieġilha tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha. Fl-ewwel millenju tal-istorja tal-Kristjanità, din l-espressjoni tirriferi, primarjament, għar-relazzjoni bejn Biżanzju u Ruma” (nru. 54). F’dan id-dawl ekumeniku dawn il-ħsibijiet tallum jikkonċentraw fuq wieħed mill-kotba l-aktar moqrija fid-dinja tal-Lvant, aktar u aktar issa fi żmien ir-Randan. Kien hemm min dan il-ktieb qabblu ma’ dak ta’ Thomas à kempis, L-imitazzjoni ta’ Kristu, kapolavur tal-Kristjaneżmu tal-Punent. Imma l-ktieb li qed nirreferi għalih hu dak miktub minn San Ġwann Klimaku Is-Sellum tal-Perfezzjoni. Jew, kif insibuh bl-Ingliż bħala The Ladder of Divine Ascent.

L-awtur, San Ġwann Klimaku, twieled għall-ħabta tas-sena 579 u miet fis-sena 649. Irċieva l-isem Klimaku (Klimax) li tfisser “Sellum”. Ismu huwa meħud mit-titlu tal-ktieb tiegħu stess Is-Sellum tal-Perfezzjoni. Għalkemm l-oriġini ta’ dan il-qaddis hija oskura l-possibbiltà hi li kien mill-Palestina. Fil-fatt, Ġwann seta’ kien dixxiplu ta’ San Girgor Nazjanzenu. Meta kellu 16-il sena Ġwann ngħaqad mal-monaċi tal-Muntanja Sinaj, fil-Monasteru ta’ Santa Katerina. Dan il-monasteru ġie mibni mill-Imperatur Ġustinjanu fis-sena 556. Għal erba’ snin Ġwanni għex taħt it-tmexxija ta’ Martirius, li kien bniedem qaddis. Għalih Ġwanni issottometta ruħu fl-ubbidjenza.

Meta għalaq l-għoxrin sena Ġwann irċieva t-tonsura u beda jgħix ħajja eremitika f’Tholas, jiġifieri madwar ħames mili ‘il bogħod mill-monasteru prinċipali. F’Tholas Ġwann għex għall-erbgħin sena li, matulhom, kiber fil-ħajja tal-qdusija. Il-mixja spiritwali ta’ Ġwann fetħietu biex jħaddan ma’ qalbu l-grazzja tat-talb kontinwu u kif ukoll id-don tad-dmugħ. Kien jiddixxiplina lilu nnifsu bl-aktar mod strett. Kien isum u jorqod mill-anqas. Madankollu kien jagħmel dan mgħasses tajjeb mill-virtù tal-moderazzjoni. L-għaliex kien magħruf għall-qdusija tiegħu kienu ħafna dawk li kienu jżuruh biex minnu jieħdu xi parir. Ġwann kellu grazzja straodinarja, dik li jfejjaq id-diżordnijiet spiritwali tar-ruħ. Il-pariri flimkien mat-talb tiegħu għan-nies kien jagħtihom il-fejqan mill-kumbattimenti tagħhom. Ġwann kien jaqra l-ħin kollu l-Bibbja u lill-Missirijiet il-Knisja. Fi żmienu kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa monaċi mgħallma tad-deżert. Huwa għal din ir-raġuni li, xi minn daqqiet, huwa msejjaħ ukoll Ġwann L-Iskolastiku.

Ġwann kien ukoll Missier Spiritwali jew aħjar Direttur Spiritwali. Wara ħajja ta’ erbgħin sena f’Tholas ġie magħżul bħala abbati tal-monasteru Ċentrali tas-Sinaj. Kien matul dan l-aħħar perjodu ta’ ħajtu li Ġwann kiteb Is-Sellum tal-Perfezzjoni. U dan għamlu fuq talba tal-Abbati Ġwann, is-superjur ta’ monasteru viċin f’Raithu. Il-Klimaku ġie ikkunsidrat bħala Mosè ieħor. Kif jikteb tajjeb il-bijografu tiegħu: “Huwa tela’ fuq il-muntanja tal-kontemplazzjoni, tħaddet mal-Mulej wiċċ imbwiċċ, u mbagħad niżel għand ħutu jġorr it-twavel tal-liġi tal-Mulej, ix-xogħol tiegħu s-Sellum tal-Perfezzjoni”.

Imma x’inhu l-għan ta’ dan is-Sellum? Tajjeb ngħidu li dan ix-xogħol huwa miktub speċifikament għall-monaċi li jgħixu fil-komunità. Madankollu, l-għan tal-monaku huwa, essenzjalment, l-istess bħal dak tal-Insara kollha. Jiġifieri l-għixien skont il-vanġelu. Għax, fil-verità, kemm jekk ikunu miżżewġa u anki jekk ikunu monastiċi, l-imgħamdin kollha qiegħdin iwieġbu għall-istess sejħa tal-Vanġelu. Il-kundizzjonijiet ta’ barra tat-tweġiba tagħhom jistgħu jvarjaw. Biss il-mogħdija hija essenzjalment l-istess.

Is-Sellum tal-Perfezzjoni huwa miktub biex iservi ta’ gwida prattika jiġifieri gwida għal dawk li għandhom f’moħħhom li jħaddmu l-fidi. L-għan ta’ Ġwann fis-Sellum mhuwiex li jgħaddi xi tagħlim fis-sħab jew biex jimponi xi kodiċi formali ta’ regoli axxetiċi imma biex iqajjem fil-qarrejja tiegħu esperjenza simili għal tiegħu. Ħa naraw ftit x’tgħidilna skaluna 25 tas-Sellum tal-Perfezzjoni: “Tista’ timmaġina li kliem sempliċi jistgħu … ifissru l-imħabba ta’ Alla … u s-sigurezza tal-qalb? Tista’ timmaġina li t-taħdit ta’ dawn ix-xorta ta’ ħwejjeġ ifisser xi ħaġa għal min qatt ma għadda minnhom? Jekk taħseb hekk, tkun bħal bniedem li, bil-kliem u bl-eżemji, jipprova jgħaddi t-tjubija tal-għasel lil nies li qatt ma daquh. Ikun qed jitkellem fil-vojt”.

Għalhekk is-Sellum huwa stedina għall-pellegrinaġġ. Is-Sellum jevita milli jagħti direzzjonijiet dettaljati dwar prattiċi speċifiċi. L-għaliex l-għan tiegħu hu li jenfasizza d-diżpożizzjoni interna ta’ min jaqrah u li hija ħafna aktar minn sempliċiment għemejjel ta’ barra. Għalkemm il-prattika tal-axxeżi li tidher hija mifhuma madankollu m’hijiex daqshekk emfasizzata. Dak li għal Ġwann huwa tant importanti hija l-umiltà u s-safa tal-qalb. Fl-istess skaluna, jiġifieri dik 25, l-awtur jikteb hekk: “Fl-iskrittura hemm il-kliem, ‘Umiljajt ruħi u l-Mulej fittex jeħlisni’ (Salm 144:6); u dawn il-kelmiet qiegħdin hemm minflok ‘somt,’ ‘żammejt il-viġilja’, ‘ninxteħet għall-qiegħa tal-art’”.

Dak li joffri Ġwann m’huwiex teknikalitajiet. Inkella formoli. Għall-kuntrarju, l-awtur huma tabilħaqq prattiku. Ġwann joffrilna mod ta’ ħajja u mhux regoli. Joffrilna mogħdija ta’ inizjazzjoni. L-għan tiegħu huwa li jgħaddilna esperjenza personali, esperjenza ħajja. U, bħal Sidna Ġesù Kristu bil-parabboli tiegħu, Ġwann jevita milli jfisser fid-dettall il-konklużjonijiet tiegħu. L-għaliex jixtieq li l-qarrej nnifsu jfittex it-tweġiba hu għalih innifsu. L-eżempji tiegħu m’humiex immedjatament ċari. Filwaqt li l-frażijiet tiegħu huma, ħafna drabi, ambigwi. Ġwann jħobb sentenzi qosra imma li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj. Jippreferi definizzjonijiet espressivi u aforiżmi paradossali. F’dan kollu l-għan ta’ Ġwann huwa dak pastorali. Jiġifieri li jqajjem lill-qarrej minn nagħas tiegħu, li jieħu minnu tweġiba, li jipprovoka xeħta għall-fidi, u li jwassal lill-qarrej għall-waqt ta’ laqgħa personali.

L-istruttura tal-ktieb hija minsuġa madwar is-sellum li jibda’ mill-art sas-sema. Eżattament bħal dak li ra Ġakobb f’Ġenesi 28:12. Għalkemm l-istess xbieha kienet użata minn kittieba oħrajn qablu s-sellum li jagħmel użu minnu Ġwann huwa aktar elaborat. Fil-fatt, is-sellum tiegħu għandu mat-tletin skaluna, waħda għal kull sena fil-ħajja moħbija ta’ Kristu qabel il-magħmudija tiegħu. Dawn l-iskaluni jinġabru fi tlett gruppi. Fl-ewwel grupp għandna t-tluq mid-dinja. Hawnhekk għandna t-tlett skaluni taċ-ċaħda, tal-qtugħ u tal-eżilju.

Imbagħad hemm it-tieni grupp ta’ skaluni li jduru mal-prattika tal-virtujiet jew “il-ħajja attiva”. L-iskaluni minn erba’ sa’ seba jittrattaw il-virtujiet fundamentali. Jiġifieri l-ubbidjenza, il-pentitenza, it-tifkira tal-mewt u n-niket. Fit-tieni grupp insibu dawk il-vizzjijiet li m’humiex fiżiċi u li rridu nitqabdu magħhom. Dawn huma r-rabja, il-malizja, il-malafama, il-paroli żejjed, il-qerq u l-qtiegħ il-qalb. Imbagħad l-awtur isemmi wkoll l-passjonijiet li huma fiżiċi u materjali. Dawn huma l-gula, il-pjaċir sesswali u x-xeħħa. Interessanti li x-xeħħa titfisser fi skaluna sittax u sbatax. Imbagħad San Ġwann jittratta mill-ġdid il-passjonijiet mhux fiżiċi. Dawn huwa l-insensittività (skaluni tmintax sa għoxrin), il-biża’, il-vanaglorja u s-suppervja (u anki d-dagħa). Fl-aħħar ta’ din is-sezzjoni s-Sellum isemmi virtujiet aktar għoljin ta’ “ħajja attiva”. Dawn huma s-sempliċità, l-umiltà u d-dixxerniment.

L-aħħar sezzjoni tal-ktieb tittratta l-għaqda mal-Mulej. Jiġifieri “l-Ħajja Kontemplattiva”. L-aħħar virtujiet li jsemmi s-Sellum huma l-immobilità, it-talb, id-distakk u l-imħabba.

Nagħlaq b’dak li jikteb San Ġwann Klimaku fi skaluna 28: 5: “Ħalli t-talb tiegħek jkun kompletament sempliċi. L-għaliex kemm il-pubblikan u kif ukoll l-iben il-ħali kienu rikonċiljati ma’ Alla bi frażi sempliċi”.

X’naqbad ngħidlek aktar, għażiż ħija, għażiża oħti: ħu f’idejk is-Sellum tal-Perfezzjoni u aqrah!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d