Il-Vanġelu jitħabbar bl-umiltà mhux bis-suppervja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 25 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

It-tħabbir tal-Vanġelu għandu jsir bl-umiltà, billi negħlbu t-tentazzjoni tas-suppervja, qal il-Papa Franġsiku dalgħodu waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Illum, il-festa tal-Evanġelista San Mark, flimkien mal-Papa kienu qed iqaddsu d-9 Kardinali kunsillieri tiegħu.

Il-Papa saħaq li l-Insara jeħtieġ li joħorġu jħabbru, u l-predikatur għandu jkun miexi dejjem u mhux jipprova jfittex xi assikurazzjoni fuq ħajtu, u jibqa’ statiku biex ikun fiż-żgur.

Ġesù, qal Franġisku, jagħti l-missjoni lid-dixxipli: ħabbru l-Vanġelu, tibqgħux f’Ġerusalemm, imma oħorġu biex ixxandru l-Aħbar it-Tajba lil kulħadd.

Il-Papa, li kien qed jagħmel riflessjoni dwar il-Vanġelu meħud minn San Mark, issokta jgħid li t-tħabbir ma jistax isir minn qagħda statika, nibqgħu bilqiegħda, imma rridu nkunu dejjem għaddejjin f’mixja.

Hemm bżonn noħorġu u mmorru fejn Ġesù mhux magħruf jew fejn hu ppersegwitat, sfigurat, biex inħabbru l-veru Vanġelu.

Noħorġu biex inxandru. Il-ħajja hekk għandha tkun, fuq dan tiddependi l-ħajja tal-predikatur. Il-predikatur qatt m’hu fiż-żgur, m’għandux ‘insurance’ fuq il-ħajja, osserva l-Papa. U jekk il-predikatur joqgħod ifittex is-sigurtà ta’ ħajtu, ma jkunx predikatur awtentiku tal-Vanġelu.

Morru, oħorġu. Il-Vanġelu, it-tħabbir ta’ Ġesù Kristu jsir fil-ħruġ, dejjem, f’mixja, dejjem. Mixja fiżika u mixja spiritwali, mixja fit-tbatija. Naħsbu ftit, ikkummenta l-Papa, dwar il-Vanġelu li jħabbru l-morda – tant morda! – li joffru t-tbatijiet tagħhom għall-Knisja, għall-Insara. Huma jkunu qed joħorġu minnhom infushom.

Imma xi stil għandha din it-tħabbira?, staqsa l-Papa. San Pietru, li kien l-imgħallem ta’ Marku, hu ċar ħafna fid-deskrizzjoni tal-istil: il-Vanġelu jrid jitħabbar bl-umiltà, għax Iben Alla umilja ruħu, ixxejjen. Dan hu l-istil ta’ Alla, m’hemmx stil ieħor. Ix-xandir tal-Vanġelu mhux festa, karnival. Dak ma jkunx xandir tal-Vanġelu.

Il-Vanġelu, kompla jgħid Franġisku, ma jistax jitħabbar bis-setgħa umana, bl-ispirtu ta’ min irid jilħaq u jkompli jidher. Dan mhux il-Vanġelu. Ilkoll għalhekk aħna msejħin nilbsu l-umiltà lejn xulxin għax Alla jistmell lis-suppervi u jagħti l-grazzji lill-umli.

U għaliex hi meħtieġa l-umiltà?, staqsa l-Papa. Proprju għaliex aħna qed inwasslu aħbar ta’ umiljazzjoni, ta’ glorja li sseħħ permezz tal-umiljazzjoni. Ix-xandir tal-Vanġelu jsofri minn tentazzjoni: it-tentazzjoni tal-poter, tas-suppervja, tal-mondanità, ta’ dik il-mondanità li biha nipprietkaw jew nirreċtaw. Il-Vanġelu dgħajjef, bla forza, mhux prietka. Il-Vanġelu mingħajr Kristu msallab u rxuxtat mhux predikazzjoni.

Hu għalhekk li Pietru jgħid: ‘Għassu, l-għadu tagħkom ix-xitan bħal iljun iħuf biex ifittex lil min se jibla’. Iqfulu sħaħ fil-fidi, bl-għarfien li madwar id-dinja hemm ħutkom oħra li qed ibatu bħalkom.’

Ix-xandir tal-Vanġelu dejjem hu miftuħ għat-tentazzjoni, issokta l-Papa, li kompla josserva li jekk in-Nisrani jidhirlu li qed iħabbar il-Vanġelu u ma jħossx it-tentazzjoni, ikun ifisser li x-xitan mhux qed jagħti kasu, mhux qed jippreokkupah għax ikun qed ixandar xi ħaġa li ma tiswiex.

Fix-xandir tal-Vanġelu, minbarra t-tentazzjoni, hemm ukoll il-persekuzzjoni. U meta nkunu qed insofru jkun il-Mulej li jerfagħna minn xagħarna, itina l-qawwa, għax dan hu dak li wiegħed Ġesù meta bagħat lill-Appostli.

Ikun il-Mulej li jfarraġna, li jtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem għax Hu jaħdem fina jekk aħna nkunu fidili għat-tħabbira, jekk noħorġu minna nfusna biex inkunu nistgħu nipprietkaw lil Kristu msallab li hu bluha, skandlu, bl-umiltà vera.

Jalla l-Mulej, temm il-Papa, itina l-grazzja, bħala bnedmin mgħammdin, li nimxu fit-triq tal-evanġelizzazzjoni bl-umiltà, bil-fiduċja fiH, u nħabbru l-Vanġelu veru: il-Verb ta’ Alla sar laħam. U minkejja li dan hu bluha, skandlu, aħna nagħmluh bl-għarfien li l-Mulej qiegħed magħna, jaħdem fina u jseddaq il-ħidma tagħna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading