Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Isa! Ejja jaħasra! Wasalt!

Isa! Ejja jaħasra! Wasalt!


Patri Mario Attard OFM Cap

Tiftakru meta konna żgħar kemm konna intellqu! U kemm konna niġru! Issa jekk hux bil-patata fuq l-imgħarfa inkella mingħajrha, jew b’riġlejna l-lemini marbut ma’ ta’ l-ieħor jew ma tal-oħra mhux daqshekk importanti. X’taħseb sieħbi?

U x’kienu jgħidulna aktar ma nersqu lejn il-linja tat-tmiem tat-tiġrija? “Isa! Isa! Ejja! Naqra oħra! Isa! Wasalt!” Fi ftit kliem kienu jgħidulna kliem ta’ inkoraġġiment! Kienu jħeġġuna! U, daqskemm kienu jinkoraġġuna konna naħsbu li se jidħlu jiġru magħna huma fit-tiġrija! Tant kemm kienu jidħlu fiha donnha li t-tiġrija kienet saret tagħhom. U dan kienu jagħmluh biex żgur nirbħu t-tiġrija aħna! Ara kemm kienu jħobbuna! Veru?

Hekk naraha jien il-festa tallum, Ħadd il-Ħniena Divina. Il-Mulej Ġesù qed jiġri magħna. Fit-tirġija ta’ ħajjitna. Qiegħed magħna u joffrilna kull għajnuna li nistgħu nimmaġinaw. Basta jsalvana. Basta jarana maqgħuda miegħu għal dejjem. Saħansitra qed narah jiġri b’tazza ilma friska f’idejh. U qed jgħidilna: “Ħa! Ixrob! Kuraġġ! Wasalt! Naqra oħra!”

Imma x’inhu dan l-ilma li qed jagħtina? Ħajti personali u dik mal-morda turini li din il-ħaġa imprezzabbli li biha jrid isalvani hi l-Ħniena tiegħu. Mingħajrha nkunu koppi jien u koppi int! Ġesù, fid-Djarju ta’ Santa Fawstina, jgħidilna dawn il-preċiżi kelmiet fit-tletinijiet fuq il-ħniena tiegħu: “L-umanità qatt m’hu se jkollha paċi jekk ma tirriturnax b’fiduċja lejn il-Ħniena tiegħi (Djarju, 300).

Għalhekk, b’turija ta’ ħnientu bla tarf għalina, tana diversi għodod ħa nirbħu l-aqwa tiġrija li għandna bżonn li nirbħu: is-salvazzjoni ta’ ruħna! L-ewwel għodda li tiġini f’moħħi u f’qalbi hija, mingħajr dubju, il-Kurunella tal-Ħniena Divina. Kemm nużaha din l-għodda jien! U nużaha l-għaliex hemm il-wegħda solenni tal-King of kings, ta’ Ġesù stess:

“Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi” (Djarju, 687).

Jissokta jwiegħed Ġesù: “Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom” (Djarju, 754). Filwaqt li aktar ‘il quddiem fid-Djarju l-Misser Alla stess iwiegħed hekk: “Fis-siegħa tal-mewt tagħhom, Jiena nħares bħala l-glorja Tiegħi stess, lil kull ruħ li tgħid din il-kurunella; jew meta nies oħrajn jgħiduha għal wieħed li qed imut, l-indulġenza hi l-istess. Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies idawwar ir-ruħ, u l-fond tal-ħniena tenera Tiegħi jiċċaqlaq minħabba l-Passjoni ħarxa ta’ Ibni” (Djarju, 811).

Fid-daħla numru 1565 Ġesù jitlob lil Santa Fawstina tgħinu ssalva bniedem. Kif? Bit-talb tal-Kurunella!

“Wara dan, Ġesu’ talabni [lil Swor Fawstina], ‘Binti g]ini nsalvah.’ Meta bdejt ngħid il-kurunella, ilmaħt ir-raġel qed imut fost turmenti tal-biża. L-anġlu Kustodju tiegħu kien qed jiddefendih, imma hu kien, bħallikieku, bla saħħa, kontra il-ħazen ta’ dnubietu. Numru kbir ta’ xjaten kienu lesti biex jieħdu dik ir-ruħ. Imma waqt li kont qed ngħid il-kurunella rajt lil Ġesu’ preċiżament kif kien fix-xbieha. Mill-Qalb ta’ Ġesu’ ħarġu raġġi li għattew il-marid aggonizanti u l-qawwiet tad-dlamijiet tħawdu u għebu. Il-bniedem aggonizanti ħa l-aħħar nifs tiegħu fil-paċi. Meta ġejt f’tiegħi fhimt kemm hija mportanti li ngħidu l-kurunella għal dawk li jkunu qed imutu. Ittaffi wisq il-korla ta’Alla.” (nru.1565).

Jekk ma tafx tgħid il-Kurunella tal-Ħniena Divina idħol waħda fuq dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=2I_PYwFtwIY u itlobha minn hemm kuljum.

Biha din Ġesù jgħid lili u lilek: “Isa! Ejja! Wasalt!” U bik, int min int, anki int li taqta’ qalbek minn kollox u minn kulħadd, irid itella xebgħa erwieħ il-ġenna!

Din kelma ta’ Ħabib! Li jrid BISS il-ġid veru tiegħek, tiegħi u tagħna ilkoll!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: