L-Insara mhumiex xhieda ta’ xi idea imma tal-ubbidjenza

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 27 ta’ April 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Li tkun Nisrani mhux xi stat soċjali imma għażla li biha ssir xhud tal-ubbidjenza lejn Alla, kif għamel Ġesù. Il-konsegwenza ta’ dan huma l-persekuzzjonijiet.
Din kienet affermazzjoni li għamel il-Papa dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Għandna nobdu lil Alla u mhux lill-bnedmin. Din kienet it-tweġiba ta’ Pietru li flimkien mal-Appostli tressqu quddiem is-sinedriju wara li l-anġlu kien ħelishom mill-ħabs.

It-tagħlim f’isem Ġesù huwa pprojbit, kien qallu l-qassis il-kbir, imma l-appostli xorta waħda mlew Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom, kompla jgħid il-Papa.
Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli. Biex jispjega aħjar, il-Papa semma dak li hemm irrakkuntat qabel l-Atti, fl-ewwel xhur tal-Knisja meta l-komunità kienet qed tikber u kienu qed isiru ħafna mirakli.

Kien hemm il-fidi tal-poplu imma wkoll dik tal-makakki li riedu jibnu l-karriera bħal Ananija u Safira.

Illum jiġri l-istess, ikkummenta Franġisku. Għalhekk kien hemm min jiddisprezza, għax kienu jqisu bħala ‘injorant’ lill-poplu li kien jemmen, li kien jieħu lill-morda għand l-Appostli. Kien hemm disprezz lejn il-poplu t’Alla li ma jiżbalja qatt.
Allura Pietru, li minħabba l-biża’ kien ċaħad lil Ġesù nhar Ħamis ix-Xirka, did-darba, bil-kuraġġ kollu jwieġeb: ‘Hemm bżonn nobdu lil Alla u mhux lill-bnedmin.’ Dit-tweġiba turina li n-Nisrani hu xhud tal-ubbidjenza, bħalma Ġesù xxejjen u fl-Ort tal-Ġetsemani qal lill-Missier: ‘Isir dak li trid int u mhux dak li rrid jien.’

In-Nisrani hu xhud tal-ubbidjenza u jekk aħna m’aħniex mexjin f’dit-triq, li fiha nikbru fix-xhieda tal-ubbidjenza, allura m’aħniex Insara. In-Nisrani mhux xhud ta’ xi idea, ta’ xi filosofija, ta’ xi ditta, ta’ xi bank, tal-poter: hu xhud tal-ubbidjenza, bħal Ġesù.

Imma, issokta l-Papa, biex issir xhud tal-ubbidjenza jeħtieġlek il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.

Huwa biss l-Ispirtu li jista’ jagħmilna xhieda tal-ubbidjenza. ‘Jien immur għand dan l-imgħallem spiritwali, naqra xi ktieb.’ Kollu tajjeb imma hu biss l-Ispirtu s-Santu li jista’ jibdlilna qlubna u li jista’ jagħmilna xhieda tal-ubbidjenza. Din hi grazzja li rridu nitolbu għaliha: Missier ibgħatli l-Ispirtu tiegħek biex insir xhud tal-ubbidjenza, jiġifieri nkun Nisrani.

Però din l-ubbidjenza għandha l-konsegwenzi kif jirrakkuntalna l-ewwel qari. Infatti, wara li wieġeb kif wieġeb, lil Pietru riedu joqtluh.

Il-konsegwenzi tax-xhieda tal-ubbidjenza huma l-persekuzzjonijiet. Meta Ġesù jtina l-Beatitudnijiet itemm jgħidilna: ‘Imberkin intom meta jaħqrukom u jippersegwitawkom.’ Ma nistgħux inneħħu s-salib mill-ħajja tan-Nisrani.
Il-ħajja tan-Nisrani mhix status soċjali, mhix xi mod kif ngħixu l-ispiritwalità li tagħmilni bniedem tajjeb, li tista’ ttejjibni. Dan mhux biżżejjed. Il-ħajja tan-Nisrani hi xhieda bl-ubbidjenza u l-ħajja tan-Nisrani hi mimlija kalunji, diċeriji u persekuzzjonijiet.

Biex inkunu xhieda tal-ubbidjenza bħalma kien Ġesù, temm il-Papa, jeħtieġ li nagħrfu li aħna midinbin, għandna tant mondanità fi qlubna. Nitolbu ‘l Alla l-grazzja li nsiru xhieda tal-ubbidjenza u li ma nibżgħux meta jaslu l-persekuzzjonijiet, għax il-Mulej qal li meta naslu quddiem l-imħallef, se jkun l-
Ispirtu li jdawwalna x’għandna nwieġbu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading