Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > M’hawnx prezzek!

M’hawnx prezzek!


Patri Mario Attard OFM Cap

Tiftakru meta xi ħadd għamlilna xi pjaċir! Tana xi għajnuna kbira! F’kelma waħda għoġbu jagħtina dak li vera kellna bżonn? X’weġibnieh? X’għednielu? X’kienet il-kelma li ħarġet, ħelwa ħelwa, minn fommna, wara l-pjaċir li għamlilna? “M’hawnx prezzek!”

Għax lil dak jew dik li jkun jew tkun tant għamlu magħna li aħna, f’għajnejna, il-valur tagħhom hu mprezzabbli! Issa jekk hemm xi ħadd li, fil-verità, m’hawnx prezzu, huwa Ġesù Kristu! L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina! Ġesù, li ismu stess jfisser Alla jsalva, salvana mill-ħakma tax-xitan. Nistgħu int u jien nifhmu x’jiġifieri tkun taħt il-ħakma tax-xitan? Vera tal-biża u tat-twerwir!

L-att ta’ Ġesù li ħallas għalina ilkoll, b’demmu fuq is-Salib u ġie issiġillat darba għal dejjem bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, jibqa’ imprezzabbli. Mela bir-raġun li nduru lejn Ġesù u ngħidulu: “Ġesù! M’hawnx prezzek!”

Imma Ġesù mhux bħali u bħalek, rgħib fil-ħniena. Jibqa’ jaħfer. U jaħfer. U jaħfer… M’għandux paroli, bla bla, u wara ntiena kbira. Imma FATTI! Għalhekk, quddiem ir-rejaltà ta’ umanità li, minkejja l-fidwa li ġabilna, xorta waħda baqgħet twebbes qalbha għalih, ra kif għamel ħalli jekk ma jsalvaniex mill-bieb almenu jsalvana mit-tieqa!

U din hija l-Festa tallum, Ħadd il-Ħniena Divina. Il-Festa fejn din il-ħniena ta’ Alla għalina tidħlilna mit-tieqa! Biex żgur isalvana ivvinta xebgħa għodod ta’ salvazzjoni. Waħda minnhom, li jien personalment tant nuża, anki ma’ dawk li jkunu qiegħdin imutu fl-Isptar, hija l-Kurunella tal-Ħniena Divina. Issa din l-għodda hawn min iddejqu. Għax jgħidlek: “Għax jien lil Alla ma nkellmux bħall-pappagalli. Imma nkellmu minn qalbi. Għax dik ir-ripetizzjoni tat-talb iddejjaqni!”

Min taħseb sieħbi li qed idejqek fil-verità? It-Talba tal-Kurunella tal-Ħniena Divina jew xi ħadd li din it-talba ma jiflaħiex l-għaliex lilu, kull darba li tintalab, qed iġġibu aktar tabilħaqq dak li hu? Jiġifieri x-xitan? Ħu naqra break … aħseb … u wieġeb din il-mistoqsija aktar tard.

Fil-verità l-Kurunella tal-Ħniena Divina hija talba qawwija ħafna! Issa dan hu hekk mhux għax qed ngħidu jien, li jien aktar midneb minnek. Imma hemm il-Kelma tal-QADDIS! Ta’ Dak li mhux biss ma jagħmel ħsara lil ħadd imma li, minnu nnifsu, ma jagħmilx għajr ġid. U dan mhux bil-paroli fil-vojt tafux imma bil-FATTI.

Isimgħu xi jwegħdna Ġesù għal dawk fostna li jitolbu l-Kurunella tal-Ħniena Divina. Ħallini nerġa’ ngħidlek li dan hu kliemU:

“Għid bla waqfien il-kurunella li Jiena għallimtek. Kull min jitlobha jirċievi ħniena kbira fis-siegħa ta’ mewtu. Is-saċerdoti jirrakkomandawha lill-midinbin bħala l-aħħar tama tagħhom ta’ salvazzjoni. Ukoll jekk ikun hemm midneb bl-iktar qalb iebsa, li kieku kellu jitlob din il-kurunella darba waħda biss, huwa jirċievi grazzja mill-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq li d-dinja kollha ssir taf bil-ħniena infinita Tiegħi. Jiena nixtieq nagħti grazzji li ħadd ma jista’ jimmaġinahom lil dawk l-erwieħ li jafdaw fil-ħniena Tiegħi” (Djarju, 687).

Jissokta jwiegħed Ġesù: “Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom” (Djarju, 754).
Imma kif inkun naf il-qawwa ta’ din il-Kurunella? F’numru 1565 tad-Djarju ta’ Santa Fawstina hemm din l-esperjenza kbira.

“Wara dan, Ġesu’ talabni [lil Swor Fawstina], ‘Binti għini nsalvah.’ Meta bdejt ngħid il-kurunella, ilmaħt ir-raġel qed imut fost turmenti tal-biża. L-anġlu Kustodju tiegħu kien qed jiddefendih, imma hu kien, bħallikieku, bla saħħa, kontra il-ħażen ta’ dnubietu. Numru kbir ta’ xjaten kienu lesti biex jieħdu dik ir-ruħ. Imma waqt li kont qed ngħid il-kurunella rajt lil Ġesu’ preċiżament kif kien fix-xbieha. Mill-Qalb ta’ Ġesu’ ħarġu raġġi li għattew il-marid aggonizzanti u l-qawwiet tad-dlamijiet tħawdu u għebu. Il-bniedem aggonizzanti ħa l-aħħar nifs tiegħu fil-paċi. Meta ġejt f’tiegħi fhimt kemm hija mportanti li ngħidu l-kurunella għal dawk li jkunu qed imutu. Ittaffi wisq il-korla ta’Alla.” (nru.1565).

Jekk ma tafx tgħid il-Kurunella tal-Ħniena Divina idħol waħda f’dan il-link: https://www.youtube.com/watch?v=2I_PYwFtwIY u itlobha minn hemm kuljum. Jekk tista’ fit-3.00 pm. Jekk le f’ħin ieħor li tista’.

Meta titlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina l-eternità tiegħek għandha futur fis-sod!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: