Lectio Divina: 26 Ħadd Matul Sena A

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Matt: 21. 28-32):  Xi wħud minna forsi ġieli saqsew did-domanda: “In-nies li laħqu ċerta popolarita u suċċess fil-films, fuq il-palk, fil-politika, fl-isports, eċċ, x’jiġrilhom meta jkunu waħedhom ‘il bogħod mill-fotografi tal-gazzetti?  Tgħid isaqsu x’sens fiha l-ħajja li qed jgħixu u l-għażliet li qed jagħmlu? Jekk hux qed jibnu ħajja umana, jew qed jaħlu ħajjithom fil-frugħat?”  Il-vanġelu tal-lum ukoll jibda b’mistoqsija li Ġesu jagħmel mhux biss lin-nies ta’ suċċess imma lilna lkoll.  Forsi xi wħud minna ngħaddu jum wara l-ieħor mehdijin fuq ix-xogħol u d-divertiment tal-ġurnata, u rari nieqfu ftit biex naħsbu fuq l-għażliet li qed nagħmlu.  Dawn qed nagħmluhom skond l-Ispirtu t’Alla jew xi spirtu ta’ qerq, egoiżmu, u inklinat lejn rgħiba kattiva? Għandna mnejn inwaħħlu fiċ-ċirkustanzi u hekk niġġustifikaw dan l-għemil.

  1. Fis-silta tal-lum Ġesu qed isaqsina: “Inthom x’jidhrilkom? Mhux ta’ min jieqaf ftit fil-kwiet, jeżamina u jiddixerni dan l-għemil?” Anki San Franġisk, quddiem il-Papa Innoċenz III, saqsieh: “Int x’jidhirlek mill-Knisja li waslet biex tiġġarraf? X’hemm bżonn isir biex dan ma jseħħx?”  Per eżempju, xi wħud imorru l-Quddies u jieħdu pjaċir bl-organizzazzjoni tal-Liturġija. Imma jieqfu hemm, u qajla jirrispondu għall-għajta ta’ tant ħutna fil-bżonn ta’ ikel, ilma nadif, mediċini, eċċ, jew dawk itturufnati għax pajjiżhom maħkum mit-terroristi.  Jew x’jidhirlek int meta xi ħadd jiġbidlek l-attenzjoni li mhux qed tgħix skond kif qed tippriedka?  Jew kif qed tħares lejn min jiżbalja?  U għaliex Ġesu kien iħossu aktar komdu ma’ dawk ikkunsidrati ‘il bogħod minn Alla minn dawk li kienu jqisu lilhom infushom viċin t’Alla?  Jew għaliex xi wħud jagħmlu ċerti stqarrijiet ambigwi  fuq il-fidi?  Dawn għandhom l-għan li jmexxu ‘l quddiem il-fidi f’Alla jew f’xi alla idolu?  Biex taċċetta lil Kristu f’ħajtek jirrikjedi li ta’ spiss tieqaf ftit u ssaqsi dawn id-domandi.  Inkella tikkuntenta bil-fatt li twelidt Nisrani, tidħol f’rutina u tieħu l-bqija ‘for granted’.  Il-fidi hi ħaġa ħajja.  Bħal kull ħaġa oħra ħajja, jekk ma tikbirx, timrad u tmut.  Għalhekk illum Ġesu qed jgħidilna biex niċċalenġjaw il-fidi tagħna billi nsaqsu domandi bħal dawn.  B’hekk insiru konxji li l-fidi tagħna qed nibbażawha fuq għażla friska ta’ kuljum.
  2. “Wieħed raġel kellu żewġ ulied.” Ir-rabbini wkoll kienu jgħidu xi storja biex jgħallmu n-nies.  Meta din kienet tibda “Wieħed missier…” kulħadd kien jifhem li qed jgħidu għal Alla.  Imma r-rabbini kienu jkomplu li dal-missier kellu tifel wieħed: Israel (il-poplu magħżul).  Għalhekk, meta semgħu lil Ġesu li dal-missier kellu żewġ ulied, aktar waqqfu widnejhom biex jaraw biex kien ħiereġ. Ġesu juża l-parabbola tal-lum biex jgħinna nsaqsu aktar domandi.  Iressaq quddiemna żewġ ulied li ma jġibux ruħhom l-istess mal-missier.  It-tnejn huma uliedu u f’għajnejh, jagħmlu x’jagħmlu, xorta se jibqgħu uliedu.  “Resaq lejn il-kbir u qallu: Ibni, illum mur aħdem fl-għalqa tad-dwieli.” Il-kliem “resaq” u “Ibni” jindikaw li l-missier kellmu bil-ħlewwa.  Aktarx l-għalqa ma kinitx kbira.  Biżżejjed biex jaħdmuha tal-familja. “Ibni, mur aħdem fl-għalqa tagħna, ħalli jkollna biżżejjed għeneb biex nagħmlu l-inbid li jferraħ il-familja kollha.”  Ġesu jistieden lilek ukoll biex ILLUM taħdem fil-Knisja Tiegħu, biex ixxerred il-vanġelu li jġib imħabba u ferħ fil-familja Nisranija.  Dan hu xogħol impenjattiv ħafna u forsi ta’ min jaqta’ qalbu minnu.  Għalhekk ir-rejazzjoni istintiva tal-ewwel għandu mnejn tkun: “Ma rridx!”  Din hi tweġiba spontanja li toħroġ minna mweldin fid-dnub tan-nisel u nklinati lejn l-għażż u l-egoiżmu.  “Ħafna drabi nsibu ruħna nagħmlu dak li rridux nagħmlu” (San Pawl).  Imma ftit ftit, wieħed jibda jirrejalizza li din mhix il-ħajja vera li jixtieq minna Ġesu.  U allura nagħmlu bħat-tifel il-kbir tal-parabbola: inbiddlu l-fehma u ninpenjaw ruħna kemm nistgħu.  Din hi l-vera liberta. Mhux dik li nagħmel li rrid, imma li b’għajnejja miftuħin beraħ u naf x’biħsiebni nagħmel, nikkommetti ruħi għall-proposta tal-Missier Etern, biex inxerred il-ferħ madwari.  Mhux it-taparsi ferħ li jista’ jtuk ix-xorb, droga, suċċess, logħob, eċċ, imma l-veru ferħ, sinċier u li jibqa’.
  3. “Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess.”  Dan bil-kemm ħallih jispiċċa, u wieġeb fil-pront: “Arani sejjer.”  U ma mar xejn.  Dan juri li dan l-iben ma qgħadx jaħseb ftit x’jinvolvi li taħdem fl-għalqa, x’impenn jirrikjedi u x’se jkun ir-riżultat tal-ħidma tiegħu.  Ma fehem xejn minn dan kollu.  Bħal Pietru meta stqarr li Ġesu hu l-Messija.  Kif Ġesu qallu xi tfisser tkun il-Messija, u kemm kellu jbati, Pietru lumu u qallu: “Dan ma jkun qatt.  Il-messija mhux kif qed tgħid int imma kif għallmuni r-rabbini.”
  4. Ġesu jkompli b’domanda oħra (li qed jagħmel lilna wkoll): “Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-missier?”  Hawn min jisħaq: “Ara tneħħu l-kurċifiss mill-klassijiet!” Imma mbagħad faċli jqasqsu. jigdbu u jkunu nfidili lejn żwieġhom.  Oħrajn imorru wara d-duluri imma mhux il-Quddiesa tal-Ħadd; jew kuntenti li tgħammdu, żżewġu bil-Knisja, għammdu l-uliedhom u daqshekk. It-tieni iben tal-parabbola jirrapreżenta dawn it-tipi ta’ nies li jużaw ir-reliġjożita biex isikktu l-kuxjenza u jsalvaw l-apparenza. Dan l-iben jiftħilna għajnejna li mhux biżżejjed ngħidu “Iva”  bil-kliem biss imma li din l-“iva” nsarrfuha fil-fatti.  Hawn min jaqsam l-Insara fi tnejn: dawk bħall-ewwel iben, u dawk bħat-tieni. Huma mbagħad iqisu lilhom infushom bħat-“tielet iben”, i.e dak li jgħid iva u jmur jaħdem fl-għalqa. Ġesu lil dawn qed jgħid: “Int x’jidhirlek? Mhux aħjar issaqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet  biex tara f’hiex int, bl-umilta kollha?”
  5. “…il-pubblikani u n-nisa tat-triq jaslu qabilkom fis-Saltna t’Alla.” Mhux qed jgħid għall-Ġenna. Dawn in-nies m’għandhomx it-tagħlim u l-prużunzjoni tax-xjuħ tal-poplu u l-qassisin il-kbar.  Allura fis-sempliċita tagħhom Ġesu qed jgħid li se jaslu qabel l-oħrajn biex jifhmu l-proposta ta’ Kristu għall-bniedem il-ġdid, u se jibdew jgħixuha issa,  minn did-dinja, qabel il-kbarat tal-Lhud.

Sors:  laciesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellinil

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading