Ittra Pastorali għar-Randan 2018 għat-Tfal

Print Friendly, PDF & Email

Ngħożżu dak li hu sabiħ u tajjeb

Għeżież tfal,
Ta’ kull sena, fit-tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja tfakkarna f’dik l-esperjenza sabiħa li Ġesù għamel ma’ tlieta mid-dixxipli tiegħu, meta tela’ fuq il-muntanja Tabor, u sar jiddi qisu x-Xemx. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li “Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb”.

Flimkien ma’ Ġesù dehru wkoll Mose u Elija.
Il-Knisja tgħallimna li din il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni fiha tifsira sabiħa ħafna għalina. Dan għaliex waqt li kienu qed jitolbu fuq il-muntanja, Ġesù jidher fis-sbuħija kollha tiegħu. Fuq il-muntanja Tabor Ġesù jsir ir-Ragħaj it-Tajjeb li jiġbed lil kulħadd lejh. Aħna l-Isqfijiet qegħdin nistiednu lilkom, biex inwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù u ngħixu ħajja tajba u sabiħa.

Is-sbuħija straordinarja ta’ Ġesù
Id-dixxipli li dakinhar kienu fuq il-muntanja Tabor ma’ Ġesù, tant ħadu gost b’dak il-ferħ li ħassu, li Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mose u waħda għal Elija”. Id-dixxipli xtaqu li jagħmlu tliet tined biex dak il-ferħ li bdew iħossu ma jispiċċa qatt.

Is-sejħa biex inkunu wlied id-dawl
Fit-trasfigurazzjoni Ġesù juri lilu nnifsu bħala dawl minn dawl. Missierna San Pawl ukoll jistedinna biex aħna wkoll inkunu dawl għall-oħrajn. “Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ”, jgħidilna San Pawl fl-ittra li kien bagħat lill-Efesin. “Fittxu li tagħmlu dak li jogħġob lill-Mulej”. Meta nisimgħu dan il-kliem nindunaw li aħna msejħin biex dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb. “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin” ikompli jgħidilna San Pawl.

Fl-Għid li ġej, b’mod speċjali fil-quddiesa ta’ Sibt il-Għid, aħna jkollna f’idejna xemgħa li tfisser id-dawl ta’ Kristu. Xemgħa li tkun mixgħula mill-blandun. Il-fjamma tagħha hija ċkejkna, imma tista’ tagħti faraġ u serħan f’kull ambjent fejn hemm id-dlam u fejn hemm nies bid-dwejjaq. Aħna u naraw is-sbuħija ta’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor, il-messaġġ tagħna jrid ikun messaġġ li jimla lil kull wieħed u waħda minna b’kuraġġ kbir, b’tama ġdida. Dan hu li jagħmilna dixxipli tal-Mulej. Il-Papa Franġisku jgħidilna: “Li nkunu dixxipli jfisser li nwasslu l-imħabba ta’ Ġesù lill-oħrajn, u dan iseħħ kullimkien, fit-triq, fil-pjazza u l-iskola jew ix-xogħol”.

L-istedina biex nisimgħu u nwettqu l-Kelma ta’ Alla
Il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni tkompli hekk: “Imbgħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: ‘Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu’. Minnufih taw ħarsa madwarhom u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu”. Dak il-kliem li nstema’ jgħid Alla l-Missier, hija stedina għalina biex nagħrfu lil Ġesù bħala iben Alla. Imma hija wkoll stedina biex nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u nippruvaw ngħixuha fil-ħajja tagħna. L-Eżerċizzji tar-Randan huma opportunità sabiħa biex nisimgħu il-Kelma tal-Mulej u x’messaġġ għandu għalina. Aħna l-Isqfijiet inħeġġukom biex tfittxu eżerċizzji sbieħ u tajbin għalikom ħalli dejjem aktar tagħrfu dak li Ġesù jixtieq jgħidilkom.
Ejjew nitolbu biex il-grazzja li jagħtina Ġesù fit-talb, tinżel fina u timliena bl-imħabba lejn il-proxxmu tagħna, u wkoll b’ħafna tama għall-futur. J’Alla dan ir-Randan ikompli jqarribna lejn Ġesù, speċjalment permezz tas-Sagrament tal-Qrar u t-Tqarbin.
Bis-saħħa tal-Magħmudija aħna lbisna d-dawl ma’ Ġesù u aħna nfusna sirna dawl. Ejjew nitolbu biex fis-soċjeta tagħna aħna l-Insara nkunu preżenza li ġġib ll kulħadd l-aħbar is-sabiħa ta’ Ġesù.

Għeżież tfal, nagħtukom bil-qalb il-barka pastorali tagħna.

✠ Charles J. Scicluna                                                                           ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta                                                                                 Isqof ta’ Għawdex

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading