“MA NAFX NITLOB” (2)


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

L-importanza tat-talb narawh kemm il-darba mill-eżempju ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Kemm il-darba narawh jitlob lil Alla l-Missier: “Missier qaddis, qaddishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna” (Ġw 17,11b); “Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob” (Mt 14,23).

Mgr Paul Cremona OPĦa naraw x’nitgħallmu mill-Kotba Mqaddsa għal xi għajnuniet biex nitolbu.
Il-Mulej jinsab kullimkien: kullimkien u f’kull ċirkustanza nista’ nitlob, nidħol f’kuntatt miegħu. Il-Mulej meta ħalaqna poġġa xrara tal-imħabba tiegħu f’kull bniedem: “Is-Saltna ġewwa fostkom qiegħda” ( Lq 17,21). It-talb huwa meta nlaqqgħu din ix-xrara ta’ ġewwa fina ma’ Alla li jinsab barra minna. Dan it-talb jgħinna biex ma ngħalqux ‘l Alla fil-ħin tal-Quddiesa biss: jgħinna biex inżommu kuntatt miegħu matul il-ġurnata bħala tħejjija għal meta niltaqgħu miegħu fil-Quddiesa u t-tqarbin, flimkien mal-Komunita’ Nisranija.

Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu: Għallimhom il-‘Missierna’. Hu qiegħed żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel waħda hija li nitolbu b’fiduċja sħiħa fil-Missier (dak ifisser “toqogħdux tlabalbu bħall-pagani – nafu li jħobbna, mhemmx għalfejn nippruvaw nikkonvinċuħ), u qalbna ma tkunx iebsa bin-nuqqas ta’ maħfra (Mt 6,8-15).

Is-salm 33 jipproponi xi sentimenti fit-talb: inbierek lill-Mulej, tifħiru fuq fommi, niftaħar bil-Mulej, jisimgħu, jifirħu, inxandar il-kobor tal-Mulej, ngħollu ismu flimkien, fittixt, ħarsu lejh, sejjaħ u ħelsu, ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

It-talb personali jenħtieġ il-kwiet u s-silenzju. Ġesu’ jfaħħar it-talb ta’ meta nkunu tnejn jew tlieta u jgħidilna li jkun fosthom (Mt 18,20), iżda jgħidilna wkoll kif għandu jkun it-talb ta’ weħidna: “Iżda int, meta titlob idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk u itlob lil missierek li hu fil-moħbi (Mt 6,6).

Għandna nitolbu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu biex idawwalna fit-talb: “Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu jidħol għalina bit-talb tiegħu…” (Rm 8,26).

Nistgħu nitolbu b’talb qasir matul il-ġurnata. Dawn huma xi wħud minnhom: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Ġesu’ Sidna fuq is-Salib: Lq 23,46); “Jiena l-Qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1,38); “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (S. Tumas l-Appostlu: Ġw 20.28); “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla” (San Ġorġ Preca). Jien nipproponi oħra biex nimtlew bl-imħabba tal-Missier: “Jiena midneb Mulej, jiena ma niswa’ xejn. Għaliex tħobbni? Imma tħobbni”.

Imbagħad hemm xi talb li jieħu xi ftit fit-tul iktar u allura jitlob skiet u atmosfera ta’ ġabra.

Nistgħu nitolbu bil-meditazzjoni: dan it-talb jitlob li jien naqra xi silta, preferibilment mill-Kotba Mqaddsa, iżda mhux biss, u nidħol fil-fond fih. Nuża r-raġuni tiegħi biex nagħraf iktar il-kelma u nitlob fuqha billi napplikaha għalija.

Il-Kontemplazzjoni hija t-talb li ma jiġix permezz tar-raġuni tagħna iżda hi direttament Don ta’ Alla. Dan it-talb jitlob li jiena ma nagħmel xejn bl-isforzi tiegħi, iżda nilqa’ it-tnebbihiet tal-Mulej ġewwa qalbi. F’dan it-talb jiena nikkonċentra fuq l-imħabba tiegħu – per eżempju quddiem Ġesu’ Ewkaristija – u nħallih inebbaħni u jdewwaqni l-imħabba tiegħu.

Importanti li t-talb ma jsirx biss għalina iżda bit-talb inkunu qegħdin nagħtu iktar saħħa lil Alla l-Imbierek. Biex nifhmu dan niftakru fl-atmosfera ta’ din id-dinja. Min jiżra’ siġra ma jkunx qed jagħmilha għalih biss, iżda jagħti iktar ossiġnu fl-atmosfera. Min iqaċċat siġra jkun qed inaqqas l-ossiġnu għal kulħadd.
It-talb huwa l-ossiġnu spiritwali tagħna. Min jitlob iżid il-qawwa ta’ Alla fl-umanita’ kollha; min jidneb ikun jagħti iktar qawwa lix-xitan fid-dinja. Kemm jidħlu fl-umanita’ Alla l-Imbierek, kif ukoll ix-xitan, jiddependu minn kull wieħed minna.

Forsi Ġesu’ għalhekk qalilna: “Imbagħad qalilhom prabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu” (Lq 18,1), biex inħejju l-miġja tas-Saltna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.