Le! Mhux għalxejn!

Print Friendly, PDF & Email

Mhux l-ewwel darba li l-Mulej laqqagħni ma’ persuni li, għal xi raġuni jew oħra, jibdew jaqtgħu qalbhom fil-ħajja. Raġuni komuni, u li niltaqa’ magħha spiss, huwa dan ir-raġunament li jagħmluli xi wħud: “La weġġgħuni issa nibda’ nagħmel bħalhom! L-għaliex fil-ħajja l-ħażin jirrenja!” Imma dan veru?

Ħbieb ma rridux xi għerf biex nintebħu li dan mhux il-każ. Int ħu minn sempliċiment ħaġa ħażina. Illum tinħeba. Għada wkoll. U forsi, bi tqanżieħa, il-pitgħada. Imma jasal dak il-mument meta l-verità tispara ‘l fuq. L-għaliex il-ħażen, jagħmlu min jagħmlu, ħajja twila m’għandux. Jinqabad malajr. Għandu għomru qasir. Sintendi, l-għaliex il-ħażin, anki jekk ipinġi lilu nnifsu bħala wieħed li għandu mnieħru twil twil, iżda, u fir-rejaltà, imnieħru huwa ferm iqsar milli jaħseb hu! Sewwa jgħid is-Salm 34: Il-ħażin ħżunitu teqirdu (Salm 34:22).

Darba minnhom qaddist quddiesa ta’ funeral li aqta’ kemm għamlitli ġid! Wara li tlabt il-kolletta (jiġifieri t-talba li jitlob is-saċerdot biex jagħlaq ir-rit tal-introduzzjoni fil-bidu tal-quddiesa) poġġejt bħas-soltu biex, man-nies, nisma’ il-qari. F’dik il-għodwa, u għal diversi raġunijiet, tassew li kelli bżonn nisma’ kelma li ttellagħni ‘l fuq. Għalhekk, kif poġġejt bilqiegħda, aqta’ kif ftaħt widnejja daqshiex għall-Kelma tal-Mulej! Il-qarrejja kienet qed taqra mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. It-test eżatt kien jgħid hekk: Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn (1 Kor 15:58).

Meta smajtu dan il-qari tassew li ħariġli d-dmugħ minn għajnejja. Kemm apprezzajt! Kemm inkoraġġieni l-Mulej dakinnhar! Ġieli jiġu mumenti fejn il-ħajja tkun tabilħaqq iebsa. Jiġu mumenti fejn naħseb li nkun qed nagħżaq fl-ilma. Inkella li nkun qed naħli l-ħin. U, meta jaqa’ dak is-skiet li taqtgħu b’sikkina, fejn ħadd, proprju ħadd, aktar u aktar mingħand min suppost jagħtik kuraġġ u, għal għadd ta’ raġunijiet, jibqa’ b’ħalqu magħluq, bla ma trid tibda’ tgħid: “Imma għamilt xi ħaġa ħażina?” “Fejn għamilt ħażin?”

Issa dan qed ngħidu ukoll l-għaliex il-Mulej ilaqqagħni ma’ ħafna minkom li tiġikom din il-problema. Li tfaqqsilkom din l-isfida. U intom ukoll tibdew tirraġunaw: “Imma għaliex nagħmel tant miegħu u magħha u qisu m’hu qed nagħmel xejn?” Kollu santu ċajt, tweġġa’.

Ejjew naħsbu ftit fuq xi ħaġa li hi importantissima! Darba persuna għallmittni hekk: “Agħmel xi ħaġa għall-bnedmin u la l-bnedmin ma jkunu jafuhulek u lanqas il-Mulej. Agħmel xi ħaġa għall-Mulej u Hu jkun jafuhlek u l-bnedmin le”. Naf. Forsi xi wħud, waqt li qed jisimgħu din il-kelma, qed jgħidu f’qalbhom: “Imma dan il-Patri kemm hu pessimist!” Ħbieb, ma rridux ħafna biex nintebħu kemm huma ħafna n-nies li ma japprezzawx. Kieku biss kelli naqsam magħkom kemm u kemm stejjer nisma’, inkluż l-istejjer li ngħaddi minnhom jien, ta’ nies li ma japprezzawx naħseb li malajr ikun hawn min imbagħad jibdel il-fehma.

Min jaħdem għall-Mulej m’għandux għalfejn jinkwieta. L-għaliex il-Mulej ikun jafhulu żgur. Int ħu l-ġrajjiet tal-fundaturi tal-Ordnijiet Reliġjużi inkella ta’ Soċjetajiet jew għaqdiet tal-appostolat. X’ma għaddewx dawn in-nies tabilħaqq kariżmatiċi! Minn liema sfidi ħorox għaddew minnhom! Madankollu, l-għaliex bnew fuq il-Mulej, baqgħu sejrin ‘il quddiem.

Fil-vanġelu nsibu għadd ta’ passaġġi li juruna li dak li nagħmlu ma’ Ġesù qatt ma jmur fix-xejn. Għall-kuntrarju! Kemm japprezza l-Mulej dak li nagħmlu għalih!

Bħalissa tiġini l-parabbola tat-talenti li nsibu f’San Mattew:

“Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. (Mt 25:14-30).

Imbagħad, l-istess evanġelista jagħtina passaġġ ieħor fejn jurina li meta naħdmu għall-Mulej dak li nagħmlu żgur li m’huwiex għalxejn.

Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni’ (Mt 25:34-36).

Imbagħad, biex bħall-evanġelista jissokta jfisser li dak li wieħed jagħmel għall-Mulej m’huwa qatt fil-vojt jippreżentalna lil Ġesù li jfissrilna l-għaliex dan iseħħ.

Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ ‘ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt 25:37-40).

Taqtax qalbek meta ma tkunx apprezzat u apprezzata għall-ġid li l-Mulej jagħmel bik. Dejjem ftakar li hemm is-Sultan, Dak li kien se jsiefer, il-Mulej nnifsu. Dak żgur li japprezza dak kollu li int tagħmel miegħu u għalih. Għalhekk taqta’ qalbek qatt! L-għaliex il-ħidma tiegħek fil-Mulej mhux talli m’hijiex għalxejn talli hija l-ħajja ta’ dejjem tiegħek u ta’ dawk li int, b’tant imħabba, taqdihom.

 

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading