L-Evanġelju tas-Sibt 4 t’Awwissu 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 14, 1-12

Jingħad li l-għawi ħu l-ġenn. Jista’ faċilment jidher li dawn it-tlieta minn nies ma kienx moħħhom f’siktu dakinar ta’ għeluq snin Erodi (tetrarka għax kien sultan minn erbgħa), u kif ngħidu wkoll, id-dnub ma jorqodx, minħabba f’hekk weħel ma’ rashom Ġwanni l-Battista, li, minħabba f’hekk, spiċċa bla ras hu.

Seta kien ukoll l-inbid li sakkarhom u serqilhom ir-raġuni, iżda San Mattew, jgħidilna li l-problema kienet ilha ġejja.

Is-silta tiftaħ bil-biża ta’ Erodi għax id-dnub ma jorqodx u San Mattew biex jispjegalna din il-biża, jagħtina rakkont ‘flashback’, jitfana lura lejn dak li kien ġara u li kompla jiggrava l-biża ta’ dan is-sultan. Kien jemmen imma kien jibża; kien jemmen imma kien bla sinsla; il-prinċipji tiegħu kienu mwaħħla bħal pinnur, iduru skont ir-riħ.

Għalkemm kien sultan, Erodi kien iktar politiku u opportunist. Fil-fatt kien sultan għal din ir-raġuni, ma kellu ebda setgħa f’idejh ħlief dik li kienu jippermettulu l-ħakkiema rumani, li kien jaqblilhom li jħalluh jagħmel li jrid, sakemm jaqdihom mill-koxxa u jagħmel dak li jridu huma. Il-karattru tiegħu jidher li kien dgħajjef u ma kien iqis xejn u lil ħadd biex jikseb dak li jrid fil-limitazzjonijiet tas-setgħa tiegħu, basta jibqa’ mwaħħal mat-tron. Nafu li minħabba t-taħwid politiku u l-laqgħiżmu tiegħu li wassluh biex jieħu deċiżjonijiet diżastrużi, spiċċa eżiljat fil-Gallja (Franza tallum) flimkien mas-sieħba Erodja, u meta u fejn miet, ħadd ma jaf eżatt.

Il-passjonijiet sesswali tiegħu kienu wkoll qawwija. Telaq lil martu u żżewweġ lil Erodja, mart Filippu, ħuh mill-missier. Iżda ma kienx biżżejjed. Waqt din il-festa ta’ għeluq sninu, ma sikirx bl-inbid biss u għax ħalla r-raġuni tiżżerżaq ħelu ħelu minn moħħu, l-emozzjonijiet rikbuh u kompla jgħaffeġ iktar milli kien għaffeġ sa dakinhar. Kollox tela għal rasu u wasal biex tilifha.

Kien ja fli qed jiżbalja u kien jaf li Ġwanni kellu raġun iżda Erodja kellha influwenza kbira fuqu, iżda mhux sal-punt li ġġiegħlu jeħles minnu. Tnikket meta Erodja inqdiet b’bintha biex taħtaf l-okkażjoni u ttajjar ras Ġwanni minn nofs. Iżda bin-niket biss ma nagħmlu xejn, billi nħabbtu fuq sidirna ma nsolvux problemi, u jekk inkunu qbadna triq mgħawġa, bin-niket, mhux se nibdew nimxu fuq waħda dritta.

Barra minnhekk Erodi ta’ iktar valur lill-fama tiegħu milli l-ħajja tal-profeta li kien iqisu, b’mod stramb ħafna, ħabib tiegħu, għa xkien jiftaħlu għajnejh. Illum ma ngħidux iktar fama, ngħidu ‘image’ kif nidhru, kif jarawna n-nies. Ried joħroġ ta’ raġel u ħareġ ta’ pupu. Malli aċċetta t-talba li saritlu, tilef kull irġulija li sa dakinhar kellu u iktar ħareġ ta’ tifel għax ħalla tfajla li ħarġet tiżfen, disa u disgħin fil-mija b’għan wieħed li laħqet, tikkmandah u tmexxih minn imnieħru. Il-popolarità tiegħu ġabet fuqu il-kundanna. Għal din id-deċiżjoni, Ġwanni tilef rasu u Erodi tilef ir-rieda tiegħu. X’jasal biex jagħmel il-bniedem biex jingħoġob mill-bnedmin!

Erodja kellha wkol pożizzjoni xi tħares. It-tisħib tagħha ma’ Erodi, ma kienx biss ikkawżat minn kemm kienet miġbuda lejh iżda wkoll minn raġunijiet politiċi għax b’dan it-tisħib il-familja tagħha kellha sehem ukoll mis-saltna ta’ Erodi. Kienu x’kienu r-raġunijiet, il-kilba tagħha għas-setgħa wasslitha biex twassal lil bintha tinbiegħ; qegħditha fuq il-mejda tas-suq biex tikseb dak li kienet ilha tippjana u tixtieq, iżda qatt ma rnexxilha twettaq. Omm tbiegħ lil bintha biex tissoda l-pożizzjoni tagħha; mara li tagħti lil bintha lis-sieħeb tagħha biex tikseb dak li trid: il-mewt ta’ min kien theddida tiegħu. Ma niskantawx għax nafu li dan għadu jseħħ; aħna nagħmlu hekk ukoll.

Imma d-dnub ma joroqdx.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading