Membru parlamentari Kopt jiġġieled għad-drittijiet tal-Insara fl-Eġittu


Il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu 2018:  Emad Gad huwa Membru tal-Kamra tad-Deputati Eġizzjana u professur tax-xjenza politika fl-Università tal-Kajr. Membru tal-Knisja Koptika Ortodossa, huwa rrappreżenta lill-Partit Eġizzjan Ħieles matul bosta leġislaturi fil-Parlament. Minħabba d-difiża tiegħu tad-drittijiet    tal-Insara, huwa ġarrab regolarment fastidju u wkoll ġie emarġinat. Fl-istqarrijiet u l-kitbiet tiegħu, hu ta’ spiss ikkritika l-awtoritajiet talli naqsu milli jipproteġu lill-Insara Koptiċi tal-Eġittu minn attakki vjolenti, ta’ spiss fatali, u li ma jagħmlux aktar biex jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet tal-Insara bħala ċittadini.

eman-gad.jpgDr Gad kellem lill-‘Aid to the church in Need’ (Għajnuna lill-Knisja fil-Bżonn) dwar il-kumbattiment tiegħu biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra l-Insara u sabiex jitwaqqaf stat sekulari fejn iċ-ċittadini kollha huma jkunu ttrattati bl-istess mod, ikun xi jkun it-twemmin tagħhom..

“Fl-2012, kont membru tal-Kumitat tar-Relazzjonijiet Barranin fil-Parlament, li dak iż-żmien kien ikkontrollat ​​mill-Fraternità Musulmana. Il-kumitat kien immexxi minn Essam al-Erian, wieħed mill-mexxejja tal-Fraternità Musulmana. Jien ġejt emarġinat għalkollox matul dan il-perjodu u ma kontx inkun mistieden għad-diskussjoni ta’ materji importanti.

“Darba waħda, Al-Arian ikkuntattjani biex niltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Parlament Taljan li ġiet iżżurna. Fil-bidu tal-laqgħa, Al-Arian qal lid-delegazzjoni: “Aħna ngħixu fit-tolleranza u nħobbu naraw Musulmani u Insara jaħdmu flimkien. Xhieda ta’ dan huwa l-kollega tagħna Emad Gad, Kopt Nisrani Eġizzjan. “Imbagħad għamilli l-wisgħa sabiex nitkellem bi stennija għal dikjarazzjoni ta’ korteżija, imma għidt ċar u tond: “Nirringrazzjak ħafna Dr Essam, imma tajtni biċċa xogħol diffiċli. Irrid nagħżel li nżomm mal-prinċipji u l-konvinzjonijet tiegħi, jew noqgħod infaħħrek u ngħid dak li qed tistennieni  ngħid. Ma nistax nagħmel ħaġ’oħra ħlief li nistqarr il-prinċipji u l-konvinzjonijet tiegħi u ngħid li [il-Fraternità Musulmana] huwa grupp razzista estrem li juża oppressjoni kontra l-Kopti u jattakka l-knejjes. “Din kienet l-aħħar darba li ħadt sehem fil-laqgħat tal-Kumitat.

“Iż-żmien li għaddejjin minnu huwa partikolarment tens għalija bħala politiku nisrani; Il-President Abdel Fattah Al-Sisi qed jipprova jdaħħal fl-imħuħ din in-nozzjoni ta’ ċittadinanza ugwali; hu qiegħed jieħu passi li ebda president Eġizzjan qablu ma kien ħa.. Huwa qiegħed jagħmel dan għax ra – fis-seba’ snin ’l hawn mill-insurrezzjoni tal-2011 – kemm il-Kopti jħobbu u jappoġġaw lil pajjiżhom u ripetutament irrifjutaw kwalunkwe interferenza barranija fil-politika Eġizzjana. Madankollu, l-isforzi tiegħu qed iħabbtuha ma’ forzi reazzjonarji u partijiet tal-apparat statali għadhom joperaw bħal fl-imgħoddi. Dan jinkludi l-apparat tas-sigurtà, li jittratta l-vjolenza kontra l-Kopti permezz ta’ laqgħat ta’ rikonċiljazzjoni bħalma jsir is-soltu u jispiċċaw biex min ikun wettaq  l-azzjoni ma jeħel xejn.

“Ngħidu aħna, matul il-kriżi tal-2016 fil-villaġġ Karm el Lofy, fil-provinċja ta’ Minya – fejn il-massa Musulmana attakkat mara anzjana, Souad Thabet, u neżżgħuha – nħolqot tensjoni kbira bejni u Dr Ali Abdel Aal, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u Membri oħra tal-Parlament. Ktibt fuq il-paġna tiegħi ta’ Facebook li “hemm skema terribbli w’infernali sabiex tumilja lill-Kopti  – u l-apparat ta’ sigurtà statali qed jipparteċipa f’din l-iskema.”

“Jien ridt niġbed l-attenzjoni għall-inġustizzja li ġarrbet is-Sinjura Thabet, u għall-insistenza minn xi uffiċjali tas-sigurtà biex isolvu l-kwistjoni bħalma dejjem jagħmlu, u b’hekk il-vittma titlef id-drittijiet tagħha biex tikseb smigħ xieraq u ssir ġustizzja.

“Kien żmien diffiċli ħafna minħabba li l-MP f’Minya baqgħu jisfidaw. Għadd ta’ deputati ta’ Minya kienu uffiċjali tal-pulizija u xi wħud minn dawk li taw is-salt lil Souad Thabet intqal li kienu relatati ma’ wieħed minn dawk id-deputati, u għalhekk dawn il-MP ma riedux li din il-kwistjoni tiġi diskussa. Irrid nistqarr li numru ta’ Membri Koptiċi tal-Parlament kienu xewka f’ġisimna aktar minn kulħadd. Sfortunatament, hemm ħafna politiċi Koptiċi li jemmnu li l-preżenza tagħhom fil-Parlament u l-akkwist tagħhom tal-poter jiddependu fuq li jogħġbu l-istat jew l-apparati tas-sigurtà lokali.

“Ktibt ukoll artikli bit-tużżani għall-ġurnal ta’ kuljum Eġizzjan Al Watan, nikkritika l-mod li bih l-apparat ta’ sigurtà jittratta inċidenti ta’ vjolenza kontra l-Kopti; xi wħud minn dawn l-artikoli ngħataw bit-titlu “Little Security, Politics Ħafna”. Il-punt tiegħi hu li l-komponent tas-sigurtà huwa importanti, iżda li l-politika għandha tieħu azzjoni dwar idak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà, u mhux bil-maqlub. Fil-ġlied, bejn id-diversi setturi, il-politika mmexxija mis-sigurtà ġabet magħha riżultati katastrofiċi. Il-knejjes ġew magħluqa minħabba tħassib dwar is-sigurtà, dan it-tħassib iqis li l-ftuħ ta’ knisja ġdida se jwassal, inevitabilment, għal kunflitt settarju

“Minħabba l-pożizzjoni li ħadt għal aktar minn darba, sibt ruħi soġġett għal diversi tipi ta’ provokazzjoni u ta’ emarġinazzjoni. Eżempju wieħed huwa li waqfu milli jippubblikaw l-artikli tiegħi fil-gazzetta Al Watan. F’Diċembru li għadda uffiċjal tal-pulizija irtirat heddidni fuq it-taqta’ qawwija ħafna aħjar għalik li tkun ‘il bogħod.” Bdejt naħseb, u stqarrejt dan bil-miktub fuq Facebook, jekk dik kenitx theddida ta’ assassinju. L-affarijiet waqfu hemm u din il-kampanja twaqqfet wara l-intervent tal-politiċi u dipartimenti oħra tal-gvern.

“Tipi oħra ta’ tfixkil huma billi ma jħakkunix nitkellem waqt dibattiti parlamentari u nitħalla barra meta delegazzjonijiet ta’ MP Eġizzjani jmorru għal żjarat uffiċjali barra l-pajjiż. Sadanittant, MP mingħajr ebda esperjenza politika jew ma jifhmu xejn f’dik li hi x-xjenza politika u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi barranin – l-oqsma ta’ kompetenza tiegħi – tħallew jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Barranin.

“Jien kont membru tal-Partit Eġizzjan Ħieles u rbaħt siġġu fil-Parlament bħala membru tal-bureau politiku tal-partit. Imma wara li l-forzi tas-sigurtà għamlu pressjoni fuq il-partit biex niġi emarġinat, il-partit f’daqqa ħatar lil Alaa Abed bħala l-kap tal-bloc tal-partit fil-Parlament  – minkejja li dan il-bniedem kien uffiċjal tal-pulizija akkużat b’tortura u spiċċa biex tkeċċa. Dil-bidla kienet maħsuba biex tagħmel pressjoni fuqi sabiex inbiddel il-pożizzjoni politika tiegħi.

“Minkejja l-ħruxija ta’ x’inhu jiġri, dan għadu pajjiżi u nistgħu niksbu bidla biss b’reżistenza u ċ-ċaħda ta’ pjanijet politiċi liu mhumiex tajbin. Fil-fatt, hemm ħafna MP Musulmani li kienu tassew kuraġġużi fl-appoġġ li taw lill-kawża nisranija.

“Barra minn hekk, il-problema f’ċerti oqsma hija enormi. Pereżempju, fil-provinċja ta’ Minya ħafna jqisu lill-Kopti bħala infidili u eretiċi u saħansitra jakkużawhom milli jagħmlu s-sħarijiet. Niftakar inċident wieħed meta folla rrabjata ta’ Musulmani attakkaw knisja ilu s-snin, u sabu kitbiet fil-lingwa Kopta; avolja ma kinux jafu din il-lingwa, sostnew li l-knisja kienet qed tagħmel is-sħariijiet biex ma tħallixi lit-tfajliet jiżżewġu! ”

 

“Sfortunatament, hemm ħafna li sa mit-tfulija tagħhom il-fanatiċi daħħlulhom f’moħħhom  attitudni ta’ intolleranza. Neħtieġu proċess ta’ bidla fil-kultura. Parti importanti mill-battalja hija li għandhom jinbidlu l-kotba tal-iskola li jinkoraġġixxu l-vjolenza kontra l-Insara. ”

 

Kontra kull kurrent kontrih, il-Membru tal-Parlament Dr. Emad Gad qed ikompli jiġġieled għad-drittijiet ta ‘l-Insara Eġizzjani; m’hu se jħalli li ħadd jagħlaqlu fommu u jaċċetta r-riskji li l-pożizzjoni kuraġġuża tiegħu ġġib magħha. Madankollu, mhuwiex waħdu u kif jgħidl hu stess, qed jirċievi appoġġ minn xi naħat Musulmani. Il-futur tal-ikbar komunità Nisranija fil-Lvant Nofsani għadu mdendel.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.