L-Evanġelju tal-Erbgħa 8 t’Awwissu 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 15, 21-28

Tgħid ma kienx jaf mill-ewwel li l-fidi ta’ din il-mara Kangħanija kienet kbira? Ġesù mar Tir u Sidon, iż-żewġ portijiet fuq ix-xatt tal-Mediterran. San Mattew jagħmililna ċara, li mar hemm biex jiġbor in-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel. L-Evanġelju huwa miktub għal-Lhud li kienu qed jitħajru jingħaqdu mal-komunità tad-dixxipli li emmnu f’Ġesù. Mattew irid jurihom li huma kienu l-preferuti, u Alla lilhom ried jiġbor l-ewwel, iżda fl-istess ħin, San Mattew irid juri li l-Lhud mhux dejjem ikkoperaw ma’ Alla f’din il-ġabra mill-ġdid. Jekk Ġesù mar Tir u Sidon biex jiġbor lil-Lhud li kienu ntilfu ta’ hemm, kellu garanzija li se jiltaqa’ ma’ nies minn kull poplu u ġens, u lil dawn ma kienx se jkellimhom biex jiġborhom?

Min kienu l-Kananiti? Lilna l-Maltin għandu jinteressana ħafna għaliex ir-reġjun ta’ Kanaan huwa dak li aħna nafu bħala l-Feniċja, il-post minn fejn ġew il-baħħar li ġabu magħhom is-sengħa u l-produzzjoni taż-żebgħa vjola maħduma mill-bebbux, li f’Malta kienet saret industrija kbira. Dawn in-nies jista’ jkun li tawna s-sisien tal-lingwa li nużaw u għalkemm kienu jgħixu f’art waħda, kienu ġejjin minn diversi ċiviltajiet fil-Lvant tal-Mediterran. Kienu nomadi, jiġġerrew minn post għall-ieħor u mhux bilfors kienu jgħixu hekk għax kienu rgħajja; jista’ jkun li kienu jimxu minn post għall-ieħor għal raġunijiet ta’ kummerċ. Il-qliegħ tal-flus għaqqadhom flimkien u bidilhom ukoll f’qawwa navali merkantili li biha ħakmu ħafna mill-artijiet fil-Mediterran u fl-Afrika ta’ fuq. L-iskrizzjoni fuq iċ-ċippi (kolonni minquxa fil-ġebel għal skop votiv, probabilment misjuba fit-tempji ta’ Marsaxlokk fis-seklu sbatax), għenet biex jingħaraf l-alfabett puniku (tal-feniċi) u hekk il-lingwa tagħhom setgħet tiġi stabbilita.

Din il-mara ratu jew semgħet bih u kienet taf ukoll minn kien u x’kien jagħmel. Nafu li kienet persistenti, fitta mhux b’kapriċċ, imma għax kienet omm li riedet libintha tfiq, akkost ta’ kollox. Ma ddejqet xejn tiġri wara ġgajta rġiel, tidħol f’nofshom u tibqa’ tiffittahom tant li dejqithom. Hija omm li tħobb lil bintha, u għalija din hija prova ċara li hija biss l-imħabba li tqanqal il-fidi. Il-predikazzjoni tista’ tmiss il-qlub u ssawwab il-ħsieb, iżda hija biss l-imħabba b’mod sepċjali fil-ħin tat-tbatija li tnissel u tkabbar il-fidi. Din il-mara ħabbet lil bintha u kienet lesta tagħmel minn kollox biex terġa’ tiġi f’sikkitha.

Id-dixxipli iddejqu għax moħħhom dejjaq u għax il-ħniena tagħhom kienet limitata għal min riedu huma. Kemm nafu x’jiġifieri! Aħna li nagħżlu lil min ngħinu u nippruvaw neħlisu minn dawk li, għalkemm naraw id-disperazzjoni tagħhom, idejquna għax ma jogħġbuniex u ta’ nies bla moħħ u bla qalb li ħafna drabi aħna, nippruvaw minn kollox biex neħilsu minnhom. Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna. Eħles minnhom, għax ġejjin jgħajtu warajna, iħabbtu fuq bwiebna, jisirqulna ġidna u jitilfulna l-identità tagħna. Biex itellfulek l-identità tiegħek l-ewwelnett irid ikollok identità, u l-identità mhix biss il-kultura, li hija frott ta’ dak li int; jagħmlek dak li int mhux dak li jidher imma dak li jsawrek, dak li joħorġok minnek innifsek biex issebbaħ lilek innifsek u lil kull min jiltaqa’ miegħek.

Ġesù jiskot u, meta jitkellem, iħeġġeġ lill-mara biex tqawwi t-talba tagħha, u hi ma tiddiżappuntahx. L-imħabba ġġiegħlek tagħmel kollox, iktar milli qatt bsart li tista’ tagħmel. Ma tmerihx meta juża l-kelma dispreġativa li l-Lhud kienu jużaw għal kulmin mhux Lhudi: klieb. Ma kienx il-każ li tqogħod tmeri u targumenta, iżda tuża l-istess tixbieha biex tieħu dak li riedet għal bintha.

Il-kumpliment li għamilha Ġesù kien jiżboq bil-kbir lill-ideja li l-Lhud kellhom tal-pagani. Kien kumpliment li bħalu ħadu biss iċ-ċenturjun likien barrani wkoll, meta qallu li mkien f’Israel ma sab fidi bħal tiegħu. Il-fidi ta’ din il-mara kienet kbira, u dan ma qalux xi ħadd kwalunkwe, imma dak li jagħraf x’hemm fil-qalb.

Aħna minn nisel din il-mara! Ta’ min nistaqsu lilna nfusna, aħna u niftaħru b’dak li għamlu għax emmnu missirijietna, jekk nistgħux inkunu kburin b’dak li jsawwarna, jekk ikkultivaniex fina dak li writna mingħandhom tant li jistħoqqilna l-istess kumpliment li rċeviet din il-mara.

One thought on “L-Evanġelju tal-Erbgħa 8 t’Awwissu 2018”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading