Skiet u talb quddiem min ifittex l-iskandlu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 3 ta’ Settembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Issa li beda x-xahar ta’ Settembru, il-Papa Franġisku reġa’ beda r-riflessjonijiet fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-verità hi ġentili, il-verità hi siekta. Mal-persuni li jfittxu biss l-iskandlu, li jfittxu biss il-firda, l-unika triq hi dik tas-silenzju u tat-talb.

Hekk enfasizza l-Papa Franġisku waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa hu u jikkummenta l-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Luqa, li jirrakkonta li Ġesù mar lura lejn Nazaret, post twelidu, u n-nies ma laqgħuhx, bdew jissuspettaw fih.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=gD6p65eEzq8&w=560&h=315%5D

Il-Kelma tal-Mulej li għandna f’dar-rakkont tagħtina okkażjoni biex nirriflettu fuq kif inġibu ruħna fil-ħajja ta’ kuljum, meta jkun hemm in-nuqqas ta’ ftehim, u nifhmu kemm missier il-gideb, l-akkużatur, ix-xitan, jaħdem biex ikisser l-għaqda ta’ familja, ta’ poplu.
Meta Ġesù wasal fis-sinagoga kien hemm kurżità kbira fost in-nies preżenti: kulħadd ried jara b’għajnejh l-opri kbar li kien għamel f’postijiet oħra. Imma Iben il-Missier Ċelesti juża biss ‘il-Kelma t’Alla’, drawwa li juża wkoll kull meta jkun irid jegħleb lix-xitan.
Huwa proprju dan l-atteġġjament ta’ umiltà, qal il-Papa Bergoglio, li jiżra’ d-dubju u jibdel l-atmosfera minn waħda ta’ paċi għal waħda ta’ gwerra, mill-istagħġib għall-istmellija. Bis-skiet tiegħu Ġesù jegħleb il-klieb slavaġ, lix-xitan li kien żera’ l-gideb fil-qalb.

Ma kinux persuni, kienu qatta’ klieb slavaġ li keċċewH ‘il barra mill-belt. Ma bdewx jirraġunaw, bdew jgħajtu. U Ġesù sieket. ĦaduH fix-xifer tal-irdum biex jitfgħuH għal isfel. U dal-pass tal-Vanġelu jtemm: ‘Imma Hu għadda minn nofshom u baqa’ sejjer.’ Id-dinjità ta’ Ġesù, osserva l-Papa: bis-silenzju tiegħu għeleb dik il-qatta’ klieb slavaġ u telaq. Għax kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu.

L-istess ġara fil-Ġimgħa l-Kbira: nhar Ħadd il-Palm in-nies għamlulu festa u bdew jgħajtu: ‘Imbierek int Iben David,’ u ftit jiem wara bdew jgħajtu: ‘Sallbu.’ Inbidlu. Ix-xitan kien żera’ l-gidba fi qlubhom, u Ġesù baqa’ sieket.

Dan jgħallimna, issokta Franġisku, li meta jkun hemm din l-imġiba, meta ma narawx il-verità, jibqa’ biss is-skiet. Is-silenzju li jirbaħ imma bis-salib. Is-silenzju ta’ Ġesù. Kemm-il darba fil-familji jibdew diskussjonijiet dwar il-politika, l-isports, il-flus u mhux darba u tnejn li dawk il-familji jispiċċaw mifrudin, meqrudin, minħabba diskussjonijiet li fihom jidher li hemm ix-xitan li jrid ikisser…..

Silenzju. Tgħid li għandek tgħid u tiskot. Għax il-verità hi mansweta, silenzjuża: il-verità ma tagħmilx storbju. Dak li għamel Ġesù mhux faċli: imma fin-nofs hemm id-dinjità tan-Nisrani li hi ankrata mal-qawwa t’Alla. Ma’ min hu nieqes mir-rieda tajba, ma’ min ma jfittex xejn ħlief l-iskandlu, ma’ min ifittex il-firda, ifittex il-qerda, ukoll fil-familji, silenzju u talb.

Il-Papa Franġisku temm ir-riflessjoni b’din t-talba: Jalla l-Mulej itina l-grazzja li niddixxernu meta għandna nitkellmu u meta għandna nisktu. Dan fil-ħajja kollha: fuq ix-xogħol, fid-dar, fis-soċjetà… fil-ħajja kollha. B’hekk inkunu qed nimitaw lil Ġesù.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading