Ir-ragħaj huwa umli, jitħassar lill-oħrajn, u jekk jakkużawh, jitlob

Print Friendly, PDF & Email

It-Tleta 18 ta’ Settembru 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Bħala ragħaj, Ġesù kien jikseb l-awtorità tiegħu mill-umiltà u l-qrubija lejn in-nies, mill-kompassjoni li kien jesprimi bil-manswetudni u t-tenerezza. U meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin, bħalma ġara fuq il-Kalvarju, baqa’ sieket u beda jitlob.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=V21ZPNOk4dw?rel=0&w=560&h=315%5D

Fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku ppreżenta lil Ġesù bħala ikona u mudell tar-ragħaj, b’awtorità li hi grazzja ġejja mill-Ispirtu s-Santu u mill-fatt li hu qrib tan-nies. Ngħidu le, qal il-Papa, għall-gruppi żgħar tas-setgħana u l-ideoloġi.

Franġisku kien qed jikkummenta s-silta tal-Vanġelu meħuda minn San Luqa li fiha naqraw dwar il-miraklu mwettaq ma’ bin l-armla ta’ Najn. Ġesù kellu l-awtorità quddiem il-poplu mhux minħabba d-duttrina li kien jipprietka, li kienet kważi l-istess bħal tal-oħrajn, osserva l-Papa, imma għax kien umli u ta’ qalb mansweta. Ma kienx jisbel, ma kienx jgħid, ‘Jien il-Messija,’ jew, ‘Jien Profeta.’ Ma kienx idoqq trombi meta jfejjaq jew iqajjem lil xi ħadd mill-mewt, inkella meta kattar il-ħobż.

Iżda l-Imgħallmin tal-Liġi kienu jgħallmu minn fuq il-katedra u jitbiegħdu min-nies. Ma kienx jimpurtahom min-nies, imma moħħhom biss biex ifasslu kmandamenti ġodda sa ma qabżu t-300.

Fil-Vanġelu naraw li meta Ġesù ma kienx ikun man-nies, kien ikun mal-Missier, jitlob. Il-parti l-kbira tal-ħajja pubblika tiegħu għaddieha fit-triq, man-nies. L-umiltà tiegħu kienet tqarrbu lejn in-nies u ttih l-awtorità. Kien imisshom, iħaddanhom, iħares f’għajnejhom, jismagħhom. Minn dan kien jikseb l-awtorità.

Fil-Vanġelu, San Luqa jisħaq fuq il-ħasra kbira li ħass Ġesù meta ra lil dik l-omm armla, waħedha, li kienet tilfet ukoll lil binha. Ġesù kellu dil-ħila li jsofri ma’ dak li jkun, mhux bit-teorija. Nistgħu ngħidu li kien jaħseb b’qalbu, u moħħu u qalbu kienu ħaġa waħda.

Hemm żewġ aspetti ta’ dil-ħasra, issokta l-Qdusija Tiegħu Franġisku: il-manswetudni u t-tenerezza. Hu kien jgħid: ‘Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli.’ Kien manswet u ma jikkastigax. Imma Ġesù kien jirrabja?  Iva kien, qal Bergoglio, bħal meta ra li d-dar tal-Missier saret ħanut, negozju, u qabad il-frosta u biha keċċa ‘l kulħadd ’il barra. Imma dan għamlu għax kien iħobb lill-Missier u għax kien umli quddiemu, għalhekk kellu dil-qawwa.

Imbagħad it-tenerezza. Lill-mara Ġesù ma qalilhiex: ‘Toqgħodx tibki,’ u baqa’ bogħod minnha. Resaq lejha, forsi messha, forsi ħaddanha miegħu. L-istess jagħmel magħna għax hu qribna, jinsab fost il-poplu, huwa ragħaj.

Il-ġest teneru l-ieħor kien li qajjem lit-tifel u raddu lura lil ommu. Dan hu Ġesù. U l-istess jagħmel magħna meta jersaq qribna u magħna jagħmel dak li għamel ma’ dik l-omm u ma’ binha.

Din hi l-ikona tar-ragħaj, żied il-Papa Franġisku, u minnu għandna nieħdu tagħlima aħna r-rgħajja:  qrib in-nies, mhux magħluqin fi ċrieki ta’ setgħana jew ideoloġi… Dawn javvelenawlna l-ispirtu tagħna, ma jagħmlulniex tajjeb! Għalhekk, ir-ragħaj għandu jkollu l-qawwa u l-awtorità li kellu Ġesù, dik ġejja mill-umiiltà, mill-manswetudni, mill-qrubija, mill-ħila li jitħassar lill-batut, mit-tenerezza.

U meta l-affarijiet bdew imorru ħażin għalih, x’għamel Ġesù?, staqsa l-Papa. Meta n-nies bdew jinsultawh nhar il-Ġimgħa l-Kbira u bdew jgħajtu ‘Sallbu,’ hu baqa’ sieket. Beda jitlob. Fil-waqtiet diffiċli, fil-mumenti meta x-xitan jifferoċja, meta lir-ragħaj isirulu l-akkużi, akkużi ġejjin mill-Akkużatur il-Kbir permezz tas-setgħana, permezz ta’ ħafna nies, joffri ħajtu u jitlob. U Ġesù talab. It-talb wasslu għas-Salib, bil-fortitudni.  U hemmhekk ukoll kellu ħila jersaq qrib u jfejjaq qalb il-ħalliel.

Tajjeb li llum nerġgħu naqraw is-silta tal-Vanġelu, temm il-Papa Bergoglio, biex nifhmu fejn tinsab l-awtorità ta’ Ġesù. U nitolbu l-grazzja li aħna r-rgħajja kollha jkollna din it-tip ta’ awtorità: awtorità li hi grazzja mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading