L-Evanġelju tat-Tlieta 18 ta’ Settembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 7, 11-17

Għalkemm fid-daħla ta’ din is-silta, għal għanijiet ta’ użu liturġiku, Ġesù jissemma b’ismu, fil-fatt jissemma wkoll bħala ‘l-Mulej’. Donnu Luqa jrid juri lill-qarrejja tiegħu li sa issa wieħed ma jistax ma jagħarafx li Ġesù hu l-Mulej, u li hu bil-qawwa tiegħu li jwettaq l-għeġubijiet. Fis-silta ta’ qabel din rajnieh ifejjaq bniedem li wasal fil-punt tal-mewt mingħajr ma jiltaqa’ miegħu; fejqu mingħajr ma rah, mill-bogħod; il-fidi taċ-ċenturjun u r-rispett kbir li wera lejh wasslu biex Ġesù, mingħajr ma jidħol taħt is-saqaf taċ-ċenturjun iwaqqaf il-proċess tal-marda li twassal għall-mewt tal-qaddej u jagħmlu qawwi u sħiħ.

Najn kienet belt li tinsab ftit ’l isfel mill-Muntanja Tabor, l-għolja tat-Trasfigurazzjoni fejn Ġesù nbidel quddiem id-disxxipli fil-preżenza ta’ Mosè u Elija, waqt li d-dixxipli l-oħra kienu qed jippruvaw ikeċċu spirtu ħażin u ma rnexxilhomx. In-nies ta’ din il-belt kienu jafu li fi żmien il-profeta Eliżew, fil-belt ta’ Xunem, f’dawk l-inħawi, il-profeta kien qajjem iben armla li kienet taggħtu kenn. Iżda dak kien fl-imgħoddi u dak li seħħ fl-imgħoddi, għalkemm nemmnu li sar, mhux bilfors nemmnu li għadu jista’ jsir. Hekk għadna sallum. Infaħħru u kultant nistmerru dak li ġara il-bieraħ iżda ftit li xejn jgħaddilna minn moħħna li kollox jista’ jerġa’ jseħħ, anke fi żmienna.

Ġesù dieħel fil-belt mad-dixxipli tiegħu, li minħabba li l-fejqan tal-qaddej taċ-ċenturjun seħħ fil-magħluq, mhux bilfors kienu jafu bih. Fil-bieb tal-belt inħasset dieqa kbira għax funeral dejjem joħloq skiet u niket, iktar u iktar meta jkun qed jinġarru l-fdalijiet ta’ żgħażugħ lejn il-qabar fejn jinsatar biex ma jidhirx iżjed, fejn is-sikkina tal-firda tagħti l-aħħar daqqa biex iżżomm ’il bogħod minn xulxin għal dejjem lil min mar minn min għadu hawn.

Wara t-tebut, hemm mara, li mid-dieqa tan-niket tagħha tidher li kienet omm il-mejjet. In-niket tal-omm għall-mewt ta’ binha jidher minn mili bogħod. Il-mejjet ma kienx biss binha iżd akien l-unika tama tagħha għax żewġha kien mejjet. Kulħadd kien jaf, u hi kienet taf iktar minn kulħadd, li minn issa ’l quddiem ħajjitha kienet tiddependi fuq il-karità ta’ ħaddieħor; weħidha lanqas tiret ma stegħet għax kienet armla u bla wlied.

Il-Mulej, is-Sid, is-Sinjur jitħassarha u jipprova jfarraġha. Il-kelma li juża hi ‘tibkix’ titnikkitx iżjed. Il-mewt iġġib niket kbir mhux wisq għall-mejjet li mar iżda għan-nuqqas tal-persuna li ħabbejna, li nvestejna ħafna mħabba fiha u li issa m’għadhiex iżjed magħna. Iżda t-tfarrig tal-Mulej ma jieqaf mal-kelma. Imiss it-tebut u r-reffiegħa jobdu u jieqf u jieqfu u probabilment iniżżlu l-katavru mal-art. Is-skiet taqtgħu b’sikkina. Jista’ jkun hemm ukoll min ħaseb u staqsa għalfejn dan ir-raġel kien qe ditawwal in-niket ta’ din l-armla għalxejn.

“Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” Alla biss jagħti l-ħajja u jrodda lura. Il-kliem awtoritarju tal-Mulej, huwa l-kliem ta’ Alla li jagħti il-ħajja lill-kadavru ta’ dan iż-żgħażugħ. Jekk sa dak il-ħin xi ħadd kellu dubju, dak id-dubju, wara li ż-żgħażugħ ma baqax iżjed kadarvu, għax qam bil-qiegħeda u, wara li neħħewlu l-faxex, beda jitkellem, kellu jogħsfor.

Ġesù tah lill-ommu li hi wkoll minħabba li binha tqajjem mill-imwiet kisbet ħajja ġdida, kisbet lura t-tama, setgħet tħares ’il quddiem b’kuraġġ għax ma kientex aktar weħidha. Donnu San Luqa jrid jgħidilna li l-miraklu seħħ wisq iżjed mal-omm milli mal-iben, żgur li seħħ minħabba fiha. Binha qam mill-mewt, iżda hi ġiet meħlusa milli tgħix mejta fuq l-art. Binha tqajjem mill-mewt u seta’ jgħix ħajtu iżda l-qawmien tiegħu seħħ biex tkun tista tgħix b’dinjità hi.

In-nies twerwru u beżgħu u għarfu li Ġesù kien bħall-profeta Eliżew, u qablu anke Elija, li t-tnejn qajmu iben armla mill-mewt. Kien hemm min għarfu iżjed bħala l-mibgħut ta’ Alla, il-preżenza tiegħu mimlija kompassjoni qawwa, hija s-sinjal li Alla żar il-poplu tiegħu, hu Alla magħna, l-Emmanu-el.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.