Il-Papa f’Santa Marta: Id-dgħajfa jħallsu l-kontijiet tal-gwerer, id-dulluvju tal-lum

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 19 ta’ Frar 2019: Id-dilluvju u l-gwerer tal-lum. Il-Papa Franġisku sostna li hemm linja ma taqta’ xejn bejn dak li jirrakkonta l-Ktieb tal-Ġenesi u dak li qed ngħixu llum. Franġisku fakkar fit-tbatija tat-tfal bil-ġuħ u orfni, l-aktar dgħajfa, il-foqra li jħallsu l-kont ta’ dan.

 

Illum, fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Qdusija Tiegħu ħeġġiġna biex qalbna tkun tixbah lil dik ta’ Alla, li tisbel, titnikket, imma li fuq kollox tkun qalb ta’ aħwa mal-aħwa, ta’ missier ma’ wliedu, qalb umana u divina.

Il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar l-ewwel qari u osserva li Alla kien imnikket minħabba l-ħażen tal-bniedem tant li sogħobbih li ħalqu u wiegħed li se jeqirdu minn wiċċ l-art. Dan huwa Alla li għandu s-sentimenti, afferma Franġisku, mhux Alla astratt, ideat biss. Huwa Alla li jsofri u dan hu l-misteru tiegħu.

Alla għandu s-sentimenti u jħobbna. L-imħabba hi relazzjoni. Imma Alla jasal ukoll li jisbel, li jirrabja. Huwa Ġesù li jiġi u jurina t-triq, bit-tbatija f’qalbu. Alla tagħna għandu s-sentimenti, iħobbna b’qalbu mhux bl-ideat. U meta jmellisna jagħmel dan b’qalbu; meta jsawwatna, bħal missier tajjeb, isawwatna b’qalbu u jsofri aktar milli nsofru aħna.

Ir-relazzjoni tiegħu magħna hi waħda ta’ qalb ma’ qalb, ta’ iben lejn missieru, u jekk qalbu titnikket, aħna wkoll inkunu kapaċi nitnikktu miegħu. Dan mhux sentimentaliżmu, afferma l-Papa, din hi l-verità.

Franġisku spjega li ż-żminijiet tal-lum mhumiex wisq differenti minn żmien id-dilluvju: hawn il-problemi, id-diżastri fid-dinja, il-foqra, it-tfal, l-imġewħin, l-ippersegwitati, l-ittorturati, nies li jmutu fil-gwerer għax il-bombi jintefgħu qieshom ħelu.

Il-Papa tenna li hu jemmen li żmienna mhux wisq aħjar minn żmien id-dilluvju: it-traġedji bejn wieħed u ieħor huma l-istess, il-vittmi wkoll. Hemm għadd bla qies ta’ tfal mingħajr edukazzjoni, li ma jistgħux jikbru fil-paċi, bla ġenituri għax dawn sfaw massakrati fil-gwerer… tfal suldati. Biżżejjed niftakru f’dawn it-tfal, qal il-Qdusija Tiegħu.

Il-grazzja li għandna nitolbu għaliha llum hi li jkollna qalb bħal dik ta’ Alla, li tixbah lil tiegħu, qalb ta’ aħwa ma’ xulxin, ta’ missier ma’ wliedu, ta’ wlied mal-missirijiet, qalb umana bħal dik ta’ Ġesù li hi qalb divina.

Għandna t-traġedja kbira tad-dilluvju, u għandna t-traġedja kbira tal-lum – il-gwerer li l-kont tagħhom iħallsuh il-foqra, id-dgħajfa, it-tfal, dawk li m’għandhomx riżorsi biex jgħixu. Niftakru li l-Mulej għandu qalbu sewda u għalhekk nersqu lejh u nkellmuh. Ngħidulu: ‘Mulej, ara dawn l-affarijiet, jiena nifhmek.’

Infarrġu lill-Mulej billi ngħidulu: ‘Jiena nifhmek u nakkumpanjak bit-talb, bl-interċessjoni għat-traġedji kollha li huma frott ix-xitan li jrid jeqred l-opra t’Alla.’

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading