Evanġelju tal-Erbgħa 20 ta’ Frar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 8, 22-26

Episodju kemmxejn tramb li jirrakonta ġrajja stramba fejn donnu jidher li l-qawwa ta’ Ġesù ma taħdimx mill-ewwel meta jiġi biex jagħti d-dawl lil dan ir-raġel minn Betsajda, li probabbli mhix l-istess raħal fjen kien joqgħod Pietru iżda Betsajda oħra fin-naħa tal-Grigal tal-baħar tal-Gallilija. Żgur hu li jew il-fama tiegħu u ta’ kif ifejjaq kienet xterdet qablu jew inkella li Ġesù kien ġa mar hemmhekk u fejjaq u allura n-nies kienet tafu.

Hu x’inhu l-kas, San Mark jurina li n-nies ħadu lil dan ir-raġel quddiem Ġesù. F’dan naraw ripetizzjoni ta’ dawk l-irġiel li niżżlu lil seħibhom mifluġ minn toqba fis-saqaf tad-dar ta’ Pietru. Bħal ma ħafna drabi jagħmel l-evanġelista Marku, juża l-ġrajja storika biex iwassal messaġġ lill-katekumeni dwar xi ħaġa oħra li tolqot lilhom direttament; l-għama spiritwali, id-dlam li l-bniedem jitwieled fih u li ma jingħelibx qabel il-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù u jħallih imissu. Iżda San Mark jemfasizza li hija l-kommunità li tressaq lil dan ir-raġel quddiem Ġesù, hija l-kommunità li turi ħniena f’isem Alla ma’ min jinsab fid-dlam, biex dak li kienu jgħammru f’art id-dlam u f’dell il-mewt, jieħdu d-dawl ta’ Kristu. Fir-rit tal-Magħmudija ċ-ċelebrant ikellem lill-ġenituri u l-parrini tat-trabi u jgħidilhom ċar u tond: intom ġibtu lil dawn it-trabi biex jitgħammdu; u fil-Magħmudija tal-adulti hemm il-preżentazzjoni tal-katekumeni mill- kommunità, il-Knisja.

Iżda biex jirċievi d-dawl Ġesù joħroġ lir-raġel mill-folla, mill-bqija, mir-raħal, mill-kuntest tiegħu. Il-bniedem ma jistax jara d-dawl jekk jibqa’ fil-kuntest soċjli u kulturali tiegħu; irid jidħol f’relazzjoni personali u ndividwali ma’ Ġesù biex isir jafu wiċċ’imb’wiċċ. Il-knisja ma tagħmilniex insara; huwa Alla nnifsu li jagħmel dan. L-effett tal-Magħmudija mhux ġej mill-isforzi tal-Knisja jew tal-kommunità imma mill-ħniena u l-imħabba ta’ Alla. Il-Knisja, bis-sagramenti mogħtija lilh aminn Alla, hija l-għodda li biha l-bniedem isir nisrani. Il-Knisja tressaq imma huwa Alla li jadotta lill-bniedem bħala ibnu. Il-bniedem li mdorru jgħix fid-dlam, meta jikseb id-dawl se jibda jgħix ħajja ġdida u dan jeħtieġ bdil fil-mentalità, anke bdil fl-għarfien tiegħu innifsu. Hemm differenza bla qjies bejn tgħix fid-dlam u tgħix fid-dawl.

Ir-rakkont tal-fejqan f’żewġ stadji jindika li l-ksib tad-dawl huwa proċess. San Mark juża dawn iż-żewġ mumenti, l-ewwel wieħed hu ta’ tbatija wkoll, biex juri li l-għotja u l-kisba tad-dawl huma proċess li l-bniedem jgħaddi minnu bil-mod. Id-dawl lil min hu mdorri fid-dlam għandu l-ħila jaħsdu u jaqtalu qalbu i jġiegħlu jagħlaq għajnejh mill-ġdid. Mhux kulħadd jara mill-ġdid u ċar mill-ewwel. Jekk fl-ewwel stadju Ġesù juża l-bżiq u jmissu, fit-tieni stadju jqiegħed idejh fuq għajnejn ir-raġel u hemm jibda jara ċar.

San Mark jgħidilna wkoll li l-ewwel beda jara ċar u wara kien infejjaq. Il-kisba tad-dawl u l-għarfien ta’ dak li ġara fih u qe djiġri madwaru jwasslu wkoll biex ikun imfejjaq, biex jifhem mhux wisq kif jifhmu l-bnedmin iżda kif jifhem l-Iben ta’ Alla nnifsu.

L-għarfien u l-fejqan ma jiġux f’ħakka ta’ għajn, iżda l-grazzja ta’ Alla tagħtihom lill kull bniedem skont ma l-bniedem li jeħtieġhom ikun jiflaħ għalihom.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.