Evanġelju tal-Ħamis 28 ta’ Frar 2019

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9, 41-50

Fid-dar ta’ Pietru, Ġesù kien midħla wkoll ta’ wliedu, u kien wieħed minnhom li ftit qabel ħaddnu bejn dirgħajh biex jispjega lid-dixxipli li d-diskors ta’ bejniethom fuq min kien l-akbar, kien inurtli. Ma’ dan żied li min jilqa’ lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin ikun jilqa’ lilu u permezz tiegħu lill-Missier li bagħtu.

Huwa veru li d-dixxiplu li juri li hu tal-Messija, jistoqqlu l-ġieħ, għax hu tal-Messija u min jilqgħu hu mweġġah ukoll. Iżda min ifixkel li min hu ċkejken ħażin għalih. L-għarqa hija sitwazzjoni aħjar għalih. Niftakru li fil-ktieb tal-Apokalissi, meta jitkellem fuq sema ġdid u art ġdida, jgħid ukoll li ma jkunx hemm iżjed baħar, għax il-baħar huwa l-post fejn jgħammar dak li hu ħażin. Illum nafu li dan mhux fil-fatt hekk, imma s-simboliżmu jibqa’ jgħodd illum u dejjem.

Dan ifakkarni fir-reġistru tal-imwiet tal-paroċċa għażiża li fiha trabbejt u li lejha nħossni midjun, għax għaddietli hija wkoll dak li jien illum. Meta kien jintilef xi ħadd il-baħar u ġismu ma jisntabx, fir-reġistru tal-imwiet kien jitniżżel b’inka ħamra. Min kien jaf b’dan u ried jixtieq deni lil xi ħadd kien jixtieqlu li ismu jitniżżel bl-aħmar, jġifieri jixtieqlu li jgħereq u ġismu ma jisntabx. Il-kundanna hija iebsa u ħarxa. Il-kastig mhux biss għalih iżda wkoll għal dawk li huma għeżież għalih u li hu għażiż għalihom. L-iskandlu huwa għemil faħxi għax ibiegħed lill-bniedem minn Alla, jew għal żmien qasir jew għal dejjem. Jekk min iressaq bniedem lejn Alla jirbaħ il-ħajja ta’ dejjem min ibiegħed bniedem minn alla jistħoqqlu l-mewt ta’ dejjem fil-baħar fejn id-dawl ma jidħol qatt.

Faċli naħsbu li l-iskandlu huwa biss sesswali, iżda kull kliem jew imġieba li tbiegħed lill-bniedem, b’mod speċjali lil min hu nnoċenti, minn Alla, huwa skandlu, huwa tfixkil, huwa gambetta fil-mixja tal-bnedem lejn it-tjieba perfetta ta’ Alla.  Dan jurina li għalkemm qatt m’għandna ngħixu għal għajn in-nies, meta nieħdu deċiżjonijiet dwar x’ngħidu jew kif inġibu ruħna, irridu nifhmu li kulma ngħidu u nagħmlu se jkollu effett, mhux biss fuqna, iżda fuq l-oħrajn ukoll. Meta ngħawġu l-verità biex nimmanipulaw il-ħsieb ta’ xi ħadd jew tal-kotra biex niksbu dak li rridu, jew biex nogħġbuhom, inkunu ħatja ta’ skandlu. Meta nippruvaw neħduha kontra dak li jrid Alla, kultant anke billi nissimplifikaw u nimminimalizzaw il-kruha ta’ għemil jew ieħor, meta nxerrdu l-mibgħeda lejn persuna jew persuni, inkunu ta’ skandlu għax qed neħduha kontra Alla nnifsu u l-verità tiegħu.

Meta soċjetà tidra tgħix bl-iskandli, titlef l-imluħa tagħha, dak li jippreservaha u jżommha fuq saqajha, għax tkun twarrab dak li jippreservaha, il-verità u t-tajjeb. U meta l-melħ jiltef it-togħma, id-dekompożizzjoni diffiċli twaqqafha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading