Il-Papa f’Santa Marta: Imitaw il-ħniena tal-Mulej u l-bwiet iżżommuhomx magħluqa

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 18 ta’ Marzu 2019: Dalgħodu, il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar il-ħniena t’Alla u offra ftit suġġerimenti dwar kif nistgħu ngħixu ż-żmien tar-Randan fil-milja tiegħu. Ma niġġudikawx lill-oħrajn, ma nikkundannawx, naħfru: b’hekk inkunu qed nimitaw il-ħniena tal-Missier. Fil-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Papa Franġisku fakkar li biex ma niżbaljawx fil-ħajja jeħtieġ li ‘nimitaw’ lil Alla, nimxu dejjem fil-preżenza tal-Missier.

 

Il-Vanġelu tal-lum jurina kemm hi kbira l-ħniena t’Alla li jaħfer anke l-aktar dnubiet koroh. Il-ħniena t’Alla hi bla qies u dan m’għandna ninsewh qatt. Kemm nies, osserva Franġisku, nisimgħuhom jgħidu: Għamilt ħafna ħażin, xtrajt posti fl-infern u ma nistax indur lura!

Imma inti taħseb fil-ħniena t’Alla? Niftakru fl-istorja ta’ dik il-mara anzjana, li marret tqerr għand il-Kurat t’Ars, li żewġha kien qabeż minn fuq pont għal ġox-xmara. Il-mara mbikkija qaltlu: Jien midinba, imsejkna. Imma povru żewġi, issa jinsab fl-infern! Għamel suwiċidju u dak hu dnub mejjet.

Il-Kurat t’Ars weġibha: Ieqaf ftit, sinjura, għax bejn il-pont u l-ilma hemm il-ħniena t’Alla. Il-ħniena t’Alla tibqa’ sat-tarf nett, sal-aħħar nett.

Biex aħna nidħlu fir-radda tal-ħniena, Ġesù jtina tliet pariri prattiċi. Qabel xejn, ma niġġudikawx għax din hi drawwa ħażina li għandna nsumu minnha, speċjalment f’daż-żmien tar-Randan. Hi drawwa li tidħol fin fin f’ħajjitna bla ma nkunu nintebħu. Kultant anke biex nibdew diskursata: Rajt x’għamel dak? Inkunu qed ngħaddu ġudizzju fuq ħaddieħor. Naħsbu ftit dwar kemm drabi niġġudikaw matul il-ġurnata. Jekk jogħġobkom, attenti, għax inkunu qiesna mħallfin falluti, ikkummenta Franġisku.

It-tieni, m’għandniex nikkundannaw.

U fl-aħħar għandna naħfru minkejja li hu diffiċli ħafna għax bl-azzjonijiet tagħna nkunu qed nagħtu lil Alla l-qies li se jiġġudikana bih.

Fl-omelija l-Papa Bergoglio stieden lil kulħadd biex jikseb id-dehen tal-ġenerożità, it-triq prinċipali biex niċċaħħdu mit-tqassis li bih il-ħin kollu niġġudikaw, nikkundannaw, li jagħmilhielna diffiċli naħfru.

Il-Mulej jgħidilna: Agħtu. Agħtu u jingħatalkom.  Kunu ġenerużi fl-għotja. Tagħlqux bwietkom, kunu ġenerużi fl-għotja tagħkom lill-foqra, lil min hu tant fil-bżonn. U nagħtu wkoll affarijiet, ħafna affarijiet oħra: pariri, tbissim. Nagħtu, nagħtu dejjem, saħaq Franġisku: agħtu u jingħatalkom. U l-ħlas tagħkom jitqies b’kejl marsus, mimli u mfawwar. Aħna nagħtu waħda u Hu jtina lura mitt darba aktar minn dak li nagħtu.

Dan hu l-atteġġjament li jżommna lura milli niġġudikaw: ma nikkundannawx u naħfru. Il-karità hija importanti, mhux biss dik materjali, imma wkoll l-elemożina spiritwali: nagħtu ħinna lil min għandu bżonnu, inżuru xi marid, nitbissmu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading