Lectio Divina tat-3 Ħadd tar-Randan, Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 13, 1-9): Is-silta tal-lum tibda bil-kliem: “F’dak il-mument preċiż…” Ġesu’ kien għadu kif qal lin-nies kemm kienu kapaċi ibassru t-temp mis-sinjali fin-natura u mir-riħ.  Allura issa kif ma jistgħux jindunaw bis-sinjali li Alla qed jurihom, i.e. li waslet biex tibda dinja ġdida bi proposti ġodda ta’ ħajja aktar umana?  F’dan ir-Randan aħna qegħdin b’seba’ għajnejn biex nintebħu bis-sinjali tal-miġja tal-Mulej fostna?  Jew aljenati wisq fuq l-aħħar mudell ta’ karozza, ilbies, smartphone, eċċ?

  1. Xi Galilej marru Ġerusalem għall-festa tal-Għid biex joffru sagrifiċċji fit-Tempju. Aktarx għaddew xi kummenti goffi lill-għases Rumani u kienu se jaqilgħu xi nkwiet. Peresss li l-Galilej kellhom fama ħażina, Pilatu ordna li jwaqqfuhom mill-ewwel b’mod drastiku, u demmhom  tħallat ma’ dak tas-sagrifiċċji.  Għal-Lhud dan l-att kriminali kien profanazzjoni tat-Tempju.  Xorta waħda dawn il-Galilej kienu meqjusa midinba la messithom din ix-xorti.  Għalhekk xi wħud fakkru dil-ġrajja lil Ġesu’ biex jaraw x’se jgħid.  Weġibhom: “Taħsbu li dawn kienu iżjed midinba mill-Galilej l-oħra?  Le, imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.
  2.  L-istess argument jgħodd għal dawk li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwaħ (aktarx waqt li kienu qed isewwu xi ħsarat fih) u qatilhom.”  Anki llum għad hawn min jgħid li l-vittmi tal-gwerer, mard, faqar, eċċ ġralhom hekk bħala kastig t’Alla.  Ġesu’ llum igiddeb lil dawn it-talin.  M’hemm ebda konnessjoni ta’ dawn id-disgrazzji mad-dnub. Huma ħwejjeġ li jiġru lil kulħadd.  Fil-Vanġelu, Ġesu’ jgħallimna kif ngħixu dawn il-ġrajjiet biex noħorġu minnhom mhux megħlubin imma aktar maturi.  Anki Ġesu’ bħala bniedem għadda minnhom; dawn żgur ma kinux kastig tal-Missier. Mela Nisrani m’għandux jgħid: “Għaliex dan ġara lili? Jien x’għamilt ħażin?” għax hekk ikun qed joħodha bħala kastig.  Barra minn hekk, in-Nisrani għandu d-Dawl biex jiggwidah, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu  u l-aħwa Nsara li għandhom jagħtuh is-sapport tagħhom.
  3. Żgur li n-nies kienu ddiżappuntati li Ġesu’ ma  kkundannax l-aġir ta’ Pilatu.  Dan ma jfissirx li ma kienx sensibbli għat-tbatija tal-poplu.  Tant hu hekk li beka fuq Ġerusalem u fuq il-qabar ta’ Lazzru.  Iz-zeloti kienu għadhom ma dehrux fix-xena politika biex jibdew jiribellaw kontra Ruma.  Ġesu’ kien jaf li, kieku kellu jsaħħan l-irjus kontra Ruma, kienet tiżdied aktar vjolenza u  tixrid ta’ demm.  Dawk l-Insara li llum jinpenjaw ruħhom fil-qasam politiku iridu jagħmlu ħilithom biex jagħtu kontribut siewi lis-soċjeta’, ilabalbu mill-inqas u qatt ma jsaħħnu l-irjus għall-vantaġġ personali tagħhom fuq l-avversarji.
  4. Raġuni oħra li nisimgħu illum hu: “Jekk dawn id-disgrazzji jolqtu anki l-innoċenti, mela d-dinja maħluqa ħażin.  Jekk jeżisti Alla tajjeb, ma jħallix dawn id-disgrazzji jiġru.”  Din hi d-dinja tagħna fejn hawn nies tajbin u oħrajn inqas tajbin bħal Pilatu. Kieku ma kienx hekk, kienet tkun dinja oħra u mhux tagħna.  Ma rridux ninsew li ħafna mill-gwaj ġabu l-bniedem fuqu nniffsu kawża tad-dnub.  Ġesu’ niżel fid-dinja biex jagħmel espejenza ta’ dil-ħajja, jieħu d-dnub fuqu u jpatti għalih.
  5. Il-kumment li Ġesu’ jagħmel hu li l-bniedem jiħtieġ jindem u jikkonverti, i.e. li mhux jevita xi dnub jew ieħor imma li jieħu deċiżjoni serja biex iħalli ‘l Ġesu’ jiftaħlu għajnejh biex jaċċetta l-proposta Tiegħu bla telf ta’ żmien.  Dan għaliex il-ħajja hi qasira.  Barra minn hekk qatt ma taf hux se tiġrilek xi disgrazzja kif ġara lill-Galilej. Ġesu’ qed jgħidilna hekk illum mhux biex ibeżżagħna imma biex iwissina ħalli ma naħlux  ħajjitna fuq ħwejjeġ superfiċjali u li jtiru mar-riħ.  Ir-Randan hu l-isbaħ ċans biex nagħmlu dan, i.e. li ngħixu kull aspett tal-ħajja tagħna fid-dawl tal-Vanġelu.  E.g. meta nisimgħu b’xi aħbar kerha fil-midja, ma niqfux biss biex naqtgħu il-kurżita’, imma naraw x’nistgħu nitgħallmu minnha.
  6. Ġesu’ jkompli bil-parabbola tas-siġra tat-tin.  L-ewwel insibu li sid l-għalqa jinteressa ruħu fiha u jiġi jfittex il-frott.  Din mhux tina selvaġġa imma mħawla f’għalqa tad-dwieli.  Kif nafu, din l-għalqa hi simbolu tal-poplu Lhudi (e.g. meta Isaija jgħid li tat għeneb qares, i.e. il-mod żbaljat kif il-Lhud kienu qed iqimu ‘l Alla, minn flok li tat inbid tajjeb – simbolu tal-ferħ).  It-tina hi simbolu tal-paċi.  Fid-deżert il-Lhud kienu joħolmu fuq dak il-jum meta jaslu f’arthom u jistrieħu għad-dell ta’ xi tina mal-qraba u l-ħbieb, fil-waqt li jiggustaw il-frott ħelu tagħha.  Int, Nisrani, li qiegħed f’dil-għalqa, i.e. il-komunita’ li ħarġet mill-ġuf tal-għarusa tal-Mulej (Israel), int mistenni li tipproduċi l-frott ħelu (opri tajba, qalb kbira, ferħ u paċi).  Dan tagħmlu b’impenn sħiħ fil-proġett t’Alla.
  7. Hawn jidħol il-bidwi mikri biex jieħu ħsieb l-għalqa.  Dan hu Kristu li ġie mibgħut biex is-siġar jagħtu l-frott.  Is-sid jgħidlu: “Tliet snin ilni niġi nfittex il-frott.”  Dawn jirreferu għat-tliet snin tal-ħajja pubblika ta’ Ġesu’.  Ġwanni l-Battista kien qal lill-Lhud x’għandhom jagħmlu: “Min għandu żewġ ilbiesi, jagħti waħda lil min m’għandux; min għandu x’jiekol, jaqsam mal-foqra; tkunux inġusti, vjolenti, eċċ.”  Dan il-frott ma wasalx.  Ġesu’ wkoll darba ġie ħdejn tina niexfa, simbolu tan-nies li ma  aċċettawhx.  “Mela aqlgħha biex ma tkiddx l-art.”  Jien għadni Nisrani ta’ nofs kedda u jistħoqqli dal-kliem għax għadni ma npenjajtx ruħi biżżejjed?” “Ħalliha għal din is-sena….”  Min hu das-sid li jrid iqaċċat lil min ma jagħmilx frott?  Hu Alla pinġut b’mod  żbaljat mill-Lhud, i.e. Alla mħallef  bla ħniena.  Ġesu’ ried ibiddel dil-ideja billi jagħti ċans ieħor u ieħor, ċans ta’ sena twila li ma tispiċċa qatt, fejn il-Missier jesprimi l-ħniena Tiegħu bla tarf.  F’dan ir-Randan, ejjew inħallu dan il-Bidwi, jagħżaq fil-fond ta’ qalbna, ineqqiha mill-ħaxix ħażin, idemmilha bil-Kelma Tiegħu u jsaqqiha bl-Ispirtu qaddis Tiegħu.  Il-Missier Etern ma ried bl-ebda mod jhedded li se “jqaċċat” lil xi ħadd.  Sempliċiment ried iwissina li l-ħajja hi qasira, u għalhekk m’għandniex żmien x’nitilfu biex nagħmlu frott bini u ħelu.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading