L-Isqof Mario Grech fil-Qala f’San Ġużepp


It-Tlieta, 19 ta’ Marzu 2019: Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Parroċċa tal-Qala fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp. Bil-kortesija ta’ Radju Leħen il-Qala.

il-holma-ta-san-guzepp.jpg

META L-LEJL ISIR NHAR

Insib interessanti li wara li l-anġlu kkomunika lil San Ġużepp li l-ħajja tat-tarbija kienet fil-periklu, “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl, u telaq lejn l-Eġittu” (Mt 2:14).

Meta l-evanġelista jsemmi l-lejl ma naħsibx li kien biss qed jiddeskrivi ż-żmien ta’ xħin tinżel ix-xemx u taqa’ d-dalma; nifhem li huwa jrid jgħidilna wkoll li Ġużeppi ħa ħsieb tat-tifel u ta’ Marija meta dawn kienu jinsabu fil-lejl tal-ħajja. Għax fil-ħajja jiġri li minkejja li x-xemx tkun tant tisreġ li tkun taqli l-ankri, aħna nkunu fid-dlam. Il-menti tagħna jiddallmu – ħafna drabi kawża ta’ xi nkwiet li nkunu għaddejjin minnu. Il-fatt li Ġużeppi kien qrib tat-tifel u ta’ ommu meta dawn kienu għaddejjin minn fażi mudlama, jagħmlilna kuraġġ. Min minna f’ħajtu ma jkollux waqtiet ta’ dlam? Dan jiġri fil-ħajja personali tagħna, fl-istorja tal-familji tagħna, bejn l-imsieħba fuq l-għant tax-xogħol, kif ukoll fil-ħajja tal-Knisja. Għax il-Knisja wkoll tgħaddi minn mumenti tal-lejl! F’ċirkustanzi bħal dawn kapaċi nibdew naqtgħu qalbna għax inħossuna waħidna; saħansitra jaf jidħlilna fellus f’moħħna u nibdew nissuspettaw li anki Alla jkun telaqna. Imma kif Ġesù u Marija f’dik il-fażi tal-lejl kienu fdati fil-kustodja ta’ San Ġużepp, aħna qatt ma għandna naqtgħu qalbna mill-patroċinju ta’ dan il-qaddis. Din hija l-aħbar tajba li nixtieq li tasal fi qlubna f’din is-Solennità ta’ San Ġużepp.

Ikun kemm ikun twil u mudlam il-lejl, ma naqtgħux qalbna u nsejħu l-għajnuna ta’ San Ġużepp. Huwa jifhimna għax hu nnifsu għadda mil-lejl – minn dak li San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża ta’ Ġesù jsejħu “l-lejl mudlam tal-ispirtu”. Min, biex jgħolli lil San Ġużepp, jgħid li dan il-bniedem qatt ma kellu dlam f’ħajtu, ikun qed jiżbalja, għax ikun qed “jiddejifikah” u fl-istess waqt ineżżgħu mill-umanità tiegħu. Jekk Ġesù Kristu nnifsu, l-Iben ta’ Alla, ġarrab l-esperjenza tal-lejl mudlam saħansitra anki waqt li kien fuq is-salib; jekk l-Immakulata għamlet il-pellegrinaġġ tal-fidi (Lumen gentium, 58) u fil-mixja tal-fidi hija ġarrbet xi jfisser li s-sejf jinfdilha qalbha u għaddiet mit-toroq imwiegħra tal-eżilju fl-Eġittu u d-dlam interjuri ta’ meta ma fehmitx l-atteġġjament ta’ meta Ġesù ntilef fit-Tempju (ara Ġwanni Pawlu II, Udjenza ġenerali, 21 ta’ Marzu 2001); mela kemm aktar dan jgħodd ukoll għal San Ġużepp, li ma kienx imnissel mingħajr dnub! Kif Ġużeppi akkumpanja lill-familja għażiża tiegħu matul il-lejl, illum ukoll huwa jakkumpanja lill-għeżież devoti tiegħu.

Imma l-lejl ma għandux biss tifsira negattiva u ta’ qtigħ il-qalb. Fl-istorja tal-poplu ta’ Alla l-lejl ġieli kien il-mument ipprivileġġjat fejn Alla jikkomunika l-grazzja; diversi drabi Alla jagħżel il-lejl biex jidħol fl-istorja tal-individwu u tal-poplu tiegħu u hekk “il-lejl jiddi bin-nhar” u dlam isir dawl.

Fil-fatt, kien billejl li wara d-dilluvju Alla kellem u wiegħed ħolqien ġdid lil Noè (Ġen 8:12). Kien meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam li l-Mulej għamel patt ma’ Abraham (Ġen 15:17). Kien billejl li Alla wiegħed lil Iżakk li jkattarlu nislu (Ġen 26:24). Billejl ukoll kien li Alla kellem lil Iżrael (Ġakobb) u qallu biex jitlaq lejn l-Eġittu (Ġen 46:2).

Il-lejl huwa wkoll dak il-mument fejn Alla jgħaddi minn nofs il-poplu tiegħu (Eż 11:4; 12:12) u fejn il-bniedem iġarrab il-qawwa ħelliesa ta’ Alla. “Ġara li f’nofsillejl il-Mulej darab ’l ulied il-kbar fl-art tal-Eġittu… Il-Fargħun qam billejl… sejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: ‘Qumu u oħorġu ’l barra minn nofs il-poplu tiegħi, intom u wlied Iżrael’” (Eż 12:30). Matul dan iż-żmien sabiħ tar-Randan spiss nisimgħu l-istorja ta’ kif il-poplu Lhudi daħal fl-Art imwiegħda. Kien “matul il-lejl li l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi, il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu” (Eż 14:21). Biex nagħti eżempju mill-ġrajjiet li seħħew fit-Testment il-Ġdid, fl-Atti tal-Appostli naqraw li kien billejl li l-Anġlu tal-Mulej fetaħ il-bibien tal-ħabs u l-Appostli nħelsu (5:17). L-istess ġara lil Pietru (Atti 12:5-7), Silas u Pawlu (Atti 16:25ss). Kien billejl li Alla ħelishom u tahom missjoni ġdida!

Kif nistgħu ma nsemmux il-Lejl qaddis tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet! F’dik is-Solennità, waqt it-Tħabbira tal-Għid, il-Knisja tkanta: “Dan huwa l-lejl li fih tkeċċew id-dlamijiet ta’ dnubietna permezz tal-kolonna tan-nar. Dan huwa l-lejl li fih, fid-dinja kollha, min jemmen fi Kristu jqaċċat kull rabta ħażina, jeħles mid-dalma ta’ dnubietu, jikseb il-grazzja u jissieħeb mal-qaddisin. Dan huwa l-lejl li fih Kristu qered il-jasar tal-mewt u qam rebbieħ fuq is-setgħat tal-ħażen… Hieni tassew dan il-lejl li hu waħdu sar jaf is-siegħa u l-waqt tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Dan huwa l-lejl li fuqu nkiteb: Il-lejl jiddi bħal binhar, u l-lejl hu dawl għalija fil-għaxqa tiegħi”.

Għalhekk il-lejl ma għandux ibeżżagħna, għax jaf ikun mument ta’ grazzja – mument fejn Alla jdewwaqna l-qawwa ħelliesa tiegħu u jnebbaħna missjoni ġdida. Hekk għamel ma’ San Ġużepp. Ftit nafu dwar Ġużeppi, imma nafu li kellu ħafna ljieli fejn ġarrab mumenti ta’ intensità spiritwali qawwija. Kien billejl li Alla sejjaħlu biex jagħtih il-missjoni: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Kien matul il-lejl li fl-Eġittu deherlu l-anġlu u qallu jerġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, “għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel” (Mt 2:20).

Għall-bniedem ta’ Alla l-lejl huwa mument partikulari fejn fil-ħemda u l-ġabra jista’ jiddjaloga ma’ Alla. Kif jgħid is-Salmista, “f’nofs il-lejl inqum infaħħrek minħabba d-digrieti ġusti tiegħek” (119:62). Nafu li David kien jgħaddi l-lejl mixħut fl-art jitlob lil Alla għat-tifel li kien maradlu (2 Sam 12:16). Ġesù nnifsu kien ifittex il-lejl biex jitlob, l-aktar meta kien ikollu quddiemu mumenti qawwija, bħal meta kien ser jagħżel lit-tnax (Lq 6:12) jew meta għadda l-lejl fil-ġnien taż-Żebbuġ qabel ma beda t-triq li wasslitu fuq il-Kalvarju (Mt 26:36-44). Għalhekk, għal min jemmen il-lejl jaf ikun mument fejn nagħmlu esperjenza tal-qawwa ta’ Alla. Anki meta waqt dawn l-iljieli nkunu qed nirfsu fuq art qaddisa, aħna ma nkunux waħdina imma nsejħu l-patroċinju ta’ San Ġużepp. Ġużeppi jaf xi jfisser meta Alla jinbxek billejl; Ġużeppi jaf xi jfisser li l-Mulej iżurna matul il-lejl biex jagħtina missjoni ġdida!

Għalhekk il-lejl huwa parti mill-istorja tagħna personali kif ukoll mill-istorja tal-komunità ekkleżjali. Ma naqtgħux qalbna xħin il-lejl jidħol fil-fond tiegħu. Hemm ċirkustanzi fejn tassew niltaqgħu ma’ dak li jista’ jaqtgħalna qalbna, imma aħna nerfgħu ħarsitna lejn Ġużeppi u nitolbuh jieqaf magħna. Nagħmel sejħa biex bħala Knisja ngħożżu aktar il-lejl bħala okkażjoni prezzjuża fejn nistgħu nagħmlu l-esperjenza ta’ Alla. Ma tkunx ħaġa ħażina li kultant niksru l-lejl biex nerfgħu l-menti tagħna lejn Alla u bl-għajnuna ta’ San Ġużepp nitolbuh jurina t-triq u jgħinna nagħmlu r-rieda tiegħu. F’dan l-ispirtu nirrakkomanda prattika antika fil-Knisja tagħna fejn l-Insara kienu jqumu matul il-lejl biex jagħmlu s-siegħa adorazzjoni ta’ billejl.