Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-grazzja tal-prudenza u l-ubbidjenza għall-istruzzjonijiet ħalli l-pandemija ma terġax terfa’ rasha

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 28 ta’ April 2020: F’daż-żmien li fih bdew jittieħdu passi biex noħorġu mill-kwarantina, nitolbu lill-Mulej biex lill-poplu tiegħu, lilna lkoll, itina l-grazzja tal-prudenza u tal-ubbidjenza għall-istruzzjonijiet ħalli l-pandemija ma terġax terfa’ rasha.

OmelijaIt-tifrik u t-telfien tal-ġieħ u l-fama bit-tqassis fil-ħajja ta’ kuljum

Fl-ewwel qari ta’ dal-ġranet smajna dwar il-martirju ta’ San Stiefnu: rakkont sempliċi, kif seħħ.  Id-dutturi tal-Liġi ma kinux jaħmlu l-affarijiet ċari tad-duttrina li kien jgħallem, u malli semgħuh fittxew lil xi ħadd biex jgħid li kien semgħu jidgħi b’Alla, bil-Liġi (cfr. Atti 6, 11-14).  U wara qabżu fuqu u ħaġġruh: hekk, sempliċement (cfr. Atti 7, 57-58).  Din l-għamla ta’ azzjoni mhix ġdida: l-istess kienu għamlu ma’ Ġesù (cfr. Mt. 26, 60-62). Il-poplu li kien preżenti (inċert) ippruvaw jikkonvinċuh li (Ġesù) kien midgħi u bdew jgħajtu ‘Sallbu!’ (Mk. 15, 13).  Hi kefrija.  Kefrija, li tiggranfa ma’ xhieda foloz biex tagħmel ‘il-ġustizzja’.  Dan hu l-mudell.

Fil-Bibbja wkoll insibu stejjer bħal dawn: lil Susanna għamlulha l-istess (cfr. Dan. 13, 1-64), lil Nabot għamlulu l-istess (cfr. 1 Sl. 21, 1-16),  imbagħad Amman ipprova jagħmel l-istess mal-poplu t’Alla (cfr. Est. 3, 1-14).  Aħbarijiet foloz, kalunji li jsaħħnu rjus il-poplu u jitolbu l-ġustizzja.  Hu tifrik u telfien tal-fama, verament żebliħ u telfien tal-ġieħ ta’ dak li jkun.  U hekk, jeħduh quddiem l-imħallef ħalli dan jagħti timbru legali lil għemilhom: imma diġà kien iġġudikat; l-imħallef irid ikun verament kuraġġuz biex jeħodha kontra ġudizzju ‘daqstant popolari’, magħmul apposta, imħejji.  Huwa l-każ ta’ Pilatu: Pilatu jifhem sew li Ġesù kien innoċenti, imma ra l-poplu u ħasel idejh (cfr. Mt. 27, 24-26).  Hu mod ieħor kif isiru l-liġijiet!

Illum dan narawh ukoll: illum dan isir ukoll, f’xi pajjiżi.  Meta xi ħadd ikun irid jagħmel kolp ta’ stat jew irid ‘itajjar’ lil xi politiku ħalli jtellfuh milli jikkontesta l-elezzjoni, hekk isir: informazzjoni falza, kalunji, imbagħad jieħdu l-każ quddiem xi mħallef li jħobb ‘joħloq’ il-liġijiet b’dal-pożittiviżmu tas-‘sitwazzjonijiet’, li hu moda, u dan jikkundanna.  Hu telf ta’ fama, tifrik soċjali.  Dan għamlulu lil Stiefnu, hekk sarlu l-ħaqq: jieħdu għall-ħaqq lil xi ħadd li l-poplu – il-poplu mqarraq – kien diġà ġġudikah.  Dan jiġri wkoll mal-martri tal-lum: ma jkunx possibbli għall-imħallfin jagħmlu l-ġustizzja għax (min ikollhom quddiemhom) ikun diġà safa ġġudikat.  Niftakru f’Asia Bibi, per eżempju, ħaġa li rajnieha: għaxar snin ħabs għax sarilha ġudizzju fuq kalunja u minn poplu li ried il-mewt tagħha.  Quddiem dix-xmara ta’ informazzjoni falza li tifforma l-opinjoni, ħafna drabi ma jkun jista’ jsir xejn… ma jkun jista’ jsir xejn.

F’dal-kuntest jien niftakar ħafna fix-Shoah.  Ix-Shoah hu każ tipiku.  Ġiet iffurmata opinjoni kontra poplu, imbagħad kien normali tgħid: ‘Iva, iva, għandhom jinqatlu.’  Aġir biex ‘telimina’ lin-nies li jtuk fastidju, li jdejquk.

Ilkoll nafu li dan mhux sew.  Imma dak li ma nafux hu li hemm telfien tal-fama fil-ħajja ta’ kuljum li jimmira li jikkundanna lin-nies, li joħloq fama ħażina fuqhom, biex jitwarrbu, biex ikunu kkundannati:  it-tifrik tal-ġieħ ‘ċkejken’ tat-tqassis li jifforma l-opinjoni.  Ħafna drabi xi ħadd jisma’ s-seksik dwar xi ħadd u jgħid: ‘Le, imma din hi persuna ġusta!’ –  ‘Le, le, qed jgħidu illi…’ U b’dik il-‘qed jgħidu’ tintgħaġen opinjoni biex teqred lil xi persuna.

Il-verità hija oħra: il-verità hi x-xhieda ta’ dak li hu minnu, ta’ dak li bniedem jemmen fih. Il-verità hija ċara,  trasparenti.  Il-verità tirrifjuta l-pressjoni.  Inħarsu lejn Stiefnu martri: l-ewwel martri wara Ġesù.  L-ewwel martri.  Niftakru fl-appostli: ilkoll kemm huma taw ix-xhieda tagħhom.  U niftakru f’tant martri, anke dak li qed infakkru llum, San Pietru Chanel: kien it-tqassis li fforma l-opinjoni li hu kien kontra r-re…  Inħolqot il-fama u nqatel.  U niftakru fina nfusna, fi lsienna: ħafna drabi, bil-kummenti tagħna, nibdew proċessi bħal dawn.  U fl-istituzzjonijiet insara tagħna, ta’ kuljum rajna tant minn dawn is-sitwazzjonijiet li bdew mit-tqassis.

Il-Mulej jgħinna nkunu ġusti fil-ġudizzji tagħna, (jgħinna) biex ma nibdewx jew inkomplu dil-kundanna kbira li jipprovoka t-tqassis.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading