Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 28 t’April


It-Tlieta, 28 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Quddiesa offruta għal dawk li għandhom nieqsa mill-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja u għal dawk il-ġenituri single li jkunu qegħdin itellgħu uliedhom waħedhom …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Naqsam magħkom żewġ ħsibijiet ispirati minn din is-silta mill-kapitlu 6 ta’ San Ġwann li qegħdin naqraw biċċa biċċa f’dawn il-jiem.

Ġesu jintroduċi lilu nnifsu bħala l-ħobż “li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja” (Ġw 6:33) u jgħid ukoll li dan il-ħobż, hu nnifsu, huwa mibgħut mill-Missier. “Jien hu l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35). ’Il quddiem għarfu kif Ġesù jieħu din it-tema tal-ħobż u biha jgħallimna nafdaw fih, infittxuh biex ikollna ħajja tajba f’din l-art u anke fl-eternità. U l-kapitlu 6 jikkonkludi billi Ġesù jgħarraf lilu nnifsu bħala l-Ewkaristija: il-ħobż li aħna nitrejqu bih.

L-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom illum hija propju din it-tentazzjoni li l-poplu jipprova jpoġġi f’riġlejn Ġesù. “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk?” (Ġw 6:30). Donnu t-tentazzjoni li tingħata lil Ġesù hija li jkollu tweġiba spettakolari li tikkonvinċi lil kulħadd bil-qawwa tiegħu u li hu l-Iben ta’ Alla u Ġesù jirrifjuta din it-tentazzjoni.

Ta’ min neżaminaw lilna nfusna meta fil-fidi tagħna aħna nippretendu li naraw dehriet jew niġru wara l-Madonni jidhru ’l hawn u ’l hemm, donnu l-fidi tagħna hija bbażata fuq il-messaġġi li jagħtu dawn id-dehriet iżjed mit-tagħlim tal-Evanġelju. Il-Knisja tgħallem, li kif ġie konkluż l-istaġun li permezz tiegħu Alla ta t-tagħrif tiegħu lill-Knisja bl-aħħar Skrittura li nkitbet u approvata mill-Knisja, il-Mulej mhu se jżid xejn ma dak li jixtieq jgħarrafna. Id-dehriet ma jżidu xejn ma’ dak li għandna bżonn nagħrfu.

Mela meta jiġi xi ħadd u jgħidilkom biex issegwu xi ħaġa li l-Madonna qalet hekk u San Ġużepp qal hekk u San Mikiel Arkanġlu qal hekk, ieqfu. L-ewwel kriterju huwa t-tagħlim tal-Evanġelju. L-affarijiet l-oħra, li huma dejjem privati, jistgħu dejjem jgħinuna imma jgħinuna daqskemm jgħinuna nsegwu l-Evanġelju.

Ta’ min neżaminaw lilna nfusna meta fil-fidi tagħna nippretendu li naraw dehriet jew niġru wara l-Madonni jidhru ’l hawn u ’l hemm, donnu l-fidi tagħna hija bbażata fuq il-messaġġi li jagħtu dawn id-dehriet iżjed mit-tagħlim tal-Evanġelju

It-tieni ħsieb tiegħi huwa li aħna ningħaqdu mat-talba ta’ dan il-poplu li forsi ma fehemx x’kien qed joffri Ġesù imma t-talba tiegħu kienet apprezzatta mill-Mulej. “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż” (Ġw 6:34). Anke għaliex Ġesù stess fit-talba li għallimna, għallimna nitolbu: “Agħtina ta’ kuljum il-ħobżna ta’ kuljum” (Mt 6:11). U għalhekk il-ħobż li aħna qed nitolbu mhux biss il-ħobż materjali li għandna bżonnu imma wkoll il-ħobż spiritwali li huwa Ġesù.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li ma ndumux ma nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna naqsmu flimkien il-ħobża tal-Ewkaristija. Ejjew nitolbu biex dan il-mument ma jdumx ma jasal.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 7, 51 – 8, 1a
Salm: 30 (31), 3ċd-4. 6ab u 7b u 8a. 17 u 21ab
Evanġelju: Ġw 6, 30-35