Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għas-sorijiet vinċenzjani li ilhom jmexxu dan iċ-ċentru tas-saħħa u li jaħdmu fid-Dar Santa Marta

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 9 ta’ Mejju 2020: Illum nikkommemoraw lil Santa Luisa Marillac (kien hemm kwadru tagħha fil-kappella u l-festa taħbat fil-15 ta’ Marzu, imma peress li kien ir-Randan, saret illum).  Nitolbu għas-sorijiet Vinċenzjani li ilhom imexxu dan iċ-ċentru tas-saħħa, dan l-isptar, kważi mitt sena (l-isptar tat-tfal Santa Marta immexxi mill-Kongregazzjoni  tas-sorijiet Ulied il-Karità), u li jaħdmu hawn fid-Dar Santa Marta. Il-Mulej ibierek lil dawn is-sorijiet.

OmelijaL-Ispirtu s-Santu hu l-armonija tal-Knisja l-ispirtu malinn jeqred

Fis-Salm għidna: ‘Għannu lill-Mulej għanja ġdida għax għamel l-għeġubijiet.  Tatu r-rebħa l-leminija tiegħu u driegħu.  Il-Mulej uriena s-salvazzjoni, f’għajnejn il-bnedmin wera l-ġustizzja tiegħu.’  Din hi l-verità, il-Mulej għamel l-għeġubijiet.  Imma kemm tbatija biex il-komunitajiet insara jibqgħu jxandru dawn l-għeġubijiet tal-Mulej!  Fis-silta mill-Atti tal-Appostli qrajna dwar il-ferħ (Atti 13, 44-52): il-belt kollha ta’ Antjokja nġabret biex tisma’ l-Kelma tal-Mulej, għax Pawlu, l-appostli, kienu jippritkaw bil-forza għax l-Ispirtu kien magħhom.

Imma, ‘Meta raw dawk il-folol, il-Lhud mimlijin bl-għira u bl-insulti bdew imeru lil Pawlu’ (Atti 13, 45). Minn naħa hemm il-Mulej, hemm l-Ispirtu s-Santu li jkattar u jkompli jkabbar il-Knisja, imma mill-oħra hemm l-ispirtu ħażin li jipprova jeqridha.  Minn dejjem hekk kien.  Aħna mexjin imma jiġi l-għadu jipprova jeqred.  Fl-aħħar mill-aħħar il-bilanċ dejjem se jibqa’ pożittiv, imma fost kemm tbatija, niket, martirju!  Hekk ġara f’Antjokja u narawh isir fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli kollu.  Per eżempju, niftakru f’Listra, meta tfejjaq il-magħtub u kulħadd beda jaħseb li min fejqu kienu allat u riedu joffrulhom is-sagrifiċċji, u l-poplu kollu kien ħaġa waħda (Atti 14, 8-18).  Imbagħad ġew l-oħrajn u kkonvinċewhom li ma kienx hekk.  U kif spiċċaw Pawlu u sieħbu?  Imħaġġrin (Atti 14, 19).  Dejjem b’dit-taqbida.  Niftakru fis-saħħar Elmas, dak li għamel biex l-Evanġelju ma jasalx għand il-konslu (Atti 13, 6-12); niftakru fis-sidien ta’ dik it-tfajla li kienet taqra x-xorti.  Kienu jafu jisfruttawha għax kienet ‘taqra l-idejn’ u kienet iddaħħal flus li kienu jispiċċaw fil-bwiet tas-sidien.  U meta Pawlu u l-appostli kixfu dan il-qerq, qalu li ma kienx sew, mill-ewwel tqanqlet rivoluzzjoni kontriehom (Atti 16, 16-24).  Niftakru fl-artiġġjani tal-alla Artemis, f’Efesu, li kienu se jitilfu n-negozju għax ma setgħux jibqgħu jbiegħu ‘l-istatwi’: għax in-nies ma baqgħux jixtruhom minħabba li kienu kkonvertew.  U hekk, ħaġa wara oħra.  Minn naħa l-Kelma t’Alla li tlaqqa’, tikber; mill-oħra, persekuzzjoni, u persekuzzjoni ħarxa, għax jispiċċaw ikeċċuhom bis-swat.

Liema hu l-istrument li juża x-xitan biex ikisser it-tħabbir tal-Evanġelju?  L-għira.  Il-Ktieb tal-Għerf jgħidha ċar: ‘Minħabba l-għira tax-xitan daħal id-dnub fid-dinja’ (Għerf 2, 24): għira, ġelożija.  Dejjem b’das-sentiment ta’ mrar.  Imma dawn in-nies kienu jaraw kif kien jiġi mxandar l-Evanġelju u kienu jirrabjaw, kienu jherru l-istonku tagħhom: ir-rabja tax-xitan, ir-rabja li teqred, ir-rabja ta’ dik il-kelma, ‘Sallbu, sallbu!’, ta’ dik it-tortura ta’ Ġesù.  Irid jeqred, dejjem, dejjem.

Quddiem din it-taqbida jgħodd għalina wkoll dak li qal b’mod tant sabiħ Santu Wistin: ‘Il-Knisja tibqa’ miexja bil-faraġ ta’ Alla u l-persekuzzjonijiet tad-dinja’ (De Civitate Dei, XVIII, 51, 2).  Jekk il-Knisja ma tħabbatx wiċċha ma’ xi diffikultà, ikun jonqosha xi ħaġa.  Jekk ix-xitan ikun wisq kalm, l-affarijiet ma jkunux sejrin sew.  Dejjem bid-diffikultajiet, bit-tentazzjoni, bit-taqbid… bl-għira li teqred.

L-Ispirtu s-Santu hu l-armonija tal-Knisja u l-ispirtu ħażin jeqred.  Sal-lum, dejjem b’dit-taqbida.  Strument ta’ din l-għira, ta’ dil-ġelożija huma s-setgħat tad-dinja.  Hawnhekk jgħidilna li, ‘il-Lhud xewxu n-nisa twajba nobbli’ (Atti 13, 50).  Marru għand dawn in-nisa u qalulhom: ‘Dawn rivoluzzjonarji, keċċuhom ’il barra.’ In-nisa tkellmu bejniethom u keċċewhom lil hemm.  Kienu ‘n-nisa twajba’ tan-nobbiltà u anke l-awtoritajiet tal-belt li keċċewhom lil hemm (cfr. v. 50).  Marru għand is-setgħat tad-dinja… Is-setgħa tad-dinja tista’ tkun tajba – il-persuni jistgħu jkunu tajbin – imma s-setgħa fiha nfisha dejjem hi perikoluża.  Is-setgħa tal-bniedem kontra s-setgħa ta’ Alla tqanqal dan kollu, u wara din is-setgħa dejjem hemm il-flus.

Dan li ġara f’dil-Knisja tal-bidu: il-ħidma tal-Ispirtu biex jibni l-Knisja, biex itiha l-armonija, u l-ħidma tal-ispirtu ħażin biex jeqridha. It-tħaddim tas-setgħat tad-dinja biex iwaqqfu lill-Knisja, biex jeqirduha, mhu xejn aktar ħlief żvilupp ta’ dak li seħħ fl-għodwa tal-Qawmien.  Meta s-suldati raw dak it-trijonf marru għand is-saċerdoti u xtraw il-verità.  Il-verità ssikket.  Sa minn kmieni filgħodu fil-jum tal-Qawmien, tat-trijonf ta’ Kristu, hemm dan it-tradiment biex tissikket il-kelma ta’ Kristu, biex jissikket it-trijonf tal-Qawmien permezz tas-setgħa temporali: il-kapijiet tas-saċerdoti u l-flus.

Noqogħdu attenti, noqogħdu attenti meta nippritkaw l-Evanġelju biex ma naqgħu qatt li l-fiduċja tagħna nqegħduha fis-setgħat tad-dinja u tal-flus.  Il-fiduċja tal-Insara huma Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu. U l-Ispirtu s-Santu huwa l-ħmira, hu l-qawwa li tkabbar lill-Knisja.  Iva, il-Knisja tibqa’ miexja ’l quddiem, fil-paċi, bir-rassenjazzjoni, ferħana: ‘bil-faraġ t’Alla u l-persekuzzjonijiet tad-dinja’.

sMiġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading