L-Inżul fuq l-irkupptejn – 2 parti


Din hi t-tieni parti dwar għaliex aħna ninżlu għarkupptejna fil-knisja, mill-ktieb tal-Papa Emeritu Benedittu XVI, ‘The Spirit of the Liturgy’. F’dan il-ktieb, il-Papa Benedittu jitkellem dwar il-ġesti differenti li nużaw fil-Liturġija. Għaliex inqumu bilwieqfa, noqogħdu bil-qiegħda u ninżlu għarkupptejna.

Fil-Liturġija tal-Knisja ċ-ċelebranti jimteddu mal-art f’żewġ okkażjonijiet: fil-Ġimgħa l-Kbira u fl-ordinazzjonijiet. Fil-Ġimgħa l-Kbira, jum il-Kruċifissjoni tal-Mulej, dan il-ġest huwa espressjoni xierqa tax-xokk li nħossu quddiem il-fatt li bi dnubietna aħna wkoll naħtu għall-mewt tal-Mulej. Aħna ninxteħtu ma’ l-art u nipparteċipaw fix-xokk tiegħu, jiġifieri fl-inżul tiegħu f’qiegħ it-tbatija. Aħna ninxteħtu ma’ l-art u hekk nagħrfu fejn aħna u dak li aħna: kreaturi mwaqqgħa li bl-għajnuna tiegħu biss jistgħu jqumu fuq saqajhom. Aħna ninxteħtu ma’ l-art, kif għamel Ġesù, quddiem il-misteru tal-qawwa t’Alla li nħossuha qiegħda magħna, għax nafu li s-Salib huwa l-vera siġra taqbad, l-imkien fejn tħeġġeġ l-imħabba t’Alla bla ma teqred.

Fl-ordinazzjonijiet aħna nimteddu wiċċna ma’ l-art għax nafu li waħedna aħna għal kollox inkapaċi li nieħdu fuqna l-missjoni saċerdotali ta’ Ġesù Kristu u li nitkellmu f’ismu. Waqt li dawk li ser jiġu ordnati jkunu mimduda fl-art, il-kongregazzjoni kollha tkanta l-litanija tal-qaddisin. Qatt ma jien ser ninsa l-mument meta jien kont mimdud fl-art fl-ordinazzjoni tiegħi stess, kemm dik saċerdotali kif ukoll dik episkopali. Meta ġejt ordnat isqof, ħassejtni aktar bla ħila quddiem din il-missjoni hekk kbira milli meta ġejt ordnat saċerdot. Il-fatt li l-Knisja kienet qiegħda titlob lill-qaddisin kollha, illi t-talb tal-Knisja kien idawwarni u jħaddanni, kien għalija ta’ konsolazzjoni kbira. Fl-inkapaċità tiegħi, murija fil-qagħda ta’ ġismi mimdud fl-art, dan it-talb, din il-preżenza tal-qaddisin kollha, tal-ħajjin u tal-mejtin, tatni saħħa tal-għaġeb – din kienet, biex ngħidu hekk, l-unika ħaġa li setgħet tgħinni nqum. Il-preżenza tal-qaddisin biss għamlet possibbli t-triq li minnha kelli ngħaddi.

Fit-tieni lok irridu nsemmu l-ġest ta’ min jinżel għarkupptejh quddiem ħaddieħor. Dan huwa msemmi erba’ darbiet fl-Evanġelji (ara Mk 1: 40; 10:17; Mt 17:14; 27:29), permezz tal-kelma gonypetein. Ejjew nieħdu Marku 1:40. Wieħed imġiddem jiġi għand Ġesù u jitolbu l-għajnuna. Huwa jinżel għarkupptejh quddiemu u jgħidlu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni.” Huwa diffiċli li tgħid x’inhuwa s-sinjifikat ta’ dan il-ġest. ~ertament ma kienx att ta’ adorazzjoni, imma talba mħeġġa magħmula taħt forma ta’ ġest korporali u li fl-istess ħin turi fiduċja f’qawwa li ma kinitx sempliċiment umana. Is-sitwazzjoni hija different, iżda, meta tiġi wżata l-kelma klassika għall-adorazzjoni fuq l-irkupptejn li hija proskynein.

Jiena ser nagħti żewġ eżempji biex niċċara d-diffikultà li jiltaqa’ magħha t-traduttur. L-ewwel hemm ir-rakkont ta’ kif, wara t-tkattir tal-ħobż, Ġesù joqgħod jitlob lill-Missier fuq il-muntanja filwaqt li d-dixxipli jkunu jitħabtu għalxejn mar-riħ u l-mewġ fuq l-għadira. Ġesù jiġi fejnhom miexi fuq l-ilma. Pietru jgħaġġel biex imur fejnu u jiġi salvat milli jegħreq mill-Mulej. Imbagħad Ġesù jitla’ fid-dgħajsa u r-riħ jieqaf. It-test ikompli jgħidilna: “ U dawk ta’ fuq id-dgħajsa inxteħtu f’riġlejh u qalulu: “Inti tassew l-Iben t’Alla.” (Mt 14:33, verżjoni ta’ Knox). Traduzzjonijiet oħrajn jgħidu: “Id-dixxipli fid-dgħajsa qiemu lil Ġesù u qalu ……” Iż-żewġ traduzzjonijiet huma korretti. Kull waħda minnhom tenfasizza dak li qiegħed jiġri. Il-verżjoni ta’ Knox toħroġ l-espressjoni murija permezz tal-ġisem, filwaqt li tar-RSV (Revised Standard Version) toħroġ dak li qiegħed jiġri minn ġewwa. Mill-istruttura tar-rakkont jidher ċar li l-ġest li bih jagħrfu lil Ġesù bħala l-Iben t’Alla huwa att ta’ qima.

Niltaqgħu ma’ problemi simili fl-Evanġelju ta’ San Ġwann fir-rakkont tal-fejqan ta’ l-imwieled agħma. Dan ir-rakkont, illi huwa mibni fuq l-istil ta’ ‘drama divina’, jispiċċa bi djalogu bejn Ġesù u r-raġel li fejjaq. Huwa jservi ta’ mudell għad-djalogu tal-konverżjoni, għax ir-rakkont irridu narawh bħala espożizzjoni tas-sinjifikat eżistenzjali u teoloġiku tal-magħmudija. Fid-djalogu, Ġesù jistaqsi lir-raġel jekk jemminx f’Bin il-Bniedem. L-imwieled agħma jwieġbu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” Xħin Ġesù jgħidlu: “Huwa dak li qiegħed jitkellem miegħek”, l-agħma jagħmel l-istqarrija ta’ fidi: “Nemmen, Mulej”, u “jinżel għarkupptejh biex jagħtih qima.” (Ġw 9:35-38, verżjoni adattata ta’ Knox). Traduzzjonijiet aktar bikrija jgħidulna: “U tah qima.” Infatti x-xena kollha hija mmirata għal dan l-att ta’ fidi u l-qima ta’ Ġesù. Issa l-għajnejn tal-qalb u l-ġisem jinfetħu. L-agħma jibda jara tassew. Għall-eseġeżi tat-test huwa importanti li ninnutaw illi l-kelma proskynein tidher ħdax-il darba fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, li disgħa minnhom jinsabu fil-konverżazzjoni ta’ Ġesù mas-Samaritana ħdejn il-bir ta’ Ġakobb (Ġw 4:19-24). Dan id-djalogu huwa kollu kemm hu ddedikat għat-tema ta’ l-adorazzjoni u bla dubju hawnhekk u fi bnadi oħra fl-Evanġelju ta’ San Ġwann din il-kelma dejjem tfisser ‘adorazzjoni’. Ta’ min jgħid illi din il-konverżazzjoni tispiċċa – bħal dik ta’ l-imwieled agħma – bir-rivelazzjoni ta’ Ġesù nnifsu: “Huwa dak li qiegħed ikellmek.” (Ġw 4: 26).

Ittrattajt ftit fit-tul fuq dawn it-testi għax iġibu għad-dawl ħaġa importanti. Fiż-żewġ passaġġi li flejna mill-qrib l-aktar, iż-żewġ tifsiriet tal-kelma proskynein, waħda spiritwali u l-oħra korporali, fil-fatt ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Il-ġest li nagħmlu bil-ġisem iġorr miegħu t-tifsira spiritwali, jiġifieri l-adorazzjoni. Mingħajr din il-qima, il-ġest tal-ġisem ma jkunx fih sens, filwaqt li min-natura tiegħu stess l-att spiritwali jrid jesprimi ruħu fil-ġest tal-ġisem minħabba l-unità psikosomatika tal-bniedem. Iż-żewġ aspetti jingħaqdu f’kelma waħda, għax jappartienu lil xulxin b’mod profond. Meta l-inżul fuq l-irkupptejn isir biss minn barra, jiġifieri meta jsir att fiżiku biss, dan jitlef kull tifsira. Min-naħa l-oħra, meta xiħadd jipprova jieħu l-qima lura fl-isfera purament spiritwali u jirrifjuta li jagħtiha sura li fiha l-ġisem ukoll jieħu sehem, l-att t’adorazzjoni jiżvinta, għax dak li hu purament spiritwali ma jmurx man-natura tal-bniedem. Huwa minħabba dan illi l-liwi ta’ l-irkoppa quddiem il-preżenza t’Alla l-ħaj hija xiħaġa li ma nistgħux inwarrbuha.

Minn Joe Galea