Quddiesa fil-festa ta’ San Ġorġ Preca – 9 ta’ Mejju


Is-Sibt, 9 ta’ Mejju 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa ta’ San Ġorġ Preca fil‑Kappella ta’ Sidtna Marija tal‑Midalja Mirakoluża, il‑Blata l‑Bajda …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għalina l-Maltin u l-Għawdxin dan il-jum għażiż li jfakkarna fil-beatifikazzjoni ta’ San Ġorġ Preca bid-deċiżjoni u bil-preżenza fostna ta’ qaddis ieħor San Ġwann Pawlu II, propju fid-9 ta’ Mejju 2001 huwa jum għażiż. Dakinhar kien ukoll il-jum tal-beatifikazzjoni tal-Beatu Nazju Falzon u tal-Beata Adeodata Pisani.

Filgħaxija ta’ dak il-jum San Ġwann Pawlu II daħal f’din il-kappella bħala l-ewwel pellegrin jinvista l-fdalijiet għeżież ta’ San Ġorġ Preca li mbagħad kellu jkun ikkanonnizzat mis-suċċessur ta’ San Ġwann Pawlu II: Benedittu XVI fit-3 ta’ Ġunju 2007.

Għalina l-Maltin dan il-jum ukoll għandu jfakkarna mhux biss fil-figura ta’ Dun Ġorġ kif nafuh, u fil-ġid li għamel lill-poplu tagħna bit-tagħlim tiegħu. Min jaf kemm sema’ nies li kienu jistennewh kuljum wara li jqaddes Fra Diegu hawnhekk il-Ħamrun. Jistennewh biex ikunu jistgħu jgħidulu kelma jew jitolbuh l-interċessjoni tiegħu għall-fejqan ta’ xi ħadd għażiż. Imma wkoll billi lil poplu tagħna Dun Ġorġ dejjem kellmu ċar.

Dun Ġorġ kien jitkellem bla kantunieri u kien ifakkarna li aħna wlied San Pawl; jekk irridu nkunu tassew ulied ta’ dan l-appostlu kbir, m’għandniex għażla ħlief li nkunu ħbieb tal-Evanġelju. Il-leħen ta’ Ġesù għal Dun Ġorġ kien ‘Leħen il-Maħbub’ mhux biss għaliex il-Missier fuq il-muntanja Tabor qalilna: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17:5), imma għaliex ukoll Ġesù l-Maħbub tal-Missier, kien il-maħbub tal-qalb tal-qaddis tagħna San Ġorġ.

San Ġorġ anke meta kien jitkellem fuq it-talb, kien juża din l-espressjoni li mbagħad is-soċjetà Mużewmina għażlet għall-kollezzjoni tat-talb kollu tiegħu fi tliet volumi: ‘Ftuħ il-Qalb’. Aħna meta nitolbu kultant ingergru, kultant nilmentaw, kultant il-Mulej nitolbuh xi pjaċir, ifejjaqna jeħlisna minn dil-burraxka u kemm jista’ jkun malajr. Dejjem nitolbuh, dejjem inħabbtu fuq il-bieb tal-qalb tal-Mulej. Imma t-talb irid ikun ukoll il-mument fejn jien niftaħ qalbi u ninduna li Alla għandu qalb dejjem miftuħa għalija.

San Ġorġ Preca wkoll kien jinsisti li aħna għandna bżonn nitgħallmu naħfru lil xulxin. Kiteb ittra li sejħilha popolari, jiġifieri indirizzata lil poplu kollu. U kitibha tafu fuq xiex? Fuq il-manswetudni, fuq il-maħfra tal-għedewwa. San Ġorġ Preca kien jaf li aħna l-Maltin għandna qalb kbira imma bħal kulħadd, għandna bżonn ukoll insibu l-ferħ veru billi nitgħallmu naħfru lil xulxin.

Darba xi ħadd biex jinki lil Dun Ġorġ, fil-bidu tiegħu kienet, sejjaħlu Patrijarka bum! U Dun Ġorġ qal: ‘Kemm togħġobni din il-ħaġa: buono, umile, mansueto, dik tfisser bum!’ U Ġesù, mhux Ġesù, Dun Ġorġ imma Dun Ġorġ huwa xbieha sabiħa ta’ Ġesù. Dun Ġorġ kellu l-għerf u l-umiltà jdawwar l-inkejja f’messaġġ pożittiv. U qalilhom: ‘Għiduli hekk bħalma qed jgħidu dawn li jħobbuna ħafna: patrijarka bum għax hekk tfisser buono twajjeb, umile umli, mansueto, patrijarka bum’. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna min jinkina ma neħduhiex ħafna bis-serjetà b’mod speċjali fis-social media. Fi żmien Dun Ġorġ ma kinux jeżistu. Min jaf x’kien ivenvnilna kieku kien irid ikellimna llum. Min jaf x’ma kienx jgħidilna! Imma żgur kellu din l-għerf u l-umiltà li ma jiħux ħafna għalih.

Darba kien inkwetat ħafna, imma ħafna ħafna, x’aktarx minħabba xi kalunja. Min m’għaddiex minn din it-tbatija? U kellu kwadru ċkejken tal-Madonna tal-Buon Kunsill fl-indana tat-taraġ, waqaf bħalma jagħmel dejjem biex jitlob quddiemha. Kien inkwetat dakinhar Dun Ġorġ, bħalma jkun inkwetat min ikun għaddej minn xi kalunja ħarxa. U mill-kwadru tal-Madonna hu jgħid – kien iħobb jirrepetiha din l-istorja – sema’ żewġ kelmiet bil-Latin: Serva silentium żomm is-skiet, tirrispondix, tattakkax, tidħolx fil-Qorti, tagħmilx libelli, żomm is-skiet serva silentium. Kien parir li Dun Ġorġ ħadu bis-serjetà u segwih.

Dun Ġorġ għallimna ħafna talb wara t-tqarbin llum se nisimgħu talba sabiħa ħafna li hu xtaq li s-soċji jiltolbuha kuljum wara t-tqarbin. Jiena nixtieq nitolbu lil San Ġorġ Preca biex l-ewwel nett jeħlisna minn din il-burraxka kemm jista’ jkun malajr u b’wiċċ il-ġid. Imma wkoll li aħna ma ndumux ma nkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna nisimgħu Leħen il-Maħbub u nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm għażiż ta’ Ġesù.

L-aħħar kelma hija li aħna nirrepetu t-talba li tant kien iħobb jirrepeti: ‘Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli, Sinjur Alla.’

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 21, 11-17, 21
Qari II: 2 Tim 2, 1-11
Salm: 119, 33-42
Evanġelju: Mk 16, 14a. 15-20

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.