Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għal dawk ħutna li qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ xogħol

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 11 ta’ Mejju 2020: Illum ningħaqdu mal-fidili ta’ Termoli fil-festa tas-sejba tal-ġisem ta’ San Timoteo. Dal-ġranet bosta nies tilfu x-xogħol u ma reġgħux ingħataw xogħol ieħor… kienu mħaddmin bil-moħbi. Nitolbu għal dawn ħutna li qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ xogħol.

OmelijaL-Ispirtu jgħallimna kollox u jdaħħalna fil-misteru, ifakkarna u jgħinna niddixxernu

Il-pass tal-Evanġelju tal-lum huwa silta mid-diskors waqt l-Aħħar Ikla (cfr. Ġw. 14, 21-26).  Il-Mulej itemm b’dal-kliem: ‘Għidtilkom dan meta għadni magħkom.  Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom’ (vv. 25-26).  Hija l-wegħda tal-Ispirtu s-Santu; l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina mibgħut mill-Missier u mill-Iben.  ‘Il-Missier jibagħtu f’ismi,’ qal Ġesù, biex jakkumpanjana tul il-ħajja.  U nsejħulu Difensur.   Dan hu x-xogħol tal-Ispirtu s-Santu.  Bil-Grieg, il-Paraklitu hu dak li jwieżnek, li jakkumpanjak biex ma taqax, li jżommok sod, li hu qribek biex isostnik.  U l-Mulej wegħedna dan is-sostenn, li huwa l-Ispirtu s-Santu, li hu Alla bħalu.  X’jagħmel fina l-Ispirtu s-Santu?  Jgħidha l-Mulej: ‘Jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom’ (v. 26).  Jgħallem u jfakkar.  Din hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Jgħallimna: jgħallimna l-misteru tal-fidi, jgħallimna nidħlu fil-misteru, biex nifhmu ftit il-misteru.  Jgħallimna d-duttrina ta’ Ġesù u jgħallimna kif niżviluppaw il-fidi tagħna bla ma niżbaljaw, għax id-duttrina tikber, imma dejjem fl-istess direzzjoni: tikber fil-fehim.  U l-Ispirtu jgħinna nikbru fil-fehim tal-fidi, biex nifhmuha aħjar, biex nifhmuha aktar, biex nifhmu dak li tgħid il-fidi.  Il-fidi mhix ħaġa statika; id-duttrina mhix ħaġa statika, tikber.  Tikber kif jikbru s-siġar: dejjem huma l-istess, imma jsiru akbar; jagħtu l-frott imma huma dejjem l-istess, dejjem fl-istess direzzjoni.  U l-Ispirtu s-Santu jevita li d-duttrina tiżbalja, jevita li jħalliha statika bla ma tikber fina.  Jgħallimna dak li għallimna Ġesù, jiżviluppa fina fehim aħjar ta’ dak li għallimna Ġesù, ikabbar fina, sal-maturità, id-duttrina tal-Mulej.

Ħaġ’oħra li jgħid Ġesù u li jagħmel l-Ispirtu s-Santu hi li jfakkar: ‘Ifakkarkom dak kollu li għidtilkom jien’ (v. 26).  L-Ispirtu s-Santu jixbah il-memorja, iqajjimna: ‘Ftakar f’dak, ftakar fl-ieħor…’.  Iżommna nishru, nishru fl-affarijiet tal-Mulej, u jfakkarna wkoll ħajjitna: ‘Ftakar f’dak il-mument, ftakar f’meta ltqajt mal-Mulej, ftakar f’meta nfridt minn mal-Mulej.’

Darba smajt li persuna kienet qed titlob hekk, quddiem il-Mulej: ‘Mulej, jien l-istess persuna li minn tifel, minn ġuvni, kelli dal-ħolm.  Imbagħad tlaqt nimxi f’toroq żbaljati.  Issa int sejjaħtli.’  ‘Jien l-istess bniedem’: din hi l-memorja tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna.  Iwasslek biex tiftakar fis-salvazzjoni, biex tiftakar dak li għallimna Ġesù, imma huwa wkoll il-memorja tal-ħajja tagħna.  U dan ġagħalni naħseb – dak li kien qed jgħid dak ir-raġel – dwar mod sabiħ ta’ kif isir it-talb: tħares lejn il-Mulej u tgħidlu, ‘Jien l-istess (persuna).  Imxejt ħafna, żbaljajt ħafna, imma jien l-istess u inti tħobbni.’  Il-memorja tal-mixja tal-ħajja.

U l-Ispirtu s-Santu jmexxina f’dil-memorja, imexxina biex niddixxernu; imexxini biex niddixxerni dak li għandi nagħmel issa, liema hi t-triq it-tajba u liema hi dik żbaljata, fid-deċiżjonijiet iż-żgħar ukoll.  Jekk aħna nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu, Hu jgħinna niddixxernu biex nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, dawk żgħar ta’ kuljum u dawk akbar.  U jakkumpanjana u jsostnina fid-dixxerniment.

Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu jgħallem: jgħallimna kollox, jiġifieri jkattrilna l-fidi, idaħħalna fil-misteru. L-Ispirtu jfakkarna: ifakkarna fil-fidi, ifakkarna ħajjitna. Huwa l-Ispirtu li f’dat-tagħlim u b’dil-fakra jgħallimna niddixxernu liema deċiżjonijiet għandna nieħdu.  U dan kollu l-Evanġelji jtuh isem: l-Ispirtu s-Santu.  Iva, il-Paraklitu (id-Difensur), għax isostnik.  Imma isem ieħor, isbaħ, hu: ‘don ta’ Alla’.  L-Ispirtu hu proprju ‘don’: ‘Ma nħallikomx waħedkom, nibagħtilkom Difensur li jsostnikom, li jgħinkom timxu ’l quddiem, tiftakru, tiddixxernu u tikbru.’ Id-don ta’Alla hu l-Ispirtu s-Santu.

Jalla l-Mulej jgħinna nħarsu dan id-don li Hu tana fil-Magħmudija u li lkoll kemm aħna għandna ġewwa fina.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading