Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 11 ta’ Mejju, 9:30am

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 11 ta’ Mejju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi mill-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

X’HEMM ISBAĦ MILLI ALLA JGĦAMMAR FINA?

Fl-Evanġelju kollu, hemm darba biss li jissemma Ġuda bil-kliem li hu qal – Ġuda mhux l-Iskarjota imma l-appostlu l-ieħor. Proprju fl-Evanġelju tal-lum, meta jagħmel dik il-mistoqsija: “Mulej, din kif inhi li int se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?”

Kien hemm diversi li staqsew mistoqsijiet lil Ġesù f’dak id-diskors tal-Aħħar Ċena għax riedu li jifhmu aktar ċar – bħal Tumas u Filippu. Din il-mistoqsija li għamel Ġuda hi mistoqsija f’waqtha għax qed jgħidlu: din kif inhi li int turi ruħek lil grupp żgħir ta’ nies li jilqgħuk u mhux tagħmel xi ħaġa kbira, b’saħħa, li biha tipperswadi lid-dinja kollha?

Hi mistoqsija li kultant inħossuha aħna, jew ngħiduha: Għaliex Alla ma jġigħelx in-nies jemmnu? Għaliex ma jagħmilx xi ħaġa li biha, bis-saħħa li juri, lin-nies iġegħilhom jemmnu bilfors?

Ir-risposta li jagħti Ġesù turi li Ġesù għamel għażla oħra u li Alla jimxi mod ieħor. Għax Ġesù jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti…Min ma jħobbnix, ma jħarisx kliemi.” Qed jgħid li hemm għażla, u l-imħabba ma tisforzahiex. Jekk veru tħobbu lil Alla, tħares il-kmandamenti tiegħu u l-kelma tiegħu. Imma mhix xi ħaġa li jġiegħlek bilfors li int temmen fil-kelma tiegħu u li timxi skont il-kmandamenti tiegħu.

Din tfakkarni f’silta oħra fejn hemm xbieha sabiħa, fl-Apokalissi, fejn hemm dan miktub: “Ara, jien fil-bieb, u qiegħed inħabbat… (Apok 3:20). Ġesù jħabbat u jistenna min jiftaħlu. Ma jgħidx: Jiena qiegħed fejn il-bieb u qed inħabbat, u jekk ma tiftaħlix se nisfronda l-bieb, jew inwaqqa’ l-ħajt biex nasal għandek. Ma jagħmilx hekk.

Din turina l-mod kif jimxi Alla magħna. Lilna joffrilna, lilna jagħmlilna stedina, u jiddependi minna jekk niftħulux qalbna jew le. Hu jgħid fl-Evanġelju li jekk aħna niftħulu qalbna, Alla jiġi jgħammar fina. Meta aħna ngħixu skont il-kmandamenti tiegħu, nimxu mal-kelma tiegħu, Alla jgħammar fina. U l-istess fl-Apokalissi bi xbieha sabiħa: “…jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu u hu jiekol miegħi.” (Apok 3:20) Jiġifieri dik il-familjarità, dik l-atmosfera ta’ mħabba li hemm fil-qalb ta’ min jaċċetta lil Alla.

Mhix xi ħaġa li ġġegħilha. Alla ma jġigħelx. Imma Alla jagħmel stedina. Min jaċċettah bil-qalb, ikollu lil Alla jgħammar fil-qalb tiegħu. X’hemm isbaħ minn din? X’hemm isbaħ minn din biex aħna nimxu mal-kelma tiegħu u skont il-kmandamenti tiegħu? Mhix xi ħaġa għax bilfors, imġegħlin, imma li naċċettaw bil-qalb halli hekk il-qalb tagħna tkun mimlija bih.

Nitolbuh din il-grazzja li aħna niftħulu qalbna ħalli hu jgħammar fina u jkollna tassew f’qalbna l-paċi tiegħu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: