Maħbuba Amazonia?

Print Friendly, PDF & Email

Querida Amazonia:L-Eżortazzjoni Appostolika ta’ Papa Franġisku.

Fr Tony Sciberras mssp

Introduzzjoni

Kieku jkolli nkun jien li llum nagħti isem lill-aħħar Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku jien ma nsemmihiex “Querida Amazonia” jew “Maħbuba Amazon1a,” kif semmiha hu, imma “Miskina ta’ Querida Amazonia.”

Qiegħed ngħid hekk għax jien inqis l-Eżortazzjoni bħala verament sfortunata … miskina … ta’ min jitħassarha. Għaliex? Għax din l-Eżortazzjoni ġiet publikata fit-2 ta’ Frar ta’ dis-sena, allura propju fi żmien meta kullma jmur aħna bdejna nisimgħu dejjem aktar kemm kien qed jixtered il-covid 19 … u f’pajjiżi differenti; kemm kien qiegħed jiżdied in-numru ta’ persuni li kienu qed jintlaqtu minn dan il-virus; kemm kienet saħansitra qed toqtol bnedmin din il-misħuta pandemija. U allura kif stajna aħna ma nkunux aljenati minn kollox, saħansitra minn dak li ried iwasslilna l-Papa Franġisku bl-Eżortazzjoni tiegħu!?!?!? U hekk bqajna sejrin!!! U hekk għadna għaddejjin!!! Ma ttiniex tort. L-ewwel il-pappa u mbagħad in-non pappa, mhux hekk?!?!?! Fl-istess ħin aħna, membri tal-Kunsill tal-IHK, jew il-grupp ta’ konsagrati li jieħdu ħsieb il-formazzjoni tal-konsagrati f’Malta u Għawdex, naħsbu li aħna bħala nsara ma nistgħux nibqgħu aljenati u ma nieqfux almenu għal ftit ħin ħalli naraw x’tgħidilna il-miskina ta’ Querida Amazonia.

1 Għal min indirizzata?

1.1 L-ewwelnett għall-insara fl-Amażonia, jew għalina l-insara li mill-bogħod qed naħdmu għall-Amażonia

Hu veru li Querida Amazonia hu dokument li l-Papa ndirizzah l-ewwel u qabel kulħadd għall-Knisja li diġa qegħda taħdem fl-Amażonia. Bl-aħħar Eżortazzjoni tiegħu Franġisku qiegħed ikellem lil dawk il-missjunarji, saċerdoti, reliġjużi jew lajċi, li qed jaħsbu biex fil-futur qarib imorru jaħdmu f’dan ir-Reġjun. Il-Papa preżenti kiteb lil dawk l-istituti reliġjużi missjunarji li ġa qed jibagħtu missjunarji hemmhekk. Dawn huma, iva, l-ewwel destinatarji li għalihom inkitbet l-Eżortazzjoni.

1.2 Imma mhux biss! Querida Amazonia hi miktuba wkoll għall-Knisja kollha, għall-insara kollha, għalina lkoll, għalik, għalija … ukoll! Anke għalina l-insara li mgħandniex x’naqsmu, almenu direttament, mal-Amażonia

Papa Franġisku bis-soltu stil mexxej, imma wkoll profond tiegħu, qed jippreżenta lilna, l-insara kollha, mod ta’ ħajja li rridu ngħixu

(a) aħna, kollha kemm aħna … u (b) kullfejn inkunu … għax aħna, bil-fatt li aħna nsara (a) aħna lkoll missjunarji, u (b) kull fejn inkunu.

1.2.1 Imma aħna l-insara, qabel ma aħna nsara, aħna bnedmin

Propju għax Querida Amazonia hija ndirizzata għalina bnedmin allura l-Papa jara li jagħti każ tal-aspetti jew dimensjonijiet kollha li lilna jagħmluna bnedmin; l-Eżortazzjoni hi trattat interdixxiplinari: fiha Papa Franġisku daħħal l-antropoloġija, il-psikoloġija, is-soċjoloġija, il-politika, l-ekonomija, eċċ, eċċ.

queridaGħalija hu ċar daqs il-kristall li Papa Franġisku, fi Querida Amazonia, qiegħed igħidlna, per eżempju, kif aħna l-bnedmin għandna ngħixu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, qed jippreżentalna l-arti ta’ kif nikkomunikaw ma’ xulxin … u fil-ħajja tagħna ta’ kulljum ta’ bnedmin li aħna; il-Papa qiegħed jikteb lilna saċerdoti, konsagrati u lajċi, aħna fejn aħna fid-dinja, dwar l-arti ta’ kif nirrelataw ma’ xulxin fil-ħajja tagħna ta’ kulljum: fil-presbiterji tagħna, fil-parroċċi tagħna, fil-familji tagħna, fil-komunitajiet reliġjużi tagħna, fl-għaqdiet tagħna, fuq ix-xogħol, fil-gruppi tagħna, kull fejn inkunu fi kliem ieħor.

1.2.2 Imma aħna bnedmin … insara

Imma għax aħna bnedmin … insara, f’din l-Eżortazzjoni, Papa Franġisku għandu ħafna materjal meħud mix-xjenzi bibliċi, mit-teoloġija kristjana, u forsi b’mod partikulari mit-teoloġija missjunarja u mill-ispiritwalità tagħna.

F’din l-Eżortazzjoni tiegħu l-Papa jrid itennilna wkoll dak li l-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II qalilna diġa fl-Enċiklika missjunarja tiegħu Redemptoris Missio (7/12/90). Ġwanni Pawlu II wessa dak li kien fehem qabel Vatikan II bil-kunċett “missjonarjetà” fid-dokument tiegħu Ad Gentes. Fil-waqt li l-aħħar Konċilju ried li bir-realtà ta’ “missjoni” aħna nifhmu l-ħidma li ssir mill-Knisja f’pajjiżi ad gentes, il-Papa Pollakk, f’Redemptoris Missio, tkellem minn tlett tipi ta’ ħidma missjunarja, it-tlieta meħtieġa għall-aħħar: (i) l-ewwel evanġelizzazzjoni jew dik li ssir f’pajjiżi li qatt ma kienu evanġelizzati, il-ħidma li ssir fejn Kristu u l-Evanġelju tiegħu għadhom mhumiex magħrufa, u allura l-ħidma ad gentes; (ii) il-ħidma li ssir fost popli li qegħdin igħixu b’impenn l-Evanġelju, u allura l-ħidma pastorali; u  (iii) fl-aħħarnett dik li ssir f’popli li ilhom insara mill-imgħoddi mbiegħed, jew dawk li milhomx daqshekk, imma li issa tilfu s-sens ħaj tal-fidi, allura dik li tissejjaħ “rievanġelizzazzjoni” jew “it-tieni evanġelizzazzjoni” (Ara RM 33). U fi Querida Amazonia Papa Franġisku fakkarna f’dan l-istess understanding ta’ missjonarjetà.

Propju għax fi Querida Amazonia Franġisku ppreżenta din l-istess mentalità allura ħadd minna ma jista’ jistaqsi: “Querida Amazonia? Din x’għandha taqsam miegħi?” Ħadd ma qajista’ jgħid: “Dak dokument miktub mill-Papa għall-Amażoniċi. Jien x’għandi x’naqsam magħhom? Lanqas biss naf fejn tiġi l-Amazonia!” Xi ħadd ieħor għandu mnejn igħidli: “Issa għaxxaqtha. Il-missjoni jonqosni! Mhux biżżejjed xogħol, xogħol u xogħol, jien u l-mara, biex nistgħu nlaħħqu mal-familja.” Jew xi ħadd għandu mnejn igħid: “Il-missjoni baqagħli mmur. Mhiniex imħabbat biżżejjed fil-Parroċċa tagħna. Il-kappillan dejjem ġej għalija, għall-mara u anke għat-tfal, issa biex nidħlu fit-tali kumitat, issa biex nippreparaw it-tali ċelebrazzjoni liturġika, issa biex norganizzaw it-tali serata u anke biex nieħdu ħsieb in-nar tal-festa! Jien ma baqalix ħin f’idejja għall-missjoni!” Jew xi ħadd jista’ jgħid: “U jien fejn tridni mmur? Jien qatt ma kont imsejjaħ biex inħalli pajjiżi u mmur xi mkien imbiegħed u fqir biex inxandar l-Evanġelju.” Jew: “Jien bil-mard li għandi bil-kemm niflaħ noħroġ mid-dar jew mill-kunvent, aħseb u ara kemm ħa mmur il-missjoni.” Jew: “Issa jien xjeħt. Il-missjoni għaż-żgħażagħ. Meta kont iżgħar jien tajt ħafna f’diversi parroċċi, qaddist kemm flaħt u tgħidx kemm qrar qarart.” U kif jirreaġixxu l-klawsrali quddiem Querida Amazonia? Papa Franġisku jfakkarna li l-ħidma missjunarja hi għal kulħadd mingħajr eċċezzjoni ta’ ħadd … u kullimkien … u f’kull ħin. Il-Papa jgħidha ċara: Kull nisrani … hu missjunarju … l-ħin kollu … u kullimkien … għax hu nsejjaħ biex igħix il-ħajja kristjana u bl-istess ħajja tiegħu jevanġelizza l-ambjent li fih igħix il-ħajja normali tiegħu.
Dan li għadni kif għedt hawn fuq tant hu minnu li meta niġu biex nippreżentaw fil-qosor l-erba ħolmiet li jsemmi l-Papa u li fil-fatt jagħmlu l-4 kapitli tal-Eżortazzjoni, aħna nistgħu niġbruhom hekk:

Kapitlu 1: Il-Ħolma soċjali = Il-Jien mal-oħrajn, relazzjonalità li għax tkun timmatura jew “tikber” dejjem aktar, allura twassalni għal

Kapitlu 2: Il-Ħolma kulturali = Il-Jien mal-jien jew il-għarien tiegħi nnifsi u dak kollu li għandu x’jaqsam miegħi nnifsi.

f’Kapitlu 3: Għax inkun sewwa miegħi nnifsi … u b’mod sħiħ … b’mod li qed nissaħħaħ kollni kemm jien, allura nasal għat-tielet ħolma li qegħda fit-tielet kapitlu Il-ħolma li nasal nieħu ħsieb, nikkoltiva u saħanstra nkabbar il-madwari kollu, xi ħaġa li mhix għajr

Kapitlu 4: Il-jien u l-Alla inkarnat fil-Knisja għall-univers, inkun kapaċi ngħin fir-restawrazzjoni ta’ KOLLOX (mela l-univers, bnedmin, bhejjem, u l-ħolqien kollu) fi Kristu.

Kemm hu sabiħ il-kliem tal-Papa li, bejn wieħed u ieħor, igħid hekk: Quddiem il-bosta ħtiġijiet u l-bosta tbatijiet li jgħajtu minn qalb l-Amażonia, aħna ma nagħmlu xejn ħażin jekk nirrikorru għall-organizzazzjonijiet soċjali, ir-riżorsi tekniċi, il-postijiet ta’ dibattitu, il-programmi politiċi, eċċ, eċċ. Anżi hekk għandna nagħlu: għandna obbligu li nagħmlu użu minn dawn il-mezzi tant qawwija u li pprovdihomlna l-Mulej innifsu!!! Fl-istess ħin dawn il-mezzi għandhom ikunu biss parti mis-soluzzjoni; bħala nsara ma nistgħux nagħtu daharna għall-proposta ta’ fidi li rċevejna mill-Evanġelju. Imqar jekk nixtiequ nimpenjaw lilna nfusna ma’ kulħadd: ekoloġisti, ekonomisti, politiċi, eċċ, eċċ, m’għandniex nistħu li noħorġu minna lil Ġesù Kristu u nippreżentawh lill-oħrajn (Ara QA 62).

Imma mmedjatlament wara l-proposta ta’ fuq il-Papa Franġisku donnu ħass li għandu jgħid b’mod aktar ċar xi jfisser li aħna noħorġu minna lil Ġesù Kristu u nippreżentawh lill-oħrajn. B’kelmiet l-aktar ċari jgħid li dan ma jfissirx li lill-oħrajn aħna għandna noffrulhom kodiċi ta’ duttrini jew liġijiet moralistiċi. Lil ħutna li huma b’xi mod jew ieħor “foqra” rrridu noffrulhom il-ħbiberija mal-Mulej li jerfagħhom u jagħtihom dinjità, irridu noffrulhom it-tħabbira kbira tas-salvazzjoni, dik il-għajta missjunarja li tindirizza l-qalb u tagħti sens lill-bqija kollu. U dan nagħmluh għax fihom naraw lil Kristu u għax irridu nagħrfu d-dinjità bla tarf li tahom Alla l-Missier għax iħobbhom bi mħabba bla tarf” (Ara QA63).

Forsi mhux hekk igħid b’insistenza San Pawl lill-Korintin? F’sempliċement żewġ versi konsekuttivi jirrepeti għal darbtejn li aħna: “… ministri tal-ħbiberija tal-bnedem ma’ Alla,” u li lilna Alla: “… afdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija” (2Kor 5:18-19).

Il-Kelma ta’ Alla, l-ewwel għajn biex inkunu missjunarji

Jiġi, allura, li aħna hawnhekk nagħmlu mistoqsija fundamentali: aħna, l-imsejjħin biex inkunu mibgħutin, aħna min irridu nkunu? Xi trid tkun id-dna tagħna, l-identità tagħna? Papa Franġisku jirrispondi għal din il-mistoqsija ewlenija b’diversi partijiet ta’ Querida Amazonia. Fl-Eżortazzjoni hu jgħidilna li aħna, l-ewwel u qabel kollox, irridu nkunu ffurmati fil-Kelma ta’ Alla (Ara speċjalment QA 109, imma ara wkoll 84 u 93).

It-Tradizzjoni “Universali”, it-tieni għajn biex inkunu missjunarji

Imma Franġisku ma jinsiex isemmi t-tieni pilastru tal-fidi tagħna: it-Tradizzjoni. U bi Tradizzjoni hu jifhem l-ewwelnett dak li normalment nifhmu aħna lkoll meta msemmu t-Tradizzjoni: il-modi ta’ ħajja li bihom ingħaxet il-Kelma ta’ Alla tul l-istorja tal-Knisja (Ara speċjalment QA 66).

It-Tradizzjoni “Lokali”, it-tielet għajn biex inkunu missjunarji

Imma l-Papa hu fl-istess ħin oriġinali meta jsemmi t-Tradizzjinijiet “lokali,” fil-każ ta’ Querida it-Tradizzjonijiet tal-Amażonia; biex ngħixu verament l-inkarnazzjoni jew l-inkulturizazzjoni tal-Vanġelu fil-kultura Amażonika, biex aħna, bħala Knisja, bħala missjunarji, ninkarnaw verament fl-Amażonia aħna rridu nidraw “naraw” (mela mhux biss “inħarsu”), irridu nidraw “nagħtu widen” (mela mhux biss “nisimgħu”) il-kultura Amażonika, jew fil-każ tal-ħafna minna, il-kultura tal-individwi ta’ madwarna:

“Biex tikseb inkulturazzjoni mġedda tal-Vanġelu fl-Amażonia, il-Knisja għandha bżonn tisma’ l-għerf ta’ missirijietha, terġa’ lura biex tagħti leħen lill-anzjani, tagħraf il-valuri preżenti fl-istil ta’ ħajja tal-komunitajiet tal-post, u maż-żmien tirkupra r-rakkonti prezzjużi tal-popli.” (QA 70)

“F’dan il-kuntest, il-popli indiġeni tal-Amażonia jesprimu l-kwalità awtentika tal-ħajja bħala “għajxien tajjeb” li jimplika armonija personali, familjari, komunitarja u kożmika, u jidher fil-mod komunitarju ta’ kif huma jħarsu lejn il-ħajja, fil-ħila li jsibu l-ferħ u l-milja f’ħajja awstera u sempliċi, kif ukoll fil-ħarsien responsabbli tan-natura li jippreserva r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri” (QA 71).

“Mill-banda l-oħra, l-inkulturazzjoni tgħolli u twassal għall-milja. Bla dubju jeħtieġ napprezzaw l-ispirtu indiġenu tal-interkonnessjoni u tal-interdipendenza tal-ħolqien kollu, spirtu ta’ gratwità li jħobb il-ħajja bħala don, spirtu ta’ ammirazzjoni qaddisa quddiem in-natura li bil-ħajja kollha tagħha tmur ħafna lil hemm minna. Madankollu, dan ifisser ukoll li naħdmu biex din ir-relazzjoni ma’ Alla preżenti fl-univers issir dejjem iżjed ir-relazzjoni personali tagħna ma’ Int li jwieżen ir-realtà tagħna u jrid jagħtiha tifsira, Int li jafna u jħobbna …” (QA 73).

Għax anke l-Amażoniċi huma nies kariżmatiċi!!! Anke l-Amażoniċi jistgħu jfakkruna f’xi kelma, frażi, sentenza jew aspett mill-Kelma ta’ Alla u jħajjruna biex ngħixuh aktar u aħjar milli fil-fatt qegħdin ngħixuh!!!

“Il-popli aboriġini jistgħu jgħinuna niskopru xi tkun sobrjetà ħienja u f’dan is-sens “għandhom ħafna x’jgħallmuna”. Jafu jifirħu bix-xejn, igawdu d-doni żgħar ta’ Alla mingħajr ma jgeddsu wisq affarijiet, ma jeqirdux bla bżonn, iħarsu l-ekosistemi u jagħrfu li l-art, waqt li toffri ruħha biex tweżnilhom ħajjithom, bħal għajn ġeneruża, għandha sens matern li jqanqal ħlewwa u rispett.” (QA 71).

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=hKHoiziGiew?controls=0&w=640&h=400%5D

U biex inti tkun taf ahjar u aktar minn hekk dak li fiha Querida Amazonia aħna, membri tal-Kunsill tal-IHK stedinna lill-Isqof Mario Grech, Pro Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet, biex jagħmel espożizzjoni ta’ Querida Amazonia. Għal dan il-għan aħna nistednuk biex mit-2 ta’ Gunju li ġej, erba xhur mill-promulgazzjoni ta’ Querida Amazonia, inti tfittex laikos.org, jew newsbook.com.mt jew l-iskeda ta Xejk TV u ssegwi d-diskors tal-Isqof Mario Grech.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading