Fit-22 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Rita minn Cascia, Agostinjana li għexet bejn is-snin 1381 sa 1457.
Twieldet Rocca Parreno, fid-djoċesi ta’ Spoleto, minn ġenituri xjuħ u foqra, skont l-awtur tal-ħajja tagħha, Ġakbu Carelicci, Agostinjan, li kiteb il-“ħajja” tagħha fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tal-qaddisa fl-1628.
Għad li kienu foqra, il-ġenituri tagħha kienu magħrufin għall-karità tagħhom, hekk li kienu jsejħulhom, “il-Messaġġiera tal-Paċi ta’ Ġesù”.
Jingħad li meta twieldet il-qaddisa, naħal, li bħalu qatt ma kien deher, beda dieħel u ħiereġ minn fommha.
Rita kellha xewqa kbira li tidħol soru, iżda ta’ tnax-il sena, kellha tobdi lill-ġenituri tagħha u tiżżewweġ. Ma ltaqgħetx ma’ żagħżugħ tajjeb, u għal tmintax-il sena kellha ssofri bil-paċenzja u bis-sabar, il-ħruxija tal-karattru tiegħu – mudell ta’ omm nisranija.
Meta qatlulha lil żewġha, ħafritilhom, u meta ndunat li wliedha t-tnejn riedu jivvendikaw il-mewt ta’ missierhom, għamlet li setgħet biex tbiddlilhom il-ħsieb, u talbet ’l Alla biex jeħodhom qabel ma jagħmlu d-dnub. Il-mewt ħadithom qabel ma setgħu jikkommettu d-dnub, fil-paċi m’Alla.
Meħlusa minn kulħadd, talbet lis-superjura tal-kunvent tal-Agostinjani ta’ Cassia, biex taċċettaha bħala soru. Iżda l-liġi ta’ dawk is-sorijiet kienet li ma jidħlux fosthom dawk li ma kinux verġni. Imma l-qaddisa talbet tant lis-superjura u lil Ġesù li fl-aħħar irnexxielha tidħol, b’miraklu, kif naqraw fil-ħajja tagħha, u libset il-libsa u pprofessat.
Fil-ħajja ġdida dehret xempju għal kulħadd, għall-faqar, il-karità, l-umiltà u l-ubbidjenza, u ġiet magħrufa għall-effikaċja tat-talb tagħha. Kienet hekk devota lejn il-passjoni ta’ Ġesù li talbet biex tieħu sehem fit-tbatijiet tiegħu. U Ġesù kkuntentaha: xewka mill-kuruna ta’ Ġesù Kurċifiss, tinqala’ u tolqotha f’moħħha, u daħlet tant ġewwa li Rita ma felħitx aktar, ħassha ħażin u sabet ruħha bejn il-mewt u l-ħajja.
Damet b’din il-ferita ħmistax-il sena. Għalqet biss meta marret Ruma għall-Ġublew tal-1450. Mietet fit-22 ta’ Mejju, 1457.