Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 21 ta’ Mejju


Il-Ħamis, 21 ta’ Mejju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Quddiesa offruta lil dawk kollha li jaħdmu fil-midja biex dejjem ixxerred il-verità …

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Dan id-diskors ta’ Ġesù u dan id-djalogu mad-dixxipli tiegħu jsir f’Ħamis ix-Xirka, lejlet il-passjoni u l-mewt tiegħu, ftit sigħat qabel jiġi arrestat u jibda jiġi ttorturat. F’dan id-diskors Ġesù jitkellem fuq żewġ livelli. L-ewwel jitkellem fuq dawn is-sigħat li ġejjin fuqu u li matulhom jittieħed mid-dixxipli tiegħu u ma jibqgħux jarawh iżjed għaliex jindifen fil-qabar. Imma jitkellem ukoll fuq il-mument meta wara ftit jerġgħu jarawh (ara Ġw 16:16).

F’dawn l-aħħar jiem, mill-Għid ’il hawn, iċċelebrajna propju fil-Ġimgħa Mqaddsa u mbagħad f’dawn il-jiem kważi 40 jum wara l-Għid, meta Ġesù jittieħed, u mbagħad wara ftit, id-dixxipli jerġgħu jarawh. Meta qalu dan id-diskors, id-dixxipli ma setgħux jifhmu, għalkemm Ġesù stess kien antiċipa l-mewt u l-qawmien tiegħu almenu tliet darbiet. Dan skont ir-rakkont tal-Evanġelji l-oħra u anke bix-xbieha tal-għarus li jittieħed u meta jittieħed l-għarus, jgħid, id-dixxipli jsumu.

Imma Ġesù jitkellem ukoll fuq it-tieni livell. Dan meta jindirizza lid-dixxipli: “Tassew, tassew ngħidilkom intom għad tibku u tingħu iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20).

Dan id-diskors jgħodd ukoll għall-mument tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Imma b’xi mod huwa diskors li jakkumpanja l-ħajja tal-Knisja f’kull żmien fejn il-Knisja, għax dan huwa wkoll il-kliem qawwi ta’ Ġesù, tiġi ppersegwitata, li d-dixxipli tiegħu jiġu ppersegwitati u jibku u jgħinu u d-dinja tifraħ. Id-dixxipli ta’ Ġesù jġarrbu n-niket imma l-wegħda tal-Mulej hija li n-niket tagħna jitbiddel f’hena.

B’dan id-diskors Ġesù qed jgħallimna li dak li għadda minnu hu ngħaddu minnu aħna, dak li għaddna minnu hu tgħaddi minnu l-Knisja f’kull żmien. Imma għalkemm il-Mulej jitkellem dwar li jittieħed, u jitkellem dwar il-biki u t-tnehid, jitkellem ukoll dwar in-niket. Iżda l-aħħar kelma tiegħu hija hena. Hu ma jgħidx hena fid-dinja l-oħra; il-kuntest li fih jitkellem huwa ta’ hena li jiġborna u jsibna anke f’din id-dinja.

Ejjew nitolbu biex aħna ma naqtgħu qatt qalbna mill-faraġ li l-Mulej jagħtina waqt li jkellimna ċar fil-fatt li aħna jiġu mumenti meta nibku, ningħu u nkunu mnikktin u d-dinja tifraħ.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.