33. Fir-rieda tar-rigal reċiproku il-komunjoni tal-persuni

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 30/07/1980.

1. Ir-riflessjonijiet li se nkomplu nisvolġu fiċ-ċiklu attwali huma rigward il-kliem, li Kristu ippronunzja fid-Diskors tal-Muntanja dwar ix-“xewqa” tal-mara da parti tar-raġel.

Fit-tentattiv li nipproċedu għal eżami mill-qiegħ dwar dak li jikkaratterizza l-“bniedem tal-konkupixxenza”, erġajna tlajna mill-ġdid għall-Ktieb tal-Ġenesi. Hawnhekk, is-sitwazzjoni li nħolqot fir-rapport reċiproku tal-mara u tar-raġel jinsab deskritt b’finezza kbira. Is-sentenzi waħdanin ta’ Ġenesi 3 huma tassew elokwenti. Il-kliem ta’ Alla-Jahwe indirizzati lill-mara f’Ġenesi 3,16: “Lejn żewġek ikun l-istint tiegħek, imma hu jiddominak”, donnhom jirrivelaw, għal analiżi dettaljata, b’liema mod ir-rapport tar-rigal reċiproku, li kien jeżisti bejniethom fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, inbidel, wara d-dnub oriġinali, f’rapport ta’ appropjazzjoni reċiproka.

Jekk ir-raġel ikollu x’jaqsam ma’ martu b’mod li jqisha biss bħala oġġett li jikkapparra u mhux bħala rigal, fl-istess ħin jikkundanna lilu nnifsu li jsir ukoll hu oġġett ta’ appropjazzjoni biss, għaliha, u mhux rigal. Jidher li l-kliem ta’ Ġenesi 3,16 jitkellmu dwar tali rapport bilaterali, alavolja b’mod dirett jingħad biss: “hu jiddominak”. Barra minn hekk, fl-appropjazzjoni unilaterali (li b’mod indirett huwa bilaterali) tgħib l-istruttura tal-komunjoni bejn il-persuni; iż-żewġ esseri umani jsiru kważi inkapaċi li jiksbu l-miżura interna tal qalb, indirizzata lejn il-libertà tar-rigal u s-sinifikat sponsali tal-ġisem, li għalihom hija intrinsika. Il-kliem ta’ Ġenesi 3,16 donnhom jissuġġerixxu li dan iseħħ pjuttost a spejjeż tal-mara, u li f’kull każ hija tħossu iktar mir-raġel.

2. Almenu għal dan il-partikular jixraq li ndawru issa l-attenzjoni. Il-kliem ta’ Alla-Jahwe skont Ġenesi 3,16: “Lejn żewġek ikun l-istint tiegħek, imma hu jiddominak”, u dawk ta’ Kristu skont Mattew 5,27-28: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha…”, jippermettu li nintebħu b’ċertu paralelliżmu. Jistà jkun li, hawn m’għandux x’jaqsam mal-fatt li fuq kollox il-mara ssir oġġett ta’ “xewqa” da parti tar-raġel, imma pjuttost li – kif diġa qabel indikajna – il-bniedem “mill-bidu” kellu jkun l-għassies tar-reċiproċità tar-rigal u tal-ekwilibriju awtentiku tiegħu. L-analiżi ta’ dak il-“bidu” (Ġen 2,23-25) turi appuntu r-responsabiltà tar-raġel fl-ilqugħ tal-femminilità bħala rigal u fil-bdil tagħha f’kontrakkambju bilaterali, reċiproku. B’dan isib ruħu f’kuntrast apert it-twarrib mill-mara tar-rigal propju permezz tal-konkupixxenza. Alavolja l-manteniment tal-ekwilibriju tar-rigal donnu li kien afdat fit-tnejn, tmiss responsabbiltà speċjali fuq kollox lir-raġel, bħallikieku minnu jiddependi maġġorment li l-ekwilibriju jkun miżmum jew inkella miksur jew saħansitra – jekk diġa miksur – eventwalment ristabbilit. Ċertament, id-differenza tal-irwoli, skont dawn stabbiliti, għal-liema se nagħmlu hawn riferenza bħala testi-muftieħ, kienet ukoll iddettata mill-emarġinazzjoni soċjali tal-mara fil-kondizzjonijiet ta’ dak iż-żmien (u l-Iskrittura tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid tfornina bi provi biżżejjed); xejn inqas,  hemm kontenuta verità li għandha l-piż tagħha b’mod indipendenti minn kondizzjonijiet speċifiċi dovuti għall-użi ta’ dik is-sitwazzjoni storika speċifika.

3. Il-konkupixxenza iva tasal li tagħmel li l-ġisem isir kważi “terren” ta’ appropjazzjoni tal-persuna l-oħra. Kemm huwa faċli tifhem, dak li jinvolvi t-telfa tas-sinifikat sponsali tal-ġisem. U flimkien ma’ dan takkwista sinifikat ieħor ukoll l-“appartenenza” reċiproka tal-persuni, li waqt li jingħaqdu hekk li jkunu “ġisem wieħed” (Ġen 2,24) jiġu fl-istess ħin imsejħa biex ikunu ta’ xulxin. Id-dimensjoni partikulari tal-għaqda personali tar-raġel u tal-mara permezz tal-imħabba tesprimi ruħha fil-kliem “tiegħi… tiegħi”. Dawn il-pronomi, li minn dejjem jappartjenu lil-lingwaġġ tal-imħabba umana, spiss jirrikorru fl-istrofi tal-Kantiku tal-Kantiċi u wkoll f’testi oħra bibbliċi. (cf.ex.gr.Kt 1,9.13.14.15.16; Kt 2,2.3.8.9.10.13.14.16.17;  Kt 3,2.4.5;  Kt 4,1.10;  Kt 5,1.2.4;   Kt 6,2.3.4.9;  Kt 7,11; Kt 8,12.14; cf. ex. gr.  Ez 16,8;  Os 2,18;  Tb 8,7). Dawn huma pronomi li fis-sinifikat tagħhom “materjali” jindikaw rapport ta’ pussess, imma fil-każ tagħna jindikaw l-analoġija personali ta’ tali rapport. L-appartenenza reċiproka tar-raġel u tal-mara, speċjalment meta jappartjenu bħala miżżewġin “fl-għaqda tal-ġisem”, tifforma ruħha skont din l-analoġija personali.  L-analoġija – kif inhu magħruf – tindika fl-istess ħin ix-xebħ kif ukoll in-nuqqas ta’ identità (jiġifieri dissomiljanza sustanzjali). Nistgħu nitkellmu dwar appartenenza reċiproka tal-persuni biss jekk nieħdu in konsiderazzjoni tali analoġija. Infatti, fis-sinifikat oriġinarju u speċifiku tagħha, l-appartenenza tassumi r-rapport tas-suġġett għall-oġġett: rapport ta’ pussess u ta’ propjetà. Dan huwa rapport mhux biss oġġettiv, imma fuq kollox “materjali”: appartenenza ta’ xi ħaġa, mela ta’ oġġett għal xiħadd.

4. It-termini “tiegħi… tiegħi”, fil-lingwaġġ etern tal-imħabba umana, m’għandhomx – żgur – tali sinifikat. Huma jindikaw ir-reċiproċità tad-donazzjoni, jesprimu l-ekwilibriju tar-rigal – jistà jkun propju dan fl-ewwel post – jiġifieri dak l-ekwilibriju tar-rigal, li fih tistabilixxi ruħha il-communio personarum reċiproka. U jekk din tiġi stabbilita permezz tar-rigal reċiproku tal-maskulinità u tal-femminilità iżżomm fiha wkoll is-sinifikat sponsali tal-ġisem. Fis-sewwa, il-kliem “tiegħi… tiegħi” fil-lingwaġġ ta’ mħabba donnhom negazzjoni radikali ta’ appartenenza fis-sens li fih oġġett-ħaġa materjali jappartjeni għas-suġġett-persuna. L-analoġija żżomm il-funzjoni sakemm ma taqax fis-sinifikat indikat hawn fuq. Il-konkupixxenza tripla, u partikularment il-konkupixxenza tal-ġisem, tneħħi lill-appartenenza reċiproka tar-raġel u tal-mara d-dimensjoni li hija propja tal-analoġija personali li fiha t-termini “tiegħi… tiegħi” jikkonservaw is-sinifikat essenzjali tagħhom. Tali sinifikat essenzjali jinsab ‘il barra mil-“liġi ta’ propjetà”, ‘il barra mis-sinifikat tal-“oġġett ta’ pussess”; il-konkupixxenza, minflok, hija orjentata lejn dan l-aħhar sinifikat. Mill-pussess, il-pass ulterjuri imur lejn il-“pjaċir”: l-oġġett li nippossiedi jakkwista għalija ċertu sinifikat in kwantu jien niddisponi minnu u ninqeda bih, nużah. Huwa evidenti li l-analoġija personali tal-appartenenza b’mod deċiż tmur għal kollox kontra tali sinifikat. U din l-oppożizzjoni hija sinjal li dak li fir-rapport reċiproku tar-raġel u tal-mara “jiġi mill-Missier” iżomm il-persistenza u l-kontinwità tiegħu fil-konfront ta’ dak li jiġi “mid-dinja”. Bdanakollu, il-konkupixxenza minnha nfiha timbotta lir-raġel lejn il-pussess tal-parti l-oħra bħala oġġett, timbuttah lejn il-“pjaċir”, li jġib miegħu n-negazzjoni tas-sinifikat sponsali tal-ġisem. Fin-nuqqas tiegħu, ir-rigal diżinteressat jiġi eskluż mill-“pjaċir” egoistiku. Ma jitkellmux forsi diġa l-kliem ta’ Alla-Jahwe ndirizzati lill-mara f’Ġenesi 3,16?

5. Skont l-ewwel ittra ta’ Ġwanni 2,16, il-konkupixxenza turi fuq kollox l-istat tal-ispirtu uman. Ukoll il-konkupixxenza tal-ġisem tixhed fl-ewwel post l-istat tal-ispirtu uman. Għal din il-problema jaqbel li niddedikaw analiżi ulterjuri.

Waqt li napplikaw it-tejoloġija ġovanneska fuq il-bażi tal-esperjenzi deskritti f’Ġenesi 3, kif ukoll għall-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-muntanja (Mt 5,27-28), nerġgħu nsibu, biex ngħidu hekk, dimensjoni konkreta ta’ dik l-oppożizzjoni li – flimkien mad-dnub – titwieled fil-qalb umana bejn l-ispirtu u l-ġisem. Il-konsegwenzi tagħha jinħassu fir-rapport reċiproku tal-persuni, li l-unità tagħhom fl-umanità hija determinata sa mill-bidu mill-fatt li huma raġel u mara. Minn meta fil-bniedem stallat ruħha “liġi oħra, li tmexxi gwerra kontra l-liġi tal-moħħ” (Rm 7,23), jeżisti perikolu kważi kostanti ta’ tali mod kif tara, kif tivvaluta, kif tħobb, hekk li “ix-xewqa tal-ġisem” timmanifesta ruħha aktar qawwija mix-“xewqa tal-moħħ”. U hija propja din il-verità dwar il-bniedem, dan il-komponent antropoloġiku li rridu nżomm dejjem preżenti, jekk irridu nifhmu sal-qiegħ nett l-appell indirizzat minn Kristu lill-qalb umana fid-Diskors tal-Muntanja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading