81. Biex tkun għal kollox konxju minn dak li tagħżel trid tkun ukoll għal kollox konxju minn dak li tiċħad

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  05/05/1982.

1. Fit-tweġib tiegħu għad-domandi tal-Fariżej dwar iż-żwieġ u l-indissolubiltà tiegħu, Kristu rrefera għall-“bidu”, jiġifieri għall-istituzzjoni oriġinali tiegħu min-naħa tal-Ħallieq.

Meta tqis li l-interlokoturi tiegħu irriferew għal-liġi ta’ Mosè, li kienet tipprevedi l-possibiltà tal-hekk imsejħa “ittra tar-ripudju”, huwa wieġeb: “Minħabba l-għebusija ta’ qalbkom Mosè ppermettilkom li tibagħtu lil martkom, imma sa mill-bidu ma kienx hekk” (Mt 19, 8).

Wara d-djalogu mal-Fariżej, id-dixxipli ta’ Kristu daru fuqu bil-kliem li ġej: “Jekk don hija l-kondizzjoni tar-raġel rigward il-mara, ma jaqbillekx tiżżewweġ”. Huwa weġibhom: “Mhux kulħadd jistà jifhmu, imma dawk biss li lilhom ġie permess. Infatti hemm ewnuki li twieldu hekk sa minn ġuf ommhom; hemm xi wħud li ġew magħmulin hekk mill-bnedmin, u hemm oħrajn li għamlu lilhom infushom ewnuki għas-Saltna tas-Smewwiet. Min jistà jifhem, ħalli jifhem” (Mt 19, 10-20).

2. Il-kliem ta’ Kristu jalludi bla ebda dubju għal ċaħda għaż-żwieġ koxjenti u voluntarja. Tali ċaħda hija possibbli biss meta tammetti koxjenza awtentika ta’ dak il-valur li huwa kostitwit mid-dispożizzjoni sponsali tal-maskulinità u l-femminilità għaż-żwieġ. Għaliex il-bniedem jistà jkun pjenament koxjenti minn dak li jagħżel (ir-rażan għas-Saltna), irid ikun ukoll pjenament koxjenti minn dak li minnu se jiċċaħħad (hawn tidħol propju il-koxjenza tal-valur f’sens “ideali”; xejn inqas din il-koxjenza hija għal kollox “realistika). Kristu bla dubju jesiġi, b’dan il-mod, għażla matura.  Dan tikkonfermah, mingħajr ebda dubju, il-forma li fiha tiġi espressa s-sejħa għar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet.

3. Imma mhix biżżejjed ċaħda pjenament konxja għall-imsemmi valur. Fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu, kif ukoll fid-dawl tat-tradizzjoni kristjana awtentika, huwa possibbli tiddeduċi li tali ċaħda hija fl-istess ħin forma partikulari ta’ affermazzjoni ta’ dak il-valur, li minnu l-persuna mhix miżżewġa tastjeni b’mod koerenti, waqt li ssegwi l-parir evanġeliku. Dan jistà jidher paradoss. Madankollu, huwa magħruf li l-paradoss jakkumpanja espressjonijiet numerużi tal-Vanġelu, u spiss dawk l-iktar elokwenti u profondi. Waqt li naċċettaw tali sinifikat tas-sejħa għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, niġbdu konklużjoni korretta, waqt li nsostnu li r-realiżazzjoni ta’ din is-sejħa sservi wkoll – u b’mod partikolari – għat-twettiq tas-sinifikat sponsali tal-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Iċ-ċaħda għaż-żwieġ għas-saltna ta’ Alla ġġiegħel fl-istess ħin jispikka dak is-sinifikat fil-verità nterna kollha tiegħu u fis-sbuħija personali kollha tiegħu. Nistgħu ngħidu li din iċ-ċaħda min-naħa tal-persuni singuli, irġiel u nisa, hija f’ċertu sens indispensabbli, sabiex l-istess sinifikat sponsali tal-ġisem ikun magħruf b’mod iktar faċli fl-ethos kollu tal-ħajja umana u speċjalment fl-ethos tal-ħajja konjugali u familjari.

4. Hekk, mela, għalkemm ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” (il-verġinità, iċ-ċelibat) jiggwida l-ħajja tal-persuni li jagħżluh liberament ‘il hemm mit-triq komuni tal-ħajja konjugali u familjari, madankollu ma jibqax mingħajr sinifikat għal din il-ħajja: għall-istil tiegħu, il-valur tiegħu u l-awtentiċità tiegħu evanġelika. Ma ninsewx li l-uniku mod biex nifhmu s-sagramentalità taż-żwieġ hija l-imħabba sponsali ta’ Kristu lejn il-Knisja (cf. Ef 5, 22-23): ta’ Kristu bin il-verġni, li hu nnifsu kien verġni, jiġifieri, “ewnuku għas-Saltna tas-Smewwiet”, fis-sens l-iktar perfett tat-terminu. Ikun aħjar għalina li nerġgħu naqbdu dan l-argument iktar tard.

5. Fi tmiem dawn ir-riflessjonijiet ikun għad fadal problema konkreta: b’liema mod il-bniedem, li lilu “ġiet konċessa” s-sejħa għar-rażan għas-Saltna, tali sejħa tifforma ruħha fuq il-bażi tal-koxjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, u, iktar, bħala frott ta’ tali koxjenza? B’liema mod tifforma ruħha jew pjuttost “tittrasforma ruħha? Din id-domanda hija ugwalment importanti, kemm mill-punt di vista tat-tejoloġija tal-ġisem, kemm mill-punt di vista tal-iżvilupp tal-personalità umana, li hija ta’ karattru personalistiku u fl-istess ħin kariżmatiku. Jekk irridu nwieġbu tali domanda b’mod eżawrjenti – fid-dimensjoni tal-aspetti kollha u tal-problemi konkreti kollha miġburin fiha – ikun hemm bżonn li nagħmlu studju apposta dwar ir-rapport bejn iż-żwieġ u l-verġinità u bejn iż-żwieġ u ċ-ċelibat. Dan però jaqbeż sewwa il-limiti tal-konsiderazzjonijiet preżenti.

6. Waqt li nibqgħu fl-ambitu tal-kliem ta’ Kristu skont Mattew (Mt 19, 11-12), jinħtieġ nikkonkludu r-riflessjonijiet tagħna billi nasserixxu dak li ġej. L-ewwel: jekk r-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” ifisser bla dubju ċaħda, tali ċaħda hija fl-istess waqt affermazzjoni: dik li toħroġ mill-iskoperta tad-“don”, jiġifieri fl-istess waqt mill-iskoperta ta’ prospettiva ġdida tar-realiżazzjoni personali tagħhom infushom “permezz ta’ don sinċier tiegħu nnifsu” (Gaudium et Spes, 24); din l-iskoperta tinsab allura f’armonija nterna profonda mas-sens tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, marbut “sa mill-bidu” mal-maskulinità jew il-femminilità tal-bniedem, bħala soġġett personali. It-tieni: għalkemm ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” jidentifika ruħu maċ-ċaħda għaż-żwieġ – li fil-ħajja ta’ raġel u ta’ mara jagħti bidu għall-familja – , ma tistà bl-ebda mod tara fih  negazzjoni tal-valur essenzjali taż-żwieġ; anzi għall-kuntrarju, ir-rażan b’mod indirett  iservi biex iġiegħel jispikka dak li fid-dimensjonijiet tat-temporalità (u fl-istess ħin fil-prospettiva tad-“dinja l-oħra”) jikkorrispondi mad-dinjità tad-don personali, marbut mas-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu.

7. B’tali mod, is-sejħa ta’ Kristu għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, ġustament assoċjata mar-referenza għall-qawmien mill-imwiet futur (cf. Mt 21, 24-30; Mk 12, 18-27; Lk 20, 27-40), għandha sinifikat kapitali mhux biss għall-ethos u l-ispiritwalità kristjana, imma wkoll għall-antropoloġija u għat-tejoloġija kollha tal-ġisem li niskopru fis-sisien tagħha. Niftakru li Kristu, waqt li rrefera għall-qawmien mill-imwiet tal-ġisem fid-“dinja l-oħra”, qal, skont il-verżjoni tat-tliet Vanġeli Sinottiċi: “Meta jqumu mill-imwiet . . . la jieħdu mara u linqas raġel . . .” (Mc 12, 25). Dan il-kliem, diġa analizzat qabel, jagħmel parti mit-totalità tal-konsiderazzjonijiet tagħna dwar it-tejoloġija tal-ġisem u jikkontribwixxi għall-kostruzzjoni tagħha.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading