Lezzjoni II: San Ludoviku

Print Friendly, PDF & Email

25 ta’ Awwissu – SAN LUDOVIKU, SULTAN TA’ FRANZA

Tifkira

Twieled fl-1214;  ta’ 22 sena sar sultan ta’ Franza. Iżżewweġ lil Margerita ta’ Provenza u kellhom ħdax il-wild li tahom trobbija  mill-aħjar. Kien mogħti għall-indiema u t-talb u wera tjieba u mħabba mal-foqra. Kien mexxej tajjeb u ħabrek mhux biss għall-paċi fost il-popli u l-ħid temporali tas-sudditi tiegħu, iżda wkollgħall-ġid spiritwali ta’ kulħadd. Mar mal-kruċjati bex jeħles il-qabar ta’ Kristu, iżda marad u miet ħdejn Kartaġni fl-1270. Ġie kkanoniżżat 27 sena wara.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mi-Testment spiritwali ta’ San Ludoviku lil ibnu.

(Acta Sanctorum Aug.5)

Sultan ġust iżomm il-pajjiż

Ibni l-għażiż, l-ewwel ħaġa li ngħallmek hija dik li inti għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u bil-qawwa tiegħek kollha; mingħajr din l-imħabba ma hemmx salvazzjoni .

Ibni, għandek tħares lilek innifsek minn dak kollu li taf li ma jogħġobx lil Alla, jiġifieri, minn kull dnub mejjet, hekk li aktar tagħżel iġġarrab it-tbatija ta’ kull xorta ta’ martirju milli taqa’ f’xi dnub mejjet.

Barra minn dan, jekk Alla jħalli xi sofferenza żżurek, għandek tilqagħha bil-qalb it-tajba u bir-radd ta’ ħajr, u tifhem li jkun bagħathielek għall-ġid tiegħek u għax forsi wkoll tkun tistħoqqlok tassew. Hekk ukoll, jekk il-Mulej jagħtik ir-riżq it-tajjeb, roddlu ħajr bl-umiltà, u  iftaħ għajnejk biex ma tinqediex bih għall-ħsara tiegħek, għall-frugħa jew b’xi ħsieb ħażin ieħor, għax qatt ma għandek tieqaf lil Alla jew triegħxu għad-doni tiegħu.

Mur bil-qalb għall-Uffiċċju tal-Knisja u oqgħod isimgħu bil-ġabra; fil-knisja, tħallix għajnejkjiġru ‘l hawn u ‘l hemm għal xejn, u żomm ilsienek mill-kliem fieragħ, imma itlob ‘l Alla bil-qima, b’talbbil-fomm jew bil-ħsibijiet tal-qalb.

Kun qalbek tajba mal-foqra, ma kull min hu imsejken u mġarrab; għinhom u farraġhom skont ma’ tista’. Rodd ħajr lil Alla għall-ġid kollu li jagħtik biex ikun jistħoqqlok ġid aqwa minn għandu. Kun ġust ma’ dawk li huma taħtek, imxi magħhom mit-triq id-dritta, bla ma tgħawweġ la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug u sakemm ma ssirx taf tajjeb fejn hu s-sewwa, dejjem żomm ruħek aktar man-naħa tal-fqir milli tal-għani. Fittex kemm tista’ biex is-sudditi kollha tiegħekigawdu kemm il-ħaqq u s-sliem, l-iżjed il-kleru u r-reliġjużi.

Ikollok rabta mill-qalb u bl-ubbidjenza ma’ Ommna l-Knisja Rumana u mal-Papa bħala l- missier spiritwali. Tħabat għall-qerda ta’ kull dnub minn artek, l-iżjed id-dagħa u l-ereżiji.

Fl-aħħarnett, ibni l-għażiż, nagħtik kull barka li missier twajjeb jista’ jagħti lil ibnu, u j’Alla t-Trinità u l-qaddisin kollha jħarsuk minn kull deni. Jagħtik il-Mulej il-grazzja li tagħmel ir-rieda tiegħu, biex ikun moqdi u mweġġaħ permezz tiegħek, ħalli wara din il-ħajja naslu flimkien biex narawh, inħobbuh u nfaħħruħ għal dejjem . Amen.

RESPONSORJU                                                                                                               2 Slat 18:3a. 5b. 6a.7b.

1.Huwa għamel dak li jogħġob lill-Mulej; ma kienx hemm bħalufost is-slaten; ingħaqad mal-Mulej * u ma warrabx minnu.

2. Huwa ħares il-kmandamenti tiegħu, u l-Mulej kien miegħu. * u ma warrabx minnu.

Talba

O Alla, int ħadt lil San Ludoviku mit-tmexxija ta’ saltna fuq l-art għall-glorja tas-saltna tas-sema; bit-talb tiegħu agħtina, li fil-qadi ta’dmirijietna, f’din il-ħajja li tgħaddi, infittxu s-saltna tiegħek, li tibqa’ għal dejjem. B’Ibnek.

%d bloggers like this: