Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-Ottava tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Ottava tal-Għid
Il-Ġimgħa

QARI I
F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni.
Atti 4, 1-12

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, wara l-fejqan tal-magħtub, waqt li Pietru u Ġwanni kienu għadhom qegħdin ikellmu l-poplu, resqu fuqhom il-qassisin u l-kmandant tat-tempju u s-Sadduċej; għax ma felħux jisimgħuhom jgħallmu lill-poplu u, bl-istess qawmien ta’ Ġesù, ixandru l-qawmien mill-imwiet. Għalhekk meddew idejhom fuqhom, u żammewhom fil-ħabs sal-għada, għax kien ġa sar filgħaxija. Imma ħafna minn dawk li kienu semgħu l-kelma emmnu, u l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ.

L-għada l-kapijiet tagħhom u x-xjuħ u l-kittieba ltaqgħu f’Ġerusalemm. Kien hemm Anna l-qassis il-kbir, Kajfa, Ġwanni, Alessandru, u dawk kollha li kienu mill-familja tal-qassisin il-kbar. Qiegħdu lill-appostli fin-nofs u staqsewhom: “Intom b’liema qawwa jew f’isem min għamiltuh dan?”.

Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet. Din hi “il-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka”. F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 117 (118), 1-2 u 4.22-24.25-27a

R/. (22): Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael: “Għal dejjem it-tieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tieba tiegħu”. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. R/.

SEKWENZA (FAKULTATIVA)

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117 (118), 24

Hallelujah. R/. Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Ġw 21, 1-14

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le!”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitt metru biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu”. Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading