Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-Ottava tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

L-Ottava tal-Għid
Il-Ħamis

QARI I
Qtiltu lill-Awtur tal-ħajja, imma Alla qajmu mill-imwiet.
Atti 3, 11-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, waqt li r-raġel il-magħtub kien imqabbad ma’ Pietru u Ġwanni, in-nies, mistagħġba għall-aħħar, ġrew ilkoll flimkien lejhom ħdejn il-portiku li jgħidulu ta’ Salamun. Pietru, kif rahom qalilhom: “Nies ta’ Iżrael, x’intom tistagħġbu b’dan? Jew x’intom tħarsu lejna, qisna konna aħna li b’ħilitna jew bit-tieba tagħna għamilna lil dan ir-raġel jimxi? Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda. Kien bl-isem ta’ Ġesù, u permezz tal-fidi f’dan l-isem, li dan ir-raġel, li intom tafuh u qegħdin tarawh, ħa saħħtu; hija l-fidi fih li tatu saħħtu għal kollox quddiemkom ilkoll.

Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. Imma b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati. Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom. Hekk jiġu żminijiet ta’ mistrieħ mingħand il-Mulej, u hu jibagħtilkom il-Messija li għażlilkom, li hu Ġesù, li għalissa għandu jibqa’ fis-sema sa ma jseħħ it-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu. Mosè wkoll qal: “Il-Mulej Alla tagħna jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom; lilu isimgħu f’kulma jgħidilkom. U jiġri li kull min ma jismax minn dan il-profeta jinqered minn qalb il-poplu”. U l-profeti kollha, ibda minn Samwel u dawk li ġew warajh, ilkoll tkellmu u ħabbru dawn il-jiem.

Intom ulied il-profeti u werrieta tal-Patt li Alla għamel ma’ missirijietkom meta qal lil Abraham: “F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art”. Kien għalikom l-ewwel li Alla qajjem il-Qaddej tiegħu u bagħtu jberikkom, billi kull wieħed minnkom jerġa’ lura minn ħżunitu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 8, 2a u 5.6-7.8-9

R/. (2ab): Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Mulej, Sid tagħna,
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.

Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!
Kollox taħt riġlejh qegħedtlu. R/.

In-nagħaġ u l-baqar kollha,
sa l-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq fil-baħar. R/.

SEKWENZA (FAKULTATIVA)

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117 (118), 24

Hallelujah. R/. Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah
320

EVANĠELJU
Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.
Lq 24, 35-48

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, id-dixxipli ta’ Għemmaws kienu qegħdin itarrfu x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.

Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom. Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub: li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu