Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-Ottava tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Ottava tal-Għid
It-Tnejn

QARI I
Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda.
Atti 2, 14.22-33

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena; imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu :
“Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek.
Għalhekk ferħet qalbi
u mtela bl-hena lsieni ;
u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama,
għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi,
u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.
Inti għarraftni t-triq tal-ħajja,
timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek”.

Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sal-lum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal:
“La kien mitluq fl-imwiet
u lanqas ġismu ma ra t-taħsir”.

Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 15 (16), 1-2a u 5.7-8.9-10.11

R/. (1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

SEKWENZA (FAKULTATIVA)

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh”.
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen! Hallelujah!

Victimae paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri reconciliavit peccatores.
Mors et vita
duello conflixere mirando:
dux vitae mortuus,
regnat vivus.
Dic nobis, Maria,
quid vidisti in via?
Sepulcrum Christi viventis:
et gloriam vidi resurgentis.
Angelicos testes,
sudarium et vestes.
Surrexit Christus spes mea:
praecedet suos in Galilaeam.
Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117 (118), 24

Hallelujah. R/. Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.
Mt 28, 8-15

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, in-nisa telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk”.

Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta’ kulma kien ġara. Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha u qalulhom: “Għidu hekk: “Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin”. U jekk il-gvernatur jisma’ b’dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet”. Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata tal-lum.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading