Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-Ottava tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

L-Ottava tal-Għid
It-Tlieta

QARI I
Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu.
Atti 2, 36-41

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru qal lin-nies tal-Lhudija: “Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”. Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”. U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom”. U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”. Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22

R/. (5b): Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

SEKWENZA (FAKULTATIVA)

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117 (118), 24

Hallelujah. R/. Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Rajt lill-Mulej u tani dil-bxara.
Ġw 20, 11-18

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Marija baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?”. Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh”.

Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?”. Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura”.

Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: “Rabbuni!” jiġifieri Mgħallem. Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom”. Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej!” u qaltilhom x’qalilha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu