Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-II ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Għid
Is-Sibt

QARI I
Agħżlu sebat irġiel mimlijin bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 6, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta’ kuljum.

Għalhekk it-Tnax sejħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: “Mhux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed. Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom. U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma”.

Dan il-kliem għoġob lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom
fuqhom. U l-kelma ta’ Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira ta’ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 32 (33), 1-2.4-5.18-19

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;
jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;
għannulu fuq l-arpa b’għaxar kordi. R/.

Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Mulej qam mill-qabar:
Hu li ħalaq id-dinja,
fl-imħabba tiegħu salva lill-bnedmin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar.
Ġw 6, 16-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Xħin sar filgħaxija, id-dixxipli ta’ Ġ esù niżlu ħdejn il-baħar, rikbu dgħajsa u ġibdu għax-xatt l-ieħor tal-baħar, lejn Kafarnahum.Kien ġa dalam, u Ġesù kien għadu ma ġiex jilħaqhom. Il-baħar kien qam sewwa, għax kien qiegħed jonfoħ riħ qawwi. Mela wara li kienu qadfu xi ħamsa u għoxrin jew tletin stadju, raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar riesaq lejn id-dgħajsa, u beżgħu. Imma hu qalilhom: “Jiena hu, la tibżgħux”. Għalhekk riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, iżda minnufih id-dgħajsa messet l-art fejn kienu sejrin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading